Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Artijiet — encroachment permits 2023

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il encroachment permit inħareġ mill-Awtorità tal-Artijiet kull xahar fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jindika għal liema raġuni nħareġ kull permess?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni tinsab fit-tabella t'hawn taħt. Imwejjed u SiggijietBillboardsKoncessjonijiet OhraBCRS Sena: 2023 (Substations, digital kiosks, vending machines, tower cranes, iron gratings) Jannar114119 Frar3340 Marzu8040 April2050 Mejju8050 Ġunju4240 Lulju4130 Awwissu8002 Settembru51524 Ottubru2500

Awtorità tal-Artijiet — encroachment permits 2023

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il encroachment permit ġie mġedded mill-Awtorità tal-Artijiet fl-2023, u jindika għal liema skop kienu mġedda?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-encroachment permits li tagħti l-Awtorità jiġġeddu minn sena għal sena b’mod awtomatiku sakemm ma jkunx hemm raġuni validu biex jitwaqqfu. Dan il-proċess isir sabiex tkun evitata burokrazija żejda.

Ħaż-Żebbuġ — Enemalta - Rapporti ta' undervoltage jew overvoltage

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta' undervoltage jew overvoltage rċeviet l-Enemalta mill-1 ta' April tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ, indikati xahar b’xahar? Tista’ tagħti aktar dettalji dwar għalfejn ħafna residenti f’Ħaż-Żebbuġ sofrew minn problemi ta’ dawl kontinwament matul is-sajf, u tgħid hemmx xi pjan biex titranġa s-sitwazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta rċeviet 126 rapport dwar vultaġġ baxx jew għoli fil-perjodu indikat – April 23, Mejju 12, Ġunju 12, Lulju 39, Awwissu 29 u Settembru 11. L-Enemalta qed tagħmel xogħol ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni fuq livelli differenti, f’għadd ta’ lokalitajiet madwar il-pajjiż, fosthom f’Ħaż-Żebbuġ. Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, li jvarjaw minn xogħol fuq il-linji tad-dawl, xogħol fuq il-cables ta’ taħt l-art sa upgrades f’substations u substations ġodda, tiġi msaħħa s-sistema tad-distribuzzjoni u jiġu indirizzati problemi fil-vultaġġ.

Kodiċi Kriminali — Artikolu 604 diskrepanza bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10805, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li tiġi solvuta diskrepanza li teżisti bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża tal-artikolu 604 tal-Kodiċi Kriminali, u f'dan il-każ jgħid jekk l-għalliema humiex se jkunu eżentati milli jservu bħala ġurati fil-Qrati ta’ pajjiżna ġaladarba l-verżjoni Maltija għandha tipprevali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10805.

Mosta — Uffiċċju tas-Servizzi Soċjali - Rinovar

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta huwa previst li jitlesta x-xogħol ta’ rinovar li ilu għaddej għal numru ta’ xhur fl-Uffiċċju tas-Servizzi Soċjali fil-Mosta?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Mosta – Uffiċċju tas-Servizzi Soċjali – Rinovar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa previst li jitlesta x-xogħol ta’ rinovar li ilu għaddej għal numru ta’ xhur fl-Uffiċċju tas-Servizzi Soċjali fil-Mosta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkoċernat.

Binja Qlejgħa — Ħsarat fis-soqfa ta’ garaxxijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega d-dewmien mill-Awtorità tad-Djar biex isir xogħol ta’ tiswija fis-soqfa tal-kumpless ta’ garaxxijiet li jagħmlu parti minn Binja Qlejgħa? Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Awtorità rċiviet l-ewwel rapport tal-ħsarat estensivi li hemm, u jagħti rendikont tax-xogħlijiet li jeħtieġ isiru?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Mosta – Proġett Infrastrutturali – Dokumenti u Rapporti tal-Health and Safety

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti u rapporti kollha tal-Health and Safety li saru b'rabta mal-proġett infrastrutturali li bħalissa qiegħed isir fiċ-ċentru tal-Mosta, kemm preliminari kif ukoll dawk li saru waqt li għaddej il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-rapporti tal-Health and Safety hekk kif mibgħuta lili mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali qed jiġu mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ – kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li l-Gvern għandu mas-sidien tal-proprjetà li bħalissa qiegħda tintuża bħala l-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi skont il-prassi, tali kuntratti mas-sidien ta’ proprjetajiet rispettivi isiru f’kuntratt li jaqa’ taħt l-awtoritajiet kompetenti. Il-proprjetà inkwistjoni dejjem serviet bħala għassa u li minnha joperaw uffiċċjali tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Mosta — Triq Stivala u Triq Sant Anna - Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati inċidenti tat-traffiku fil-kantuniera bejn Triq Stivala u Triq Sant’ Anna, fil-Mosta, sa minn meta nbidlet id-direzzjoni tat-traffiku fi Triq il-Kungress Ewkaristiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Rabat – Knisja tal-Baħrija – proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett imħabbar mill-Kunsill Lokali tar-Rabat fl-2021 għar-riġenerazzjoni tal-pjazza quddiem u madwar il-Knisja tal-Baħrija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li l-permess hu pendenti mal-Awtoritá tal-Ippjanar (PA691/22).

Lista ta’ kiri/bejgħ ta’ artijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8402 u 9013, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ artijiet pubbliċi li nbiegħu jew inkrew lil terzi mill-Awtorità tal-Artijiet mill-1 ta’ Jannar tal-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jindika għal kull art jekk inkrietx jew inbiegħetx, permezz ta’ liema proċess sar il-kiri jew il-bejgħ u lil min ingħataw, għall-artijiet li nkrew jgħid kemm hija l-kirja li titħallas fis-sena, u għall-artijiet li nbiegħu jgħid kemm kienet is-somma li l-Gvern irċieva għal tali bejgħ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Vjal il-Kottoner – Siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt ix-xogħlijiet li saru aktar kmieni din is-sena fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa f'Ħal Luqa u Vjal il-Kottonera fil-Fgura tneħħewx xi siġar? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dawn tqaċċtux jew inkella ġewx rilokati għal post alternattiv?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Vjal il-Kottoner, fil-Fgura, għadhom ma bdewx. Dawn huma ppjanati li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Waqt xogħlijiet fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa f’Ħal Luqa, tneħħew numru ta’ siġar skond il-permess tal-ERA EP1036/21. Dawn is-siġar, li setgħu jiġu rilokati, ġew rilokati skond dan il-permess.

Imtarfa – Triq in-Narċis — Tiswija ta’ asfaltar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8207, anke f’każ illi l-ħsara mhijiex kaġun tax-xogħlijiet li saru minn Infrastructure Malta, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi u jitranġa l-livell tat-triq sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ ħafna residenti fi Triq in-Narċis fl-Imtarfa, li ilhom jilmentaw bil-ħsarat kbar li qed isofru fil-garaxxijiet tagħhom kaġun tal-ilma tax-xita?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7585.

Chadwick Lakes — Tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta l-aħħar li tnaddfu l-widien li jgħaddi l-ilma minnhom f’Chadwick Lakes u jekk hemmx ħsieb li ssir tindifa sew tagħhom? Tista’ tgħid ukoll għalfejn sena wara sena dawn il-widien baqgħu jitħallew jimtlew bil-ħmieġ, skart, u ħaxix ħażin u invażiv tant illi l-bdiewa m’għadhomx jistgħu jagħmlu użu mill-ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, bejn l-2018 u l-2021, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma wettqet proġett ta’ riabilitazzjoni u konservazzjoni f’Wied il-Qlejgħa, preċiżament mill-pont tal-Fiddien ‘il fuq, fejn hemm żewġ digi. Minn din iż-żona tneħħew l-ispeċi invażivi, bħal qasab u siġar tar-riġnu, tneħħew l-iskart u l-materjal li kienu nġemgħu wara d-digi sabiex ġiet restawrata l-water catchment capacity tagħhom u bħalissa, b’kordinament mal-għaqda volontarja Nature Trust Malta, qed jiġi sostnut il-proċess ta’ restawr ekoloġiku. Grazzi għal dan il-proġett, il-bdiewa tal-inħawi diġà qed jagħmlu użu mill-ilma li jinħażen wara d-digi. Sadanittant, qegħdin isiru t-tħejjijet meħtieġa, anke permezz ta’ tfassil ta’ sejħa għall-offerti, sabiex l-aġenzija Project Green tagħmel interventi f’partijiet oħra ta’ din is-sistema ta’ widien, preċiżament fil-parti bejn Wied il-Qlejgħa u Wied il-Għasel. Ix-xogħol ta’ riabilitazzjoni u konservazzjoni se jkun jinkludi t-tneħħija ta’ materjal u ta’ speċi aljeni invażivi, biex il-ħażna tal-ilma tkompli tiżdied hawnhekk ukoll. Se tinħoloq ukoll mogħdija kontrollata sabiex tiżided l-aċċessibilità għall-pubbliku mingħajr ma ssir ħsara lill-eko-sistema tal-post.

Chadwick Lakes — Digi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jinbnew mill-ġdid jew isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq numru ta’ digi (dams) li maż-żmien ikkollassaw fiċ-Chadwick Lakes, u li fiż-żmien li kienu miżmumin tajjeb kienu jaqdu rwol importanti biex fil-widien jinżamm l-ilma għall-bdiewa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 11675, tajjeb li wieħed iżid jiċċara li, f’Wied il-Qlejgħa, mill-pont tal-Fiddien ‘il fuq, m’hemm l-ebda diga li kkollassat. Dan għax iż-żewġ digi li jinsabu f’din iż-żona għadhom kemm ġew riabilitati permezz ta’ proġett komprensiv. L-intervent li, bl-għajnuna ta’ Infrastructure Malta, qed tagħmel bħalissa l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, jinvolvi li tinbena mill-ġdid parti minn trejqa rurali li ssegwi l-passaġġ tal-ilma. Din iż-żona tinsab taħt l-Imtarfa, aktar ‘l isfel mill-pont ta’ Slampa, u l-metodoloġia ta’ dan l-intervent ġiet stabbilita b’koordinament sħiħ mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Permezz tal-Valley Management Unit tal-Aġenzija Project Green, l-interventi fil-widien, mhux l-inqas dawk taż-żona msemmija, jibqgħu għaddejjin b’mod kontinwu. Fost l-oħrajn dan isir billi, b’mod sensittiv, jiġi kkalkulat l-ammont ta’ materjal li jkun inġema’ wara diga partikolari u, wara li jkun sar dan l-assessment, jiġu ppjanati l-interventi meħtieġa sabiex jitneħħa l-materjal, u jekk ikun hemm b¿onn isir ukoll xogħol ta’ manutenzjoni.

MCCAA – lista tal-mediċini li raħsu

Question

Peress illi qabel l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kienet tippubblika lista li fiha kienet tiġbor mediċini li l-prezz tagħhom kien raħas, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn din il-lista m’għadhiex tiġi ppubblikata bħal qabel, u jekk hemmx ħsieb li terġa’ tibda tiġi ppubblikata b’mod regolari u tara li din tkun kemm jista’ jkun faċilment aċċessibbli għall-pubbliku?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-awtoritajiet relevanti għaddejjin bix-xogħol tagħhom u aġġornamenti se jingħataw fi żmien li ġej.

Awtorità tal-Artijiet — Forti Binġemma – żgumbrament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha għaddejja l-komunikazzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar bħala parti mill-isforzi li qegħdin isiru sabiex il-persuni li qegħdin jokkupaw il-Forti Binġemma b’mod illegali tinstabilhom akkomodazzjoni alternattiva qabel ma jiġi fis-seħħ l-iżgombru?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — Forti Binġemma – żgumbrament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha għaddejja l-komunikazzjoni bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Awtorità tal-Artijiet bħala parti mill-isforzi li qegħdin isiru sabiex il-persuni li qegħdin jokkupaw il-Forti Binġemma b’mod illegali tinstabilhom akkomodazzjoni alternattiva qabel ma jiġi fis-seħħ l-iżgombru?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.