Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kontaminazzjoni tal-Asbestos – Imwiet irreġistrati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew irreġistrati mwiet taħt il-kategoriji ICD-10 C45 mesoteljoma, J61 pnewmokonjożi minħabba l-asbestos u J92.0 plakka plewrali bil-preżenza tal-asbestos, għal kull sena mill-2016 sal-2025, separatament għal Malta u Għawdex? Għal kull kategorija, jista’ jiddistingwi bejn każijiet fejn il-kundizzjoni kienet il-kawża sottostanti tal-mewt u każijiet fejn kienet kawża kontribwenti?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Siti brownfield – Definizzjoni, kriterji u database nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jew l-Awtorità tal-Ippjanar adottawx definizzjoni uffiċjali ta’ sit ‘brownfield’ u jekk tinżammx lista jew database nazzjonali ta’ dawn is-siti? Jekk iva, jista’ jqiegħed id-definizzjoni, il-kriterji, il-metodoloġija użata u l-lista ta’ siti ‘brownfield’ fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar m’adottatx definizzjoni uffiċjali ta’ sit ‘brownfield’ u għalhekk ma tinżammx lista jew database nazzjonali ta’ dawn is-siti.

Tipjip f’postijiet ipprojbiti – Spezzjonijiet u kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet ta’ infurzar relatati ma’ tipjip f’postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit matul dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll kemm inħarġu kontravenzjonijiet f’kull sena kontra persuni u/jew sidien ta’ stabbilimenti li nqabdu jiksru l-liġi f’dan ir-rigward?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li l-Korp tal-Pulizija jwettaq diversi spezzjonijiet regolari bil-għan li jiġi żgurat li jiġu osservati r-regolamenti applikabbli, inklużi dawk relatati mal-ksur tal-liġijiet dwar it-tipjip. Ninsab infurmat li, bejn is-sena 2022 u l-aħħar ta’ Settembru 2026, il-Korp tal-Pulizija rreġistra aktar minn tnejn u tletin elf (32,000) spezzjoni, fejn sussegwentement għal dawn l-ispezzjonijiet, bejn is-sena 2022 u l-aħħar ta’ Settembru 2026, inħarġu elf, tmien mija u sebgħa u erbgħin (1,847) kontravvenzjoni relatati ma’ ksur tal-liġi dwar it-tipjip. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-kontravenzjonijiet inħarġu minn membri tal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li wħud inħarġu wkoll minn uffiċjali tal-LESA u uffiċjali tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali.

Spazji miftuħa u żoni naturali ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħolqu spazji miftuħa u żoni naturali matul il-leġiżlatura li għaddiet li huma kompletament ġodda, jiġifieri spazji li nħolqu mill-ġdid f’żoni jew artijiet li qabel ma kinux miftuħa jew aċċessibbli għall-pubbliku bħala ġonna, parks jew żoni naturali? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ dawn il-proġetti u tindika f’liema lokalità jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 526.

OHSA – Setturi tax-xogħol b’riskju għal espożizzjoni għal materjali tossiċi – Miżuri ta’ prevenzjoni u infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tas-setturi ekonomiċi li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) tqis bħala l-aktar esposti għar-riskju ta’ espożizzjoni għaċ-ċomb, komposti taċ-ċomb, carcinogens, mutagens u sustanzi reprotoxic, u jindika b’mod ċar x’miżuri speċifiċi ta’ infurzar u prevenzjoni qegħdin jittieħdu f’kull wieħed minn dawn is-setturi individwali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol  wettqet spezzjonijiet f’diversi setturi ekonomiċi li jistgħu jinvolvu espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, inklużi salons tax-xagħar, kumpaniji farmaċewtiċi, ‘garden nurseries’ fejn jintużaw pestiċidi, garaxxijiet reġistrati li jwettqu xogħlijiet ta’ sprej, mastrudaxxi u pompi tal-petrol. Matul dawn l-ispezzjonijiet, l-Awtorità vverifikat il-konformità mar-rekwiżiti legali relatati mal-użu, il-ħażna u l-immaniġġjar ta’ sustanzi perikolużi, inklużi carcinogens, mutagens u sustanzi reprotoxic fejn applikabbli. L-enfasi tqiegħdet fuq l-evalwazzjoni tar-riskju, il-miżuri ta’ kontroll, , il-ventilazzjoni fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ tal-ħaddiema u l-użu ta’ tagħmir protettiv personali adegwat u l-konformità mal-obbligi ta’ informazzjoni u monitoraġġ. Fejn instabu nuqqasijiet, ittieħdu l-miżuri ta’ infurzar meħtieġa skont il-każ, filwaqt li ngħataw ukoll rakkomandazzjonijiet sabiex jitjiebu l-miżuri preventivi u jitnaqqas ir-riskju għall-ħaddiema.

OHSA – Infurzar tar-regolamenti relatati ma’ xogħol li jinvolvi sustanzi perikolużi u aġenti kimiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet min-naħa tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), fir-rigward tal-infurzar tar-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol b’rabta ma’ sustanzi perikolużi u aġenti kimiċi matul l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll kemm instabu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, u kemm employers ġew imħarrka għall-ksur ta’ dawn ir-regolamenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-2024 sa Settembru ta’ din is-sena, saru 1,880 spezzjoni f’siti li jagħmlu użu minn sustanzi perikolużi u aġenti kimiċi. B’riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu 183 Improvement Notice, 760 ordni u 11-il Stop Order.

OHSA – Spezzjonijiet u azzjonijiet ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: i.    kemm saru żjarat ta’ spezzjoni mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA); ii.   kemm postijiet tax-xogħol jew siti distinti ġew spezzjonati; iii.   kemm minn dawn kienu siti tal-kostruzzjoni; iv.   kemm inħarġu ordnijiet uffiċjali jew Avviżi għal Titjib; v.    kemm inħarġu ordnijiet ta’ waqfien tax-xogħol jew ta’ projbizzjoni; vi.   kemm inbdew proċeduri kriminali; u vii.   kemm ġew imposti multi amministrattivi u x’kien il-valur totali tagħhom, minn Jannar tal-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-OHSA tagħmel diversi spezzjonijiet u tieħu l-miżuri meħtieġa f’każijiet fejn ir-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ma jkunux qed jiġu osservati. Matul is-sena 2026, sa Settembru, l-OHSA wettqet 19,246 spezzjoni, li minnhom 14,498 kienu fuq siti tal-kostruzzjoni. Matul l-istess perjodu nħarġu 2,119-il avviż għal titjib u 2,392 ordni, filwaqt li nħarġu 655 ordni ta’ waqfien tax-xogħol. Inbdew ukoll 116-il proċedura kriminali.

Il-Foss tal-Belt Valletta – Protezzjoni taċ-ċisterni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex jiġu protetti ċ-ċisterni ta’ żmien il-Kavallieri u karatteristiċi storiċi oħra fil-Foss tal-Belt Valletta?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Belt Valletta – Cisterna della Quarantena – Tindif, restawr u użu futur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex iċ-Cisterna della Quarantena fil-Belt Valletta tiġi restawrata bil-għan li terġa’ taqdi l-funzjoni oriġinali tagħha u jekk is-sit huwiex ippjanat li jsir attrazzjoni turistika ladarba jitlesta x-xogħol ta’ tindif u ta’ restawr?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-intervent ippjanat f’dan l-istadju fuq iċ-Cisterna della Quarantena jikkonsisti fir-rikostruzzjoni tal-parti taċ-ċisterna li kkrollat, bil-għan li terġa’ tinkiseb l-integrità strutturali tagħha.

Il-Belt Valletta – Cisterna della Quarantena – Studji arkeoloġiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji arkeoloġiċi, storiċi jew tekniċi fuq il-mina u/jew fuq partijiet oħra li ġew skoperti waqt ix-xogħlijiet ta’ skavar fis-sit magħruf bħala Cisterna della Quarantena fil-Belt Valletta? F’każ li l-istudji tlestew, jista’ jqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra u għal kull struttura identifikata jgħid x’kienet il-funzjoni storika tagħha?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mosta – Proprjetà amministrata mill-Awtorità tal-Artijiet u l-Joint Office

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-artijiet u l-bini kollha fil-Mosta li huma amministrati mill-Awtorità tal-Artijiet u l-Joint Office, u għal kull proprjetà, jindika: i.    l-indirizz tal-proprjetà; ii.    id-daqs; iii.   jekk hijiex mibnija jew le; iv.   jekk hijiex okkupata; u v.    f’każ li okkupata, it-tip ta’ titolu, id-data tal-bidu u tal-iskadenza u ċ-ċens (ground rent)?

Response (BONNICI, OWEN)

Fid-dawl tan-natura u l-ambitu tal-informazzjoni mitluba, u in vista tal-fatt li t-talba tirrigwardja numru sostanzjali ta’ proprjetajiet, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jispeċifika l-proprjetà jew proprjetajiet partikolari li dwarhom qed tintalab l-informazzjoni, sabiex tkun tista’ tingħata risposta preċiża u rilevanti għat-talba magħmula.

Ir-Rabat, Malta – Triq il-Ġnien tan-Nigra – Restawr tal-ġibjun

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex isir xogħol ta’ restawr fuq il-ġibjun li jinsab fi Triq il-Ġnien tan-Nigra, fil-limiti tar-Rabat, Malta, peress illi r-riabilitazzjoni ta’ dan il-ġibjun tkun ta’ benefiċċju kbir għall-bdiewa tal-madwar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull sena jsiru diversi manutenzjonijiet ta’ ġibjuni madwar Malta.

Binġemma – Frekwenza tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jara li s-servizz tal-karozzi tal-linja li jgħaddi minn Binġemma, fil-limiti tar-Rabat (Malta), jiżdied għal darba kull siegħa minflok darba kull sagħtejn sabiex ir-residenti ta’ din iż-żona jkollhom aċċess aħjar għat-trasport pubbliku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

L-Imtarfa – Ġnien is-Sinjura – Problemi strutturali

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tas-sitwazzjoni fi Ġnien is-Sinjura fl-Imtarfa, kemm mill-aspett ta’ problemi strutturali fil-pedamenti kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe moviment naturali tal-art? Tista’ tassigura li m’hemm l-ebda periklu għall-pubbliku u għar-residenti tal-madwar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell – Rapport tal-konsultazzjoni pubblika

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-parks nazzjonali proposti f’Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-konsultazzjoni pubblika dwar it-tliet parks nazzjonali proposti għal Manoel Island, il-White Rocks u Fort Campbell saret bejn Diċembru 2025 u April 2026 permezz tal-pjattaforma ParksinMalta.mt. Matul dan il-proċess, ġew sottomessi aktar minn 6,000 kontribuzzjoni. Project Green organizzat madwar 100 workshop u focus groups li fihom ħadu sehem madwar 6,000 persuna oħra, fosthom residenti, studenti, familji, anzjani, Kunsilli Lokali u għaqdiet mhux governattivi. B’hekk, il-proċess ta’ konsultazzjoni wassal għal madwar 12,000 kontribuzzjoni u parteċipant u qed jgħin biex jiġu identifikati l-prijoritajiet, l-aspettattivi u l-ideat tal-pubbliku qabel ma jiġu żviluppati aktar il-pjanijiet ta’ riġenerazzjoni għat-tliet siti. Il-feedback ta’ din il-konsultazzjoni qed tgħin biex ikunu żviluppati l-pjani għat-tliet parks nazzjonali proposti.

Ir-Rabat, Malta – Triq Għeriexem – Solar Footpath

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kWh ta’ enerġija ġew iġġenerati mis-Solar Footpath tal-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta, mill-inawgurazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Għal kull sena, jista’ jgħid ukoll: i.    il-valur monetarju tal-enerġija ġġenerata; ii.   jekk kienx hemm perjodi li matulhom is-sistema ma kinitx operattiva u jekk iva, kemm damu dawn il-perjodi; u iii.  għal liema raġuni s-sistema ma kinitx operattiva matul dawk il-perjodi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.

Maltempata Harry – Skema ta’ għajnuna finanzjarja lill-bdiewa

Question

B’referenza għall-iskema ta’ għajnuna finanzjarja għall-bdiewa milquta mill-maltempata Harry, jista’ l-Ministru jgħid: i.    kemm applikazzjonijiet ġew sottomessi; ii.   kemm applikazzjonijiet ġew approvati; iii.  kemm applikazzjonijiet ġew miċħuda u għal liema raġunijiet; iv.  kemm applikazzjonijiet għadhom qed jiġu evalwati; u v.   jekk il-Ministeru bagħatx komunikazzjoni uffiċjali lill-applikanti dwar l-istat tat-talba tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-maltempata “Harry”, il-Ministeru nieda minnufih proċess strutturat ta’ ġbir u verifika ta’ data sabiex jiġu evalwati b’mod preċiż l-impatti fuq il-bdiewa, ir-raħħala u s-settur agrikolu inġenerali. Din l-evalwazzjoni preliminari kienet pass indispensabbli biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet reali tas-settur u biex kwalunkwe intervent potenzjali jkun ibbażat fuq evidenza ċara, kif meħtieġ mill-qafas Ewropew dwar l-Għajnuna mill-Istat. F’dan l-istadju, ma tnediet l-ebda skema formali ta’ għajnuna, peress li l-prijorità kienet li jitwettaq studju komprensiv tad-danni u tal-impatti ekonomiċi kkawżati mill-maltempata. Għalhekk, informazzjoni dwar applikazzjonijiet, approvazzjonijiet jew pagamenti ma tistax tingħata, billi skema ta’ appoġġ għadha ma ġietx stabbilita.

Il-Buskett – Latrini Pubbliċi – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-sejħa għall-offerti marbuta max-xogħlijiet fuq il-latrini pubbliċi fil-Buskett ġietx aġġudikata? Jekk iva, tista’ tgħid jekk dawn ix-xogħlijiet bdewx u f’liema data, meta huma mistennija li jitlestew u meta huma mistennija li jkunu operattivi għall-użu pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti relatata mal-upgrading u r-riġenerazzjoni tal-faċilitajiet sanitarji pubbliċi fil-Buskett waslet fl-aħħar stadji tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni, bil-perjodu għall-preżentazzjoni ta’ appelli skada fil-5 ta' Ottubru 2026. Suġġett għall-konklużjoni tal-proċeduri kollha previsti mil-liġi u għall-finalizzazzjoni tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni, Ambjent Malta tkun tista’ tipproċedi bl-għoti tal-kuntratt u l-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett. Il-kuntratt jipprevedi perjodu ta’ sitt xhur għat-twettiq tax-xogħlijiet mill-ħruġ tal-ordni tal-bidu. Għalhekk, huwa mistenni li x-xogħlijiet jitlestew fl-2027, sabiex il-faċilitajiet ikunu jistgħu jitqiegħdu għas-servizz tal-pubbliku.

L-Imtarfa – Ġnien is-Sinjura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tas-sitwazzjoni fi Ġnien is-Sinjura fl-Imtarfa, kemm mill-aspett ta’ problemi strutturali fil-pedamenti kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe moviment naturali tal-art? Jista’ l-Ministru jassigura li m'hemm l-ebda periklu la għall-pubbliku u lanqas għar-residenti tal-madwar?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħ’Attard – Pjazza Tumas Dingli - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jitlesta x-xogħol fi Pjazza Tumas Dingli f'Ħ'Attard u tindika x'kienet l-iskeda ta' żmien oriġinali għal dan ix-xogħol?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.