Jista’ l-Ministru jgħid matul l-2022 u l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien iż-żmien medju, massimu u minimu li ħadet il-Malta Enterprise biex inħarġu ċertifikati tal-Micro Invest?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Minħabba d-dawrien tad-direzzjonijiet ta' xi toroq arterjali li saru reċentement fil-Mosta, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex jiġu emendati r-rotot preżenti tat-trasport pubbliku, sabiex l-utenti li joqogħdu fl-inħawi ta' Ta' Mlit ikunu moqdijin aħjar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba t-tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku, id-dħul ġewwa l-Mosta mid-direzzjoni ta’ Ħal Lija sejjer ikun minn Triq il-Kungress Ewkaristiku, filwaqt li l-ħruġ mill-Mosta fid-direzzjoni ta’ Ħal Lija sejjer ikun minn Triq il-Kbira u minn Triq l-Indipendenza.
Minħabba li fil-preżent għaddejjin ix-xogħlijiet ġewwa l-Mosta, ir-rotot tat-trasport pubbliku għalissa mhumiex isegwu dan it-traġitt.
L-inħawi Ta’ Mlit qiegħdin jiġu moqdija permezz tar-rotta 44 fiż-żewġ direzzjonijiet u permezz tar-rotta 47 f’direzzjoni waħda.
Fid-dawl illi reċentement bankini li kienu tal-paving fi Triq il-Kostituzzjoni, ġewwa l-Mosta, inqalgħu bħala parti mill-proġett ta’ rain water culvert, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li dawn se jsiru tal-konkos, bil-kaġun li allura se jkun hemm telfien estetiku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet tal-pont tal-Bidnija, u jagħti rendikont dettaljat tax-xogħlijiet li saru u dawk li hemm ippjanati li jsiru u li s’issa għadhom ma twettqux?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn din il-ġimgħa stess il-pont imsemmi ser ikun aċċessibbli għas-sewwieqa, u l-proġett mistenni jkun magħluq kompletament sa nofs Novembru.
Ix-xogħlijiet li saru s’issa jinkludu, għarfien dwar is-servizzi eżistenti tat-triq u devjazzjoni tas-servizzi biex ikun jista’ jsir tkissir tal-pont u t-tħejjijiet tal-piles; tmien piles li saru fl-abutments fuq il-ġnub tal-pont biex isaħħu l-abutments eżistenti; tkissir tal-istruttura tal-pont eżistenti; tkissir tal-pilastru fin-nofs tal-pont biex jgħin għall-ftuħ tal-wied u l-passaġġ tal-ilma; travi tal-konkos (pile caps) u ħadid fuq kull naħa tal-abutments; tisħiħ mad-dawra taż-żewġ abutments permezz ta’ konkos rinfurzat u ħitan precast; tqegħid tat-travi precast li jiffurmaw is-saqaf tal-pont il-ġdid; tqegħid tas-soqfa precast biex jingħalqu l-culverts li saru minħabba l-mogħdija tas-servizzi; tisħiħ tal-retaining walls fuq il-ġnubijiet tat-triq permezz ta’ piles; travi (pile caps) tal-konkos rinfurzat fuq iż-żewġ naħat tul it-triq biex jintrabtu l-piles; bini ta’ hitan precast tul il-gnubijiet tat-triq; soqfa precast li qegħdin isiru biex tiġi ffurmata l-gallerija li ser sservi bħala bankina fuq iż-żewġ ġnubijiet tat-triq; travi precast (edge beams) li qegħdin jinħadmu li ser isiru tul it-triq kollha fejn ħa jitweħħel ir-railing tal-pont; u travi li ha jintrabtu l-crash barriers maghhom; tħejjijiet ta’ manholes fit-triq kif mitlub mill-entita’ tal-komunikazzjoni.
Ix-xogħlijiet li fadal jitlestew huma; jinghata l-konkoz biex jintrabtu is-soqfa tal-precast (gallerija) mal-istruttura tat-travi; formazzjoni ta’ livelli għat-triq u jingħata l-asfalt; qlugħ u installazjoni ta’ arbli tad-dawl ġodda; installazjoni ta’ dwal; tqegħid ta’ travi precast fejn ser jitwaħħal ir-railing u eventwalment it-tqegħid tar-railing f’postu, preparazzjoni ta’ travi fejn ha jehlu l-crash barriers u installazzjoni tal-crash barriers.
Jista’ l-Ministru jgħid għadx hemm l-intenzjoni li jsir trasferiment tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda lill-NGO Din l-Art Ħelwa? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jżomm it-trasferiment milli jkun iffinalizzat, meta tieħu inkonsiderazzjoni li aktar ma jkompli jieħu fit-tul il-proċess, aktar hemm ċans li ssir ħsara irreparabbli? Jekk le, jista’ jispjega l-Gvern x'beħsiebu jagħmel dwar il-Batterija tal-Qolla l-Bajda, li bħalissa tinsab mitluqa u fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
It-talba qed tiġi proċessata mal-awtoritajiet kompetenti.
Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ – applikazzjoni lill-Kumitat tal-Ismijiet tat-Toroq
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10969, jista’ l-Prim Ministru jgħid għalfejn jeħtieġ konferma jekk it-triq ġdida bla isem li tagħmel ma’ Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbug (Malta), (id-dettalji tal-post eżatt qegħdin jingħataw separatament) hijiex privata jew pubblika, ġaladarba l-Avviż Legali 291 tal-2018 jagħti s-setgħa lill-Kunsilli Lokali li jiddeċiedu isem li bih għandha tkun magħrufa triq privata?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab nfurmat li t-Tismija ta’ Toroq f’Malta taqa’ taħt Leġislazzjoni Sussidjarja 363.10 ‘Regolamenti Dwar Kunsilli Lokali (Tismija ta’ Toroq)’. L-Avviż Legali 291 tal-2018 jaqa’ taħt Leġiżlazzjoni 499.57 ‘Regolamenti dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq’. F’din il-Leġislazzjoni m’hemm l-ebda referenza għall-proċedura ta’ kif għandu jiġi ttrattat u ppubblikat isem ta’ triq privata iżda ssemmi biss li jekk Kunsill Lokali jiddeċiedi li jsemmi triq privata din tibqa’ bl-istatus ta’ triq privata.
Finalment, huwa l-Kunsill Lokali rispettiv li jrid jissottometti r-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex tissemma triq skont kif stipulat f’Leġislazzjoni Sussidjarja 363.10 ‘Regolamenti Dwar Kunsilli Lokali (Tismija ta’ Toroq)’. Il-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq baqa’ ma rċieva l-ebda rakkomandazzjoni għat-triq in kwistjoni.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Kumitat tal-Ismijiet tat-Toroq dwar toroq li m’għandhomx isem madwar Malta u Għawdex, indikati skont il-lokalitajiet differenti?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab nfurmat li l-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq – Malta, li sal-11 ta’ Ottubru, 2023, għandu 19-il applikazzjoni pendenti. Dawn waslu għand il-Kumitat f’dawn l-aħħar għoxrin ġurnata. Dawn l-applikazzjonijiet se jkunu diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat li hija skedata għall-ġimgħa d-dieħla. L-applikazzjonijiet ġejjin mingħand:
§ Kunsill Lokali Siġġiewi – 2
§ Kunsill Lokali Ħal Qormi – 1
§ Kunsill Lokali Ħad-Dingli – 1
§ Kunsilli Lokali Pembroke/San Ġiljan – 1 [triq tikkonfina]
§ Kunsill Lokali San Ġiljan – 1
§ Kunsill Lokali Ir-Rabat (M) – 13
Il-Kumitat għandu wkoll numru ta’ pendenzi ma’ ħamsa u għoxrin (25) Kunsill Lokali rigward kwistjonijiet relatati ma’ talbiet dwar ismijiet ta’ toroq.
Ħaż-Żebbuġ — Triq ġdida li tagħmel ma’ Triq l-Indipendenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ għamilx komunikazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet sabiex jikkonferma jekk it-triq ġdida li tagħmel ma’ Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbug (Malta), (id-dettalji tal-post eżatt qegħdin jingħataw separatament), u li sal-ġurnata tal-lum din it-triq għadha mingħajr isem, hix privata jew pubblika, u allura jgħid jekk din it-triq hijiex pubblika jew privata?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sabiex tingħata risposta preċiża, għandha tiġi provduta plan li tindika preċiżament is-sit li qed tirreferi għaliha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il avukat hemm li jaħdmu internament fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet? Għal kull avukat, jista’ l-Ministru jispeċifika b’liema metodu ġie ingaġġat u meta?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent l-Awtorità tal-Artijiet tħaddem 11-il avukat, li wieħed minnhom jokkupa l-kariga ta’ Chief Audit Officer (CAO)
Fil-każ tas-CAO l-ingaġġ tiegħu sar wara sejħa pubblika mill-Amministrazzjoni Ċentrali tas-Servizz Pubbliku. Il-persuna magħżula ġiet ingaġġata fit-18 t’April 2022.
L-għaxar kandidati l-oħra ġew impjegati b’diversi sejħiet mill-Awtorità tal-Artijiet kemm interni u esterni. Il-Kandidati ġew impjegati fis-sussegwenti dati:
1-28/08/17,
1-08/11/2017,
1-15/01/2018,
3-01/06/2020,
2-09/02/2022,
1-16/08/2023,
1-28/08/2023.
Awtorità tal-Artijiet – stabbilimenti li għandhom permess jarmaw imwejjed u siġġijiet fuq art pubblika
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istabbilimenti kollha li għandhom permess mill-Awtorità tal-Artijiet biex jarmaw imwejjed u siġġijiet fuq art pubblika fil-Belt Valletta? Għal kull permess, jista’ jindika l-isem tal-istabbiliment, it-triq li jinsab fih, u l-ammont ta’ mwejjed u siġġijiet li għandu permess jarma jew l-ispazju f’metri kwadri li għandu permess jokkupa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li sabiex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa u bi preċiżjoni, hemm bżonn ta’ aktar żmien.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8405, peress illi l-ebda mit-tweġibiet li rreferieni għalihom il-Ministru ma jirrispondu l-mistoqsija li saritlu, għaliex fl-ebda minn dawn ma hemm il-publikazzjoni tal-istudji dwar l-Iskola Primarja tal-Imtarfa, jista’ l-Ministru allura jippublika l-istudji li saru dwar l-Iskola Primarja tal-Imtarfa li jispjegaw ir-raġunijiet għalfejn din l-iskola ngħalqet kif ukoll jagħtu informazzjoni dwar il-possibbiltà li ssir tiswija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nerġa' nirreferiha għall-istqarrija pubblika li saret nhar il-Ħamis 9 ta’ Frar 2023 numru PR230217. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-iskola ġarrbet ħsarat naturali u hi evidenti biżejjed li l-iskola msemmija mhijiex fi stat li tibqa’ topera.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8397, u peress illi fl-iStandard Operating Procedure m’hemm ebda referenza għall-proċedura f’dawn iċ-ċirkostanzi, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex permess li s-sireni tal-ambulanzi jintużaw billejl?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif indikat fl-iStandard Operating Procedure, sezzjoni 7.1, kull darba li ambulanza tkun qed tirrispondi għal każijiet fejn il-pazjent ikun f'kundizzjoni ta' theddida għall-ħajja jew kundizzjoni instabbli is-sirena tal-ambulanza tista’ tintuża anke billejl skont il-bżonn.
Jista’ l-Prim Ministru jaġġorna l-Kamra dwar l-aħħar żviluppi fil-proċess tat-tendering għas-sit tax-Chalet (Tas-Sliema)?
Response (ABELA, ROBERT)
Fir-rigward tas-sejħa għas-sit tax-Chalet ġewwa Tas-Sliema, ninsab infurmat li l-proċess jinsab fi stadju ta` evalwazzjoni, liema evalwazzjoni hija f’idejn il-kumitat indipendenti maħtur għall-evalwazzjoni tas-sejħa, skont il-proċeduri stabbiliti.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8406, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol imsemmi, jiġifieri li jiġi installat dawl fi Trejqet is-Sagħtar, f’Ħad-Dingli, ġiex konkluż? Jekk le, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed iżomm milli jsir dan ix-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tagħmel il-kordinzazzjoni mal-entitajiet konċernati sabiex tiġi konkluża l-installazzjoni tad-dawl fi Trejqet is-Sagħtar, f’Ħad Dingli.
Ħaż-Żebbuġ – Kulleġġ San Injazju — Kapijiet tal-Iskola
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il Kap tal-Iskola differenti kienu inkarigati mit-tmexxija tal-Kulleġġ San Injazju Ħaż-Żebbuġ Primary?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Trasport pubbliku — Proġett pilota ta’ autonomous buses
Question
Peress illi fl-2021 l-Ministru preċedenti kien ħabbar illi ‘fix-xhur li ġejjin’ kienu se jiġu ttestjati autonomous buses f’rotot partikolari, u peress illi l-Ministru konkorrenti għall-mistoqsija parlamentari 3232 kien wieġeb illi l-proġett-pilota għadu għaddej, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proġett? Jista’ jagħti rendikont ta’ dak li rriżulta minn riċerka li kellha ssir biex it-toroq tagħna jkunu preparati f’sens ta’ infrastruttura għall-introduzzjoni tal-karozzi tal-linja mingħajr xufier, u jgħid x’azzjonijiet ittieħdu biex jitranġaw in-nuqqasijiet li ħarġu mit-tali konklużjonijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett pilota huwa parti mill-proġett MetaCCAZE, mis-sejħa relatata ma’ HORIZON-MISS-2023-CIT-01 li fit-totalità tiegħu huwa stmat li se jiswa' mad-€29M, u il-Kummissjoni Ewropea se tikkontribwixxi kważi €25M minnhom.
Il-Malta Public Transport ġiet allokata iktar minn €500K sabiex tikri karozza tal-linja li taħdem b'mod awtonomu u tkopri wkoll spejjeż anċillari. Il-Ministeru għat-Trasport għandu allokazzjoni ta’ madwar €33K għal tagħmir u xogħlijiet oħra neċessarji.
Il-proġett huwa maħsub li ser itul mat-48 xahar, bil-parteċipazzjoni ta' 43 organizzazzjoni minn 13-il pajjiż differenti. Għalkemm l-istudji għadhom u se jibqgħu għaddejjin, il-proġett huwa mistenni li jkun uffiċjalment beda sal-bidu tas-sena 2025.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 572, fejn intqal illi “x-xogħlijiet fiċ-Ċimiterju tal-Annimali għadhom għaddejjin. Huwa ppjanat li dan jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.” u kważi sena wara bqajna ma smajna ebda dettalji ġodda, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux aktar dettalji xi jħabbar dwar il-kostruzzjoni tal-propost ċimiterju tal-annimali, u jekk dan għadux prijorità għal dan il-Gvern?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħlijiet fiċ-Ċimiterju tal-Annimali kellhom jieqfu minħabba kwistjonijiet kuntrattwali mal-kuntrattur. Madankollu il-Gvern xorta kommess li x-xogħol fiċ-Ċimiterju tal-Annimali ser jitkompla fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid il-Gvern x'beħsiebu jagħmel dwar il-Batterija tal-Qolla l-Bajda, li bħalissa tinsab fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni u jekk għadx hemm l-intenzjoni li jsir trasferiment lill-NGO Din l-Art Ħelwa, jgħid fiex wasal il-proċess ta' trasferiment, u jgħid meta huwa previst li jitlesta dan il-proċess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-talba magħmula minn Din l-Art Ħelwa qed tiġi analizzata u proċessata mill-awtoritajiet kompetenti.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8396, jista’ l-Ministru jgħid x’passi għandu intenzjoni li jieħu l-Gvern fir-rigward tal-proprjetajiet li skont investigazzjoni li saret fl-2019 mill-Awtorità tal-Artijiet dwar il-Fortizza ta’ Bengħajsa, għadhom okkupati illegalment u mingħajr titolu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt lill-Awtorità tal-Artijiet sabiex tiġbor l-informazzjoni kollha fuq dan il-każ sabiex ir-risposta tkun tista' tiġi provduta f’seduta oħra.