Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – kuntratti ma’ influencers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, jista’ għal kull kuntratt jgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7857 dwar biċċa art li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Awtorità tad-Djar fi Triq G. Carafa, l-Imtarfa, jista' l-Ministru jgħid min għandu aċċess għal din l-art? Fid-dawl tal-fatt li l-aċċess għal din l-art huwa limitat, dan ifisser li m’għandhiex titnaddaf u titħares kif xieraq?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel referenza għar-risposta mogħtija f’PQ 7857 dwar art li tinsab fi Triq G. Carafa l-Imtarfa, fejn l-Awtorità tad-Djar infurmata li l-aċċess għal din l-art ingħalaq fl-imgħoddi fejn kienet tpoġġiet xatba biex tillimita kull aċċess għal din l-art sabiex tissalvagwardja l-oġġetti storiċi li jinsabu fl-istess żona tal-art u l-periklu ġeografiku li jeżisti fis-sit. Qed issir evalwazzjoni flimkien mal-Kunsill Lokali taż-żona, dwar kif din l-isfida tista’ tiġi riżolta.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim settorali ffirmat bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-UĦM, għall-Emergency Ambulance Responders impjegati mas-settur pubbliku?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hija prassi stabbilita li l-kontenut tal-ftehimiet settorali jiġi trattat b’kunfidenzjalità peress li jinvolvi parti jew partijiet terzi mill-Gvern iżda li jirrappreżentaw il-ħaddiema tiegħu. Ir-ripożitorju legali tat-tali ftehimiet huwa d-DIER.
Awtorità tal-Ippjanar – ċertifikat ibbażat fuq design rating tal-bini
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7692 u 8214 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6762 u b’referenza għall-Avviż Legali 47 tal-2018 li jittrasponi d-Direttiva tal-UE 2010/31/EU dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u li jdaħħal fis-seħħ it-tali dispożizzjoni, peress li l-Artikolu II tad-Direttiva tal-UE jagħmilha ċara li għal kull binja ġdida li tinbena huwa meħtieġ ċertifikat fl-użu tal-enerġija, u peress li l-artikolu 14(3) tal-Avviż Legali 47 tal-2018 ikompli jelabora dwar ir-rekwiżiti, u peress li l-ebda wieħed mill-Avviżi Legali msemmijin fit-tweġiba tal-Ministru ma jidhru li jemendaw id-dispożizzjoni li titlob ċertifikat fl-użu tal-enerġija, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6762 u jgħid għaliex it-tali ċertifikat mhuwiex qiegħed jintalab mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Ministeru għal Għawdex – kuntratti ma’ influencers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, jista’ għal kull kuntratt jgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, jista’ għal kull kuntratt jgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma jeżisti l-ebda kuntratt ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-Ministeru u/jew aġenziji.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – kuntratti ma’ influencers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, jista’ għal kull kuntratt jgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu ma’ għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7855, jista’ l-Ministru jgħid jekk permezz tat-tweġiba tiegħu huwiex qiegħed jikkonferma li ma nżammx rekord tan-numru ta’ sigħat li ħadem is-CEO ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) sa mid-data tal-bidu tal-impjieg tiegħu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Kap Eżekuttiv tal-MCC qiegħed jimxi mal-kuntratt li għandu viġenti, u iżjed importanti minn hekk, taħt it-tmexxija tiegħu l-MCC qiegħda tikseb l-aqwa riżultati finanzjarji ta’ kull żmien.
Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – stennija tal-pazjenti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7856, filwaqt illi nifhem li l-istennija ta’ pazjent fl-Emerġenza tvarja skont il-każ, u kien proprju għalhekk li tlabt sabiex tingħata figura dwar l-istennija medja, u allura irrispettivament mill-każ, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-istennija medja ta’ pazjent fl-Emerġenza minn meta jirreġistra sal-punt li tittieħed deċiżjoni medika ta’ jekk jingħatax sodda f’ward jew jintbagħatx lura d-dar wara li jingħata kura jew dijanjosi mit-tobba fl-Emerġenza għal kull xahar minn Jannar tal-2022 sad-data ta' meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija u kull sena matul l-aħħar għaxar snin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 7856.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8204 u jgħid għalfejn qatt ma reġa’ ġie installat id-dawl tat-triq fi Triq taż-Żwejt, f’San Ġwann, wara li dan tneħħa mill-kuntrattur waqt li kienet qiegħda ssir it-triq? Peress li sal-lum din it-triq għadha mingħajr dawl, jista’ jieħu passi biex jerġa’ jkun installat id-dawl f’din it-triq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija ma għamlet l-ebda intervent fuq id-dawl tat-triq waqt li kienu qegħdin isiru x-xogħlijiet fi Triq taż-Żwejt.
Kuntratti ta’ konċessjonijiet mogħtija għal Triq ix-Xatt u Qui-Si-Sana f’Tas-Sliema
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8210 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti ta’ konċessjonijiet li ngħataw mill-Awtorità tal-Artijiet fi Triq ix-Xatt u Qui Si Sana, Tas-Sliema, u li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija waħda interna tal-Awtorità tal-Artijiet u għaldaqstant ma jkunx opportun li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Madankollu l-Onor. Interpellanta, li hi membru fuq il-bord tal-Awtorità tal-Artijiet, se tingħata ċ-ċans li tara hi personalment id-dokument mitlub.
Awtorità tal-Ippjanar – ċertifikat ibbażat fuq design rating tal-bini
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7692 u 8214 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6762 u b’referenza għall-Avviż Legali 47 tal-2018 li jittrasponi d-Direttiva tal-UE 2010/31/EU dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u li jdaħħal fis-seħħ it-tali dispożizzjoni, peress li l-Artikolu II tad-Direttiva tal-UE jagħmilha ċara li għal kull binja ġdida li tinbena huwa meħtieġ ċertifikat fl-użu tal-enerġija, u peress li l-artikolu 14(3) tal-Avviż Legali 47 tal-2018 ikompli jelabora dwar ir-rekwiżiti, u peress li l-ebda wieħed mill-Avviżi Legali msemmijin fit-tweġiba tal-Ministru ma jidhru li jemendaw id-dispożizzjoni li titlob ċertifikat fl-użu tal-enerġija, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6762 u jgħid għaliex it-tali ċertifikat mhuwiex qiegħed jintalab mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġejt infurmat li r-Regolament 14 subartikolu (3) tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 623.01 iqiegħed ir-responsabilità biex jinkiseb ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fuq is-sid.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8244 u jgħid mill-2013 sal-lum kemm kienet il-medja li ħaddiema barranin damu f’pajjiżna wara li ġew jaħdmu f’Malta, u jgħid kemm kienet il-paga medja u medjana ta’ dawn il-persuni matul it-tul taż-żmien li damu f’impjieg hawn Malta?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, il-medja ta’ kemm damu jaħdmu ħaddiema barranin li kienu attivi bejn l-2013 u l-aħħar ta’ Diċembru 2022 u li tterminaw l-impjieg tagħhom fl-istess perjodu msemmi u ma reġgħux dehru attivi fis-suq tax-xogħol kien ta’ 22.09 xhur. In-numru ta’ ħaddiema barranin li kienu attivi fil-perjodu msemmi u li tterminaw l-impjieg tagħhom f dan l-istess perjodu jammonta għal 91,632, li jirraprezenta 48 fil-mija tat-total ta’ ħaddiema barranin li kienu attivi fil-perjodu msemmi. Dan għaliex, fl-istess perjodu msemmi kien hemm 98,664 ħaddiem li kien attiv u li baqa' attiv fis-suq tax-xogħol. In-numru totali ta’ ħaddiema li kienu attivi fil-perjodu msemmi għalhekk huwa ta’ 190,296 ħaddiem.
Hawn taħt issib tabella li turi kemm damu jaħdmu dawn il-ħaddiema barranin li ma baqgħux attivi fis-suq tax-xogħol.
Perjodu ta' impjieg
Numru ta` barranin mhux attivi
0 - 1 snin
47,979
1 - 2 snin
15,846
2 - 3 snin
9,690
3 - 4 snin
6,213
4 - 5 snin
4,026
5 - 8 snin
5,551
8 - 10 snin
1,357
10 - 15 snin
739
15 - 25 snin
185
Iktar minn 25 sena
46
Total
91,632
L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ Diċembru 2022.
Dwar kemm kienet il-paga medja u medjana ta’ dawn il-persuni, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt:
Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarrig dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS).
Is-salarju inħadem abbażi tal-basic salary annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances.
Din l-informazzjoni mhix disponibbli għal persuni li jaħdmu għal rashom.
Belt Valletta – konċessjonijiet permezz ta’ encroachment
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' konċessjonijiet ġodda li ngħataw permezz ta’ encroachment ġewwa l-Belt Valletta, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll lil min ingħataw, għal liema skop u kemm ġew mitluba jħallsu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bejn is-sena 2013 – Awwissu 2020, l-applikazzjonijiet ma kinux għadhom online. Għaldaqstant sabiex tiġi kkumpilata d-data mitluba, din tieħu ammont ta’ ħin sostanzjali minħabba l-element manwali involut.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ artijiet pubbliċi li nbiegħu jew inkrew lil terzi mill-Awtorità tal-Artijiet mill-1 ta’ Jannar tal-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jindika għal kull art jekk inkrietx jew inbigħetx, permezz ta’ liema proċess sar il-kiri jew il-bejgħ u lil min ingħataw, għall-artijiet li nkrew jgħid kemm hija l-kirja li titħallas fis-sena, u għall-artijiet li nbiegħu jgħid kemm kienet is-somma li l-Gvern irċieva għal tali bejgħ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex jikkonsidra li jippubblika Avviż Legali li jistipula li ssir xi forma ta’ merger bejn il-ħaddiema tad-Dipartimenti tad-Dwana, tal-Income Tax, tal-VAT u tat-Tax Compliance?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tat-Taxxi, hekk kif definit fl-artikolu (2) tal-Att dwar il-Kummissarju tat-Taxxi, Kapitolu 517 tal-Liġijiet ta’ Malta, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Jannar 2012, jfisser hekk kif ġej;
"dipartimenti tat-taxxa" tfisser id-Dipartiment tat-Taxxi Interni,
id-Dipartiment tat-Taxxa fuq il-Valur Mizjud, u d-Dipartiment tad-Dwana
.
Ta’ min jinnota li d-dipartiment tat-taxxi interni jinkludi fih dak li l-Onor. Interpellant qed tirreferi għalih bħala it-‘Tax Compliance’.
B’hekk dawn id-dipartimenti ilhom li ngħaqdu flimkien u għaldaqstant l-proċess li ser isir fix-xhur u s-snin li ġejjin, huwa wieħed ta’ tiġdid u riorganizzazzjoni. Din il-ħidma taqa’ taħt ir-responsabbilitajiet eżistenti tal-Kummissarju tat-Taxxa, u għalhekk m’hemmx ħtieġa ta’ Avviż Legali ieħor.
Din ir-riorganizzazzjoni ser twassal għall-Amministrazzjoni tat-Taxxa u Dwana ta’ Malta li hija moderna, bbażata fuq it-teknoloġija, b’investiment kontinwu fir-riżorsa umana, għall-effiċjenza akbar fl-operat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7854 u jgħid kemm-il encroachment permit inħareġ mill-Awtorità tal-Artijiet kull xahar fl-2022 u jindika għal liema raġuni nħareġ kull permess?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu finalizzati u ppubblikati l-istudji dwar l-iskola primarja tal-Imtarfa li jispjegaw ir-raġunijiet għalfejn din l-iskola ngħalqet kif ukoll jagħtu informazzjoni dwar il-possibbiltà li ssir tiswija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistqosijiet parlamentari preċedenti fostom 7146, 7397 u 8121.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi installat dawl fi Trejqet is-Sagħtar, f’Ħad-Dingli, liema problema ġiet diskussa waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli tal-14 ta’ April 2023, fejn intqal li din hija responsabbiltà ta' Infrastructure Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed issir il-koordinazzjoni neċessarja biex ix-xogħol imsemmi jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8202 dwar enforcement notices maħruġa għar-rigward ta’ mwejjed u siġġijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk b’rabta mal-każijiet li ngħalqu sarux aktar spezzjonijiet biex ikun assigurat li l-istabbilimenti kummerċjali baqgħu konformi mal-permessi tagħhom dwar imwejjed u siġġijiet fiż-żmien wara li l-avviż ta’ infurzar kontrihom ingħalaq?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta l-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ permess ta’ żvilupp, l-Awtorità tara li l-iżvilupp fuq is-sit sar skont il-pjanti approvati u l-kundizzjonijiet tal-permess ta’ żvilupp. Meta żvilupp jitlesta skont il-permess, l-Awtorità xorta tara li ma jsirx żvilupp li mhux skont il-permess ta’ żvilupp maħruġ minnha. Fir-rigward ta’ mwejjed u siġġijiet nitlob li tindirizza l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.