Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Artijiet — investigazzjoni dwar il-Fortizza ta' Bengħajsa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7935 u jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni li saret fl-2019 mill-Awtorità tal-Artijiet dwar il-Fortizza ta’ Bengħajsa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda hawn taħt. · Parti mill-Fortizza hija reġistrata għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib biss. Il-kirja għadha viġenti sal-lum il-ġurnata. · Parti oħra mill-Fortizza hija reġistrata għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib biss. In-notifika li l-kirja mhux ser tiġġedded ġie komunikata f’ittra lill-kerreja nhar it-8 ta’ Frar, 2011. Is-sit ma ġiex vakat u għaldaqstant, f’Novembru 2011, kienet ħarġet ordni mill-Kummissarju tal-Artijiet skont L-Att dwar żgumbrament minn Artijiet, Kapitolu 228 tal-Liġijiet ta’ Malta. L-azzjonijiet ta’ żgumbrament qatt ma ġew infurzati. Sussegwentament, fit-2 ta’ Novembru 2016, l-Awtorità rċeviet Avviż mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar Nru EC/00450/16 dwar ksur ta’ kontroll tal-ippjanar ġewwa l-Fortizza ta’ Bengħajsa. Il-pożizzjoni kurrenti hija li l-proprjetà għadha okkupata illegalment u mingħajr titolu. · Parti oħra mill-Fortizza hija reġistrata għat-trobbija ta’ baqar u/jew barrin biss u għal ebda annimali oħrajn mingħajr permess speċifiku tad-Direttur tal-Agrikoltura. F’Novembru 2011, kienet ħarġet Ordni mill-Kummissarju tal-Artijiet skont l-Att dwar żgumbrament minn Artijiet, Kapitolu 228 tal-Ligijiet ta’ Malta. Il-pożizzjoni kurrenti hija li l-proprjetà għadha okkupata illegalment u mingħajr titolu.

Protokoll dwar l-użu ta’ sireni mill-ambulanzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7934, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iStandard Operating Procedure li tindika l-proċedura dwar kif l-ambulanzi jagħmlu użu mis-sireni li saret referenza għaliha fl-istess tweġiba?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iStandard Operating Procedure kif mitlub minnha.

Infrastructure Malta – wires tad-dawl fit-toroq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7933, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-entitajiet ikkonċernati li qed jagħmel referenza għalihom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposti jiġu minn entitajiet bħalma huma l-Enemalta u service providers bħall-GO u l-Melita.

Deklassifikazzjoni tas-sit tax-Chalet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7930, jista’ l-Prim Ministru jispjega kif inħarġet sejħa biex ikunu ppreżentati proposti għas-sit tax-Chalet (Tas-Sliema) li jwasslu għall-iffirmar ta’ ftehim dwar konċessjoni qabel ma kien iffinalizzat il-proċess ta' deklassifikazzjoni ta’ dan l-istess sit fil-Parlament?

Response (ABELA, ROBERT)

Iż-żewġ proċessi huma separati, tant li jistgħu jimxu b’mod parallel.

MTA — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-ħames konsulenti li joffru konsulenza lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u jispjega kif dawn ġew ingaġġati mill-istess Awtorità? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-agreements/kuntratti li l-MTA għamlet ma’ dawn l-individwi biex joffru konsulenza?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-ħames konsulenti li joffru s-servizzi tagħhom lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Ħaddiema Barranin – tul ta’ żmien u paga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2013 sal-lum kemm kienet il-medja li ħaddiema barranin damu f’pajjiżna wara li ġew jaħdmu f’Malta, u jgħid kemm kienet il-paga medja u medjana ta’ dawn il-persuni matul it-tul taż-żmien li damu f’impjieg hawn Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Mosta — uffiċini tas-servizzi soċjali - rinnovar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa previst li jitlesta x-xogħol ta’ rinovar li għaddej bħalissa fl-uffiċċji tas-servizzi soċjali l-Mosta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Bengħajsa – kuntratti ta’ kiri tal-Fortizza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7936 u jgħid jekk wara li fl-2011 skadew it-tliet kuntratti ta' kiri relatati mal-Fortizza ta’ Bengħajsa, inħarġux kuntratti ġodda jew kwalunkwe tip ta’ kuntratti oħrajn għall-istess Fortizza?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li ma nħarġux kuntratti ġodda għas-sit inkwistjoni.

Emergency Ambulance Responders – uniformijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-aħħar inħarġet sejħa pubblika għall-offerti rigward uniformijiet għall-Emergency Ambulance Responders, impjegati mas-settur pubbliku?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 7071.

Database tal-entitajiet governattivi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2482, jista’ l-Prim Ministru jispjega “l-kunsiderazzjonijiet varji fosthom dawk legali”, li ma jippermettux li informazzjoni li jagħti klijent awtomatikament tgħaddi għand kull dipartiment jew entità tal-Gvern?

Response (ABELA, ROBERT)

Il-Gvern isegwi l-obbligi li joħorġu mil-liġijiet għall-protezzjoni tad-data.

Awtorità tal-Artijiet – avukati ingaġġati permezz ta’ outsourcing

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-avukati kollha li ingaġġat l-Awtorità tal-Artijiet permezz ta’ outsourcing mill-1 ta’ Jannar tal-2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet ma kenitx teżisti fl-2013 u għalhekk qiegħed nagħti l-informazzjoni sa min meta ġiet imwaqqfa l-Awtorità, ossija mill-2017 sal-lum. Lil Min Ingħata l-Kuntratt Dalli Paris Associates Dr Alex Scerri Herrera Dr Amanda Cini Dr Anita Giordimania Dr Cory Greenland Dr Deborah Scehmbri Dr Dorianne Arapa Dr Edward Zammit Lewis Dr Enzo Refalo Dr Helen Borg Muscat Dr Justyne Caruana Dr Marcien Vassallo Dr Matthew Bondin Dr Robert Musumeci Dr Rueben Casingena Dr Stefano Filletti Dr Vincent Galea LP Davina Sullivan LP Joeline Pace Cascaldi LP Peter Sammut RD Legal Dr Tonio Azzopardi Dr Joe Cilia Dr Charlene Grima

Ilmenti – ittardjar ta’ titjiriet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux ilmenti lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) mill-1 ta’ Jannar tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija, rigward ittardjar ta’ titjiriet, indikati skont il-linja tal-ajru? Jekk l-Awtorità rċeviet xi lmenti, kemm kienu u x’passi qed jittieħdu biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-konsumaturi kkonċernati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, irċieva sebgħa u għoxrin (27) ilment dwar ittardjar ta’ titjiriet fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar sal-24 ta’ April 2023. Disgħa (9) minn dawn l-ilmenti ġew magħluqa bir-riżultat li l-passiġġiera ngħataw kumpens, erbgħa (4) ġew magħluqa għal raġunijiet fosthom li ġew irtirati mill-passiġġiera jew kien hemm ċirkustanzi straordinarji, filwaqt li hemm erbatax (14) li għadhom miftuħin. Dawn l-ilmenti huma mqassmin kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Carrier Jannar Frar Marzu April Air Malta 5 2 5 3 Ryanair 1 2 Lufthansa 2 Vueling 2 Wizz Air 1 1 2 1 Wara li jsir l-ilment mill-passiġġiera l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur jikkuntattja lill-linja tal-ajru fejn jitlobha tosserva l-obbligi legali tagħha lejn il-passiġġieri skont ir-Regolament tal-UE 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru fejn jingħataw ċans sa sitt (6) ġimgħat biex jindirizzaw il-każ.

Konċessjonijiet Blue Lagoon

Question

Fid-dawl tal-kummenti li għamel il-Ministru fejn qal li saret estensjoni tal-konċessjonijiet biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja Blue Lagoon, f’Kemmuna, mingħajr ma nħarġet sejħa pubblika, minkejja li f’okkażjoni oħra kien qal li s-sejħa se tinħareġ matul l-ewwel xhur tas-sena 2023, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tal-estensjoni?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi bit-tibdiliet li saru sabiex titranġa s-sitwazzjoni fi Blue Lagoon, ma kien hemm l-ebda estensjoni tal-konċessjonijiet. Biex ikun hemm immaniġġar aħjar taż-żona, inħarġu encroachments għal dan is-sajf lill-istess operaturi li kien hemm is-sajf ta’ qabel. Il-Ministeru flimkien ma’ Ministeri u entitajiet ikkonċernati, se jkunu qed jieħdu konjizzjoni tar-riżultat wara dawn it-tibdiliet sabiex ikun finalizzat pjan ħolistiku għal Blue Lagoon.

Kopji tal-kuntratt ta’ trasferiment

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ trasferiment mill-Awtorità tal-Artijiet lill-INDIS, tas-sit tal-kostruzzjoni f'Kordin Industrial Estate fejn f'Diċembru li għadda seħħ inċident fatali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit huwa parti minn medda ta’ art f’Kordin li kienet ġiet trasferita fl-1993 permezz tal-Avviż legali li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kopji tal-kuntratt ta’ konċessjoni

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ konċessjoni tas-sit tal-kostruzzjoni f'Kordin Industrial Estate fejn f'Diċembru li għadda seħħ inċident fatali, li ngħata mill-INDIS lil terzi persuni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-kuntratt huwa għal Emfitewsi Temporanja u kopja tiegħu tista’ tinkiseb mingħand in-nutar li ppubblika l-att, jew mill-Arkivji Notarili.

MCCAA — lifts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għamlet spezzjonijiet ta’ lifts l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) matul l-2022 u din is-sena? Kemm minn dawn instabu li kellhom xi nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet dwar is-sigurtà tal-lifts?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2022 u l-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur iffinalizzat 252 investigazzjoni dwar lifts. Dawn l-investigazzjonijiet wasslu għal 133 spezzjoni u nħarġu 132 ordni sabiex il-persuna kkonċernata tieħu azzjoni xierqa. Din l-azzjoni wasslet biex 126 lift ġew konformi, filwaqt li bħalissa għaddej xogħol fuq is-6 l-oħra sabiex jiġi vverifikat jekk l-azzjoni meħuda hix adegwata.

Festin

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx konxju mill-festin li kien organizzat f’Jannar li għadda mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa, li skont rapporti fil-midja jidher li kien organizzat kontra d-direttiva li tinħareġ mill-Kap taċ-Ċivil, dik li m’għandhomx ikunu organizzati festini, parties u riċevimenti li għalihom jagħmel tajjeb il-baġit taċ-Ċivil? Jekk iva, jista’ jgħid x’passi ħa, u jekk le, jista’ jgħid x’passi ser ikun qed jieħu fil-konfront ta’ dan l-użu ħażin tal-fondi mill-baġit taċ-Ċivil?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 7108.

Awtorità tal-Artijiet – sejħa CT 2163/2021

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7697, peress illi parti mir-raġuni li ngħatat fit-tweġiba għalfejn ġiet ikkanċellata s-sejħa għal avukati biex jipprovdu servizzi legali lill-Awtorità tal-Artijiet (CT 2163/2021) kienet li l-Awtorità hi tal-fehma li x-xogħol jista’ jsir b’mod aħjar minn kif kien maħsub qabel, jista’ l-Ministru jgħid kif l-Awtorità taħseb li x-xogħol jista’ jsir b’mod aħjar?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet kontinwament, u f’kull sezzjoni, tagħmel eżerċizzji biex tiddetermina l-aħjar mod ta’ operat, billi tevalwa s-sitwazzjoni, tippjana, u tiddetermina dak li hemm bżonn isir għall-kumplament tal-ħidma sfieqa, u dan billi taddotta metodi li jkollhom il-massimu ta' flessibilità, speċjalment fil-każ fejn hemm bżonn isiru aġġustamenti kontinwi minħabba varjazzjonijiet kontinwi fl-influss ta’ xogħol. U dan sabiex l-operat jilħaq il-massimu tal-effiċjenza iżda bi spiża rikurrenti kkontrollata u moderata.

Lista ta’ stennija għall-operazzjoni tat-tneħħija tal-marrara

Question

Peress illi t-tweġiba li rreferieni għaliha d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7696 ma tweġibx il-mistoqsija li saritlu għaliex tispeċifika biss in-numru ta’ pazjenti li qed jistennew biex jagħmlu operazzjoni tat-tneħħija tal-marrara bi żmien ta’ stennija li jaqbeż iż-żmien stipulat fil-Patient Charter, jista’ għalhekk id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li qegħdin jistennew biex jagħmlu operazzjoni tat-tneħħija tal-marrara, li huwa n-numru totali u allura ma jinkludix biss dawk il-każijiet bi żmien ta’ stennija li jaqbeż iż-żmien stipulat fil-Patient Charter?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Patient Charter huwa d-dokument li minnu joħroġ iż-żmien aċċettabbli ta’ stennija u għalhekk nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5911.

Free-to-air – transmitters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transmitter hawn madwar Malta u Għawdex li jittrasmettu s-servizz free-to-air u kemm minn dawn qegħdin jiffunzjonaw bħalissa? Jista’ jindika fuq mappa l-post eżatt fejn jinsabu, u l-area of coverage ta’ kull wieħed minn dawn it-transmitters? F’każ li hawn xi transmitters li preżentament mhumiex jiffunzjonaw, jista’ l-Ministru jispjega r-raġunijiet għal dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Waqt li nirreferi ghat-tweġiba li ngħatat għad-domanda parlamentari bin-numru 6992, irrid ngħid li n-numru ta' transmitters huma 4 u jinsabu f'dawn il-lokalitajiet: Nadur Għawdex; Mellieħa; Mtarfa; Tas-Silġ. Dawn it-transmitters jkopru prattikament Malta u Għawdex kollha, għajr dawk l-eċċezzjonijiet li huma każijiet rari fejn il-geografija tirrendi r- riċezzjoni tas-sinjal impossibbli. Irrid ngħid li t-transmitters jiffunzjonaw kollha. Irrid ngħid ukoll li meta xi individwi kkuntattjaw lill-Ministeru għaliex ma baqgħux jirċievu trasmissjoni free-to-air għal diversi raġunijiet huma ngħataw l-għajnuna kollha u bis-saħħa ta' dik l-għajnuna f'ħafna mill-każijiet dik il-problema ġiet risolta.