Legislature:
Category:
Reset
Active:

Konċessjoni ta’ Evans Building — evalwazzjoni tal-offerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' evalwazzjoni tal-offerti li daħlu waqt il-perjodu tas-sejħa għall-proposti dwar il-konċessjoni ta' Evans Building?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Binja ta’ St. John’s Cavalier — Estensjoni ta’ konċessjoni enfitewtika

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-Ordni Sovran Militari ta' Malta (SMOM) għal estensjoni tal-konċessjoni enfitewtika tal-binja tal-Kavalier ta’ San Ġwann biex din tintuża bħala l-ambaxxata tal-istess Ordni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ebda ftehim għadu ma ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u SMOM, f'dan ir-rigward, kif diġà deskritt permezz tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10595. Fis-16 ta' Ġunju 2023 ġie ffirmat proces verbal li ssettja l-parametri tal-ftehim.

Mosta – proġett infrastrutturali – dokumenti u rapporti tal-Health and Safety

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti u rapporti kollha tal-Health and Safety li saru b'rabta mal-proġett infrastrutturali li bħalissa qiegħed isir fiċ-ċentru tal-Mosta, kemm preliminari kif ukoll dawk li saru waqt li għaddej il-proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ – applikazzjoni lill-Kumitat tal-Ismijiet tat-Toroq

Question

Peress illi l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ issottometta applikazzjoni lill-iStreet Naming Committee fuq talba ta’ diversi residenti ta’ triq ġdida li tagħmel ma’ Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbug (Malta), (id-dettalji tal-post eżatt qegħdin jingħataw separatament), u li sal-ġurnata tal-lum din it-triq għadha mingħajr isem, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’sar minn din l-applikazzjoni u kemm ilha pendenti? Jista’ jgħid kemm hemm applikazzjonijiet simili pendenti f’Ħaż-Żebbuġ?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq – Malta ltaqa’ u għamel spezzjoni li kienet saret flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ fis-27 ta’ Marzu, 2023 fejn kienet ġiet diskussa din it-triq ġdida fi Triq l-Indipendenza flimkien ma’ bosta toroq oħra. F’din il-laqgħa, il-Kumitat kien talab lill-Kunsill Lokali biex jikkomunika mad-Dipartiment tal-Artijiet biex jikkonferma jekk din it-triq hix privata jew pubblika peress li kienet għaddejja kwistjoni f’dan ir-rigward. Il-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq – Malta qed jistenna risposta kemm fuq it-triq inkwistjoni kif ukoll fuq il-kumplament tat-toroq l-oħra.

Kodiċi Kriminali — Artikolu 604 diskrepanza bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża

Question

Peress illi teżisti diskrepanza bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża tal-Artikolu 604 tal-Kodiċi Kriminali, jista' l-Ministru jgħid jekk din id-diskrepanza hijiex se titranġa, u f'dan il-każ jgħid jekk l-għalliema humiex se jkunu eżentati milli jservu bħala ġurati fil-Qrati ta` pajjiżna ġaladarba l-verżjoni Maltija għandha tipprevali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskrepanza fil-verżjoni tal-Malti u l-Ingliż, fl-artikolu fil-Kodiċi Kriminali ċċittat minnha, u li kien emendat l-aħħar darba fl-2006, se jkun qed jiġi indirizzat.

Kemmuna — beach concessions għal kiri ta’ deckchairs u umbrele

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-beach concessions biex jinkrew deckchairs u umbrelel f’Kemmuna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellanta hija ta’ natura kummerċjali sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata. Madanakollu, l-Onor. Interpellanta se tingħata l-opportunità li tara hi personalment id-dokumenti mitluba.

Estensjoni ta’ konċessjoni enfitewtika

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim iffirmat bejn il-Gvern Malti u s-Sovereign Military Order of Malta (SMOM) għal estensjoni tal-konċessjoni enfitewtika tal-binja ta' St John’s Cavalier biex din tintuża bħala l-ambaxxata tal-istess Ordni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda ftehim għadu ma ġie iffirmat bejn il-Gvern Malti u s-Sovereign Military Order of Malta (SMOM) għal estensjoni tal-konċessjoni enfitewtika tal-binja ta' St John’s Cavalier.

Konċessjoni ta’ Evans Building — evalwazzjoni tal-offerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' evalwazzjoni tal-offerti li daħlu waqt il-perjodu tas-sejħa għall-proposti dwar il-konċessjoni ta' Evans Building?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Iffirmar ta’ kuntratt ta’ bejgħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-kuntratt ta’ bejgħ konness ma’ Tender Nru 8 li ħarġet l-Awtorità tal-Artijiet aktar kmieni din is-sena, u f’każ li ġie ffirmat jgħid id-data meta ġie ffirmat, bejn min, u jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

B’referenza għall- PQ 10254, il-Ministru jinforma lill-Onor. Interpellant illi l-imsemmi Tender Nru 8 tal-2023 kien ġie diskuss darbtejn fil-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet fid-dati 13/09/22 u 10/01/23, f’liema okkażjonijiet, bħala membru ta’ l-istess Bord, l-Onor. Interpellant kienet ivvutat favur dan it-tender, u dan kif diga spjegat ampjament fil-Kamra tad-Deputati. Rigward il-kuntratt, dan ġie nsinwat fl-20 ta Gunju 2023 u jiġi ppublikat fir-reġistru pubbliku bħal kull kuntratt ieħor ta` trasferiment tal-propjetà.

INDIS Malta – dipartiment għaż-żamma ta’ żoni industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fi ħdan l-INDIS Malta ġiex imwaqqaf dipartiment jew taqsima ġdida speċifikament immirata biex tieħu ħsieb il-ħarsien, manutenzjoni u s-sigurtà f’żoni industrijali? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm impjegati assenjati fi ħdan dan id-dipartiment jew taqsima, l-irwoli speċifiċi tagħhom, min hu/hi l-Kap ta’ dan id-dipartiment jew taqsima, u jagħti lista ta’ fejn huma reġistrati li joqogħdu l-impjegati f’dan id-dipartment jew taqsima, inklużi dawk li qed imexxu dan id-dipartiment jew taqsima?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żamma ta’ żoni industrijali li hi nkarigata minnhom INDIS hi parti integrali mill-funzjoni u l-operat tagħha sa minn meta twaqqfet fl-2004. L-Estates Facilities and Management Unit li jaqa’ taħt ir-responsabbilta ta’ Chief Business Developer hu l-Unit li jiddedika l-ħidma tiegħu, fost ħidma oħra, għaż-żamma ta’ dawn iż-żoni.

Indis Malta — Deputy Chief Executive Officer - kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-individwu li ngħata l-kariga ta’ Deputy Chief Executive Officer fi ħdan INDIS Malta b’pakkett finanzjarju li jammonta għal €101,000? Jista’ jikkonferma jekk dan l-istess individwu jokkupax ukoll xi karigi oħra fi ħdan l-istess Ministeru, aġenziji, kumpaniji jew fondazzjonijiet li jaqgħu taħtu u jgħid x’inhi r-remunerazzjoni li qed jieħu f’dawn l-irwoli?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li d-Deputy Chief Executive Officer ta’ INDIS Malta hu s-Sur Francois Piccione. Is-Sur Piccione għandu MBA mill-Universita’ ta’ Derby u hu wkoll iggradwat mill-Universita’ ta’ Malta fix-Xjenza, Business u Computing. Huwa wkoll iċċertifikat fil-Project Management. Id-Deputy CEO ta’ INDIS Malta għandu pakkett finanzjarju li jibda minn Eur 72,500 u jista’ attwalment jitla’ sa massimu ta’ Eur 97,975, dipendenti fuq il-performance tieghu. Is-Sur Piccione temporanjament iservi wkoll bħala Chairperson tal-Malta Crafts Foundation, għal liema pożizzjoni hu ma jirċievi l-ebda forma ta’ renumerazzjoni jew benefiċċju ieħor addizzjonali.

Lista ta’ kiri/bejgħ ta’ artijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8402 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ artijiet pubbliċi li nbiegħu jew inkrew lil terzi mill-Awtorità tal-Artijiet mill-1 ta’ Jannar tal-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jindika għal kull art jekk inkrietx jew inbigħetx, permezz ta’ liema proċess sar il-kiri jew il-bejgħ u lil min ingħataw, għall-artijiet li nkrew jgħid kemm hija l-kirja li titħallas fis-sena, u għall-artijiet li nbiegħu jgħid kemm kienet is-somma li l-Gvern irċieva għal tali bejgħ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata fis-seduta li jmiss.

Air Malta – kuntratt maċ-Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, inkluż annexes, li hemm maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta u jgħid kemm huma l-ħlasijiet kollha li qed jingħata għal dan ir-rwol u oħrajn konnessi mal-kumpanija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24130 tal-Leġiżlatura XIII.

Ministeru għat-Turiżmu — Promozzjoni ta’ CEOs – spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus minn fondi pubbliċi fuq advertisement packages li jinkludu kontenut diġitali u kwalunkwe promozzjonijiet ta’ kull xorta, li ttellgħu fuq il-pjattaformi soċjali tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bl-iskop li jippromwovu b’mod personali lis-CEO tal-Malta Tourism Authority?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma ntefqu l-ebda fondi pubbliċi mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bi skop li jippromwovu b’mod personali lis-CEO tal-entità. L-Awtorità għandha kuntratt ta’ €4,950 għal 12 month banner + logo as media partner on portal at 100% occupancy + replication of same banner at 10% occupancy fuq is-sit imsemmi.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Promozzjoni ta’ CEOs – spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus minn fondi pubbliċi fuq advertisement packages li jinkludu kontenut diġitali u kwalunkwe promozzjonijiet ta’ kull xorta, li ttellgħu fuq il-pjattaformi soċjali tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bl-iskop li jippromwovu b’mod personali lill-istess Ministru u lis-CEO tal-Housing Authority?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li la l-Ministeru u lanqas l-Awtorità tad-Djar ma użat l-ebda advertisement package sabiex tippromwovi b’mod personali lili jew lis-CEO tal-istess Awtorità.

Kemmuna – Blue Lagoon — Encroachments

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8239, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-encroachments ġodda li nħarġu għall-bajja tal-Blue Lagoon, f’Kemmuna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Mandanakollu, l-Onor. Interpellanta se tingħata l-opportunità li tara hi personalment id-dokumenti mitluba.

Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ sit

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8241 dwar kuntratt ta’ konċessjoni għal sit ta' kostruzzjoni f'Kordin Industrial Estate, jista’ l-Ministru jgħid min kien in-nutar li ppubblika l-att u jagħti d-data ta’ meta kien ippubblikat l-att?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att ġie ppubblikat fl-4 ta’ Frar 2020 min-nutar Dr Anton Borg.

Awtorità tal-Artijiet — Legal and Professional fees

Question

B’referenza għar-rapport finanzjarju għas-sena 2022 tal-Awtorità tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ħlasijiet (inkluż isem il-benefiċjarji/kumpaniji) li tħallsu għal-‘Legal and Professional fees’ imsemmija fl-istess rapport?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, kif ingħatat lili mill-Awtorità tal-Artijiet.

Hospitality and Entertainment – Awtorità tal-Artijiet

Question

B’referenza għar-rapport finanzjarju għas-sena 2022 tal-Awtorità tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ħlasijiet (inklużi l-iskop u isem il- benefiċjarji/kumpaniji) li tħallsu b’konnessjoni man-nefqa fuq il-‘Hospitality and Entertainment’ imsemmija fl-istess rapport?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Servizz tat-trasmissjoni free-to-air – ilmenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8233, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ daħal għand il-Ministeru tiegħu dwar problemi fis-servizz tat-trasmissjoni free-to-air matul l-2022 u l-2023? Kemm minn dawn ġew solvuti? Kemm daħlu lmenti li jistgħu jiġu klassifikati bħala ‘każijiet rari’, u liema kienu l-lokalitajiet minn fejn saru dawn l-ilmenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi l-Public Broadcasting Services Ltd irċeviet mistoqsijiet mingħand 27 persuna, fir-rigward tas-servizz ta’ trażmissjoni free-to-air, li saru fl-2023. Il-lokalitajiet li minnhom saru l-maġġoranza tal-mistoqsijiet kienu l-Baħrija, Tas-Sliema, San Ġiljan, Raħal Ġdid u Marsalforn. Intant infurmat li l-uniku lokalità li minnha sar ilment minn grupp ta’ persuni kienet il-Baħrija.