Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università Amerikana ta’ Malta (AUM) — liċenzja

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-liċenzji u l-estensjonijiet li ngħataw lill-American University of Malta (AUM) bejn l-2016 u l-2023, li fihom jintwerew il-kundizzjonijiet imposti fuq l-AUM mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Swatar — Sptar psikjatriku ġdid - Kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema kundizzjonijiet l-Awtorità tal-Artijiet għaddiet lill-awtoritajiet tas-saħħa, l-medda ta’ art li se tintuża biex jinbena sptar psikjatriku ġdid fis-Swatar, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim/kuntratt li permezz tiegħu sar dan it-trasferiment?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Vetturi elettriċi — Mechanics/electricians

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn mechanics/electricians reġistrati li jaċċettaw xogħol ta’ tiswija ta’ vetturi elettriċi f’pajjiżna? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern huwiex imħasseb dwar il-possibbiltà li ma jkunx hawn biżżejjed mechanics biex ilaħħqu mad-domanda fil-futur qarib?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Attard — Triq il-Linja - Xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol infrastrutturali fi Triq il-Linja, Ħ’Attard u jagħti rendikont tax-xogħol li sar u li fadal isir, u jgħid meta huwa previst li jitlesta x-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Linja, Ħ’Attard, beda f’Marzu li għadda. Ix-xogħlijiet li tlestew s’issa jinkludu s-sostituzzjoni tal-provvista tal-ilma u l-konnessjonijiet tad-djar, tisħiħ f’sistema għal ġbir ta’ ilma tax-xita, tiġdid tan-network ta’ telekomunikazzjoni taħt l-art u mogħdijiet ġodda. Bħalissa għaddej proċess metikoluż biex nippreservaw fdalijiet arkeoloġiċi f’partijiet tat-triq, u wara xħin jiġi konkluż dan ix-xogħol tibda l-ħidma biex tibda l-formazzjoni tal-wiċċ ġdid bl-asfalt.

Ħaż-Żebbuġ (Malta) — Triq ġdida li tagħmel ma’ Triq l-Indipendenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ għamilx komunikazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet sabiex jikkonferma jekk it-triq ġdida li tagħmel ma’ Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbug (Malta), (site plan qiegħda tintbagħat separatament), u li din it-triq għadha mingħajr isem sal-ġurnata tal-lum, hijiex triq privata jew pubblika?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġejt infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li skont ir-records is-sit indikat mhuwiex tal-Gvern.

Xewkija, Għawdex — Kopja ta’ kuntratt fuq art pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim/kuntratt li permezz tiegħu fl-2014 art pubblika fix-Xewkija, Għawdex li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għaddiet mill-Malta Industrial Parks (MIP) (illum magħrufa bħala INDIS) lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk dan sarx permezz ta’ tender, u f’każ ta’ tender, jippreżenta kopja tas-sejħa pubblika li kienet inħarġet? U jekk mhux b’tender, jista’ jgħid kif għaddiet l-art?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li ma hemm l-ebda art li fis-sena 2014 għaddiet mill-INDIS (dak iz-zmien MIP) lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ingħataw separatament.

Awtorità tal-Artijiet — encroachment permits 2023

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11697, jista’ l-Ministru jipprovdi l-lokalità u l-isem tat-triq għal kull encroachment permit indikat fit-tabella?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li qed tintalab.

Applikazzjonijiet pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12156, jista’ l-Prim Ministru jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin il-25 applikazzjonijiet pendenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-korrispondenzi pendenti li għandu l-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq Malta, ġejjin mil-lokalitajiet tal-Birgu, Birżebbuġa, Bormla, Ħad-Dingli, Ħal Għargħur, Ħal Għaxaq, Il-Gżira, Ħal Lija, Il-Marsa, Marsaskala, Il-Mellieħa, L-Imġarr, Il-Mosta, Paola, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Ħal Tarxien, Ta’ Xbiex, Ħaż-Żebbuġ u ż-Żurrieq. Mill-Mistoqsija Parlamentari 12156 sal-lum ħames Kunsilli Lokali bagħtu risposta għall-pendenzi li kellhom. Il-lokalitajiet li wieġbu għall-korrispondenza li bagħat il-Kumitat huma Ħ’Attard, Ħal Kirkop, Tas-Sliema, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun.

SMEs — żona industrijali Xewkija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tas-Small and Midsize Enterprises (SMEs) hekk kif approvati mill-MIP/INDIS biex joperaw mill-garaxxijiet maħsuba għall-manifattura f’żona industrijali (li d-dettalji tal-post qed jingħataw separatament) fuq art pubblika fix-Xewkija, Għawdex?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l- INDIS ma approvat l-ebda negozju sabiex jopera mill-imsemmi post.

Xewkija, Għawdex — Żona industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabx ksur tal-kundizzjonijiet tal-konċessjoni fejn fl-2014 art pubblika fix-Xewkija, Għawdex, għaddiet mill-Malta Industrial Parks (MIP) (illum magħrufa bħala INDIS) lill-kumpanija li d-dettalji dwarha u tal-post qed jingħataw separatament? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk ittieħdux azzjonijiet, u f’liema forma? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-użu li qed isir minn tali konċessjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tirreferi għar-risposta li ngħata għal-mistoqsija parlamentari numru 12711.

Il-Belt Valletta – kuntratt ta’ fond

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12160 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-okkupanti ngħataw mill-Awtorità tal-Artijiet b’enfitewsi l-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kuntratt tax-xorta msemmija ma jeżistix.

Taxxa medja — Ħaddiema minn pajjiżi terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi t-taxxa medja li ħaddiema minn pajjiżi terzi jħallsu f’pajjiżna, maqsuma skont l-industriji li jaħdmu fihom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Veraċità ta' dokumenti — Stalel taż-żwiemel

Question

Peress illi biex ikun hemm żvilupp ta’ stalel taż-żwiemel f’żoni barra mill-iżvilupp jeħtieġ dikjarazzjoni uffiċjali tas-sjieda jew reġistrazzjoni taż-żwiemel, u fid-dawl ta’ lakuni li jistgħu jwasslu għall-iżvilupp ta’ diversi stalel irreġistrati fuq żiemel/żwiemel li ma jkunux sidien tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk tkunx mistħarrġa l-veraċità tad-dokumenti preżentati fir-reġistrazzjoni taż-żiemel/żwiemel? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kif tkun iċċekjata l-veraċità tad-dokumenti? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn dawn ma jiġux iċċekjati, meta jistgħu jwasslu għal abbużi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

RHIBs — Tenders

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders li permezz tagħhom inxtraw RHIBs għas-sezzjoni tal-infurzar, li nħarġu mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

RHIBs — Pagamenti għal tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ pagamenti li saru għal tiswijiet fuq kull RHIB fil-flotta ta’ Transport Malta, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Numru ta' swimming pools — REWS

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' swimming pools li għandu reġistrati miegħu r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS)? Kemm minnhom huma f'lukandi u/jew azjendi oħra direttament konnessi mat-turiżmu, u kemm f’residenzi privati? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx inċentivi biex l-ilma li jintuża minn dawn il-pools ikun riċiklat fuq is-sit u jiġi utilizzat għal skopijiet oħrajn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-ammont ta’ swimming pools reġistrati mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) huwa ta’ 4,386. Minn dawn 3,985 huma privati, filwaqt li 401 huma kummerċjali. Minn dawk kummerċjali hemm 380 illi huma konnessi mat-turiżmu, filwaqt li l-21 l-oħra mhumiex konnessi mat-turiżmu. M’hemmx inċentivi biex l-ilma li jintuża minn dawn il-pools ikun riċiklat fuq is-sit u jiġi utilizzat għal skopijiet oħrajn.

Applikazzjonijiet — Swimming pools

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti tal-Ippjanar u tad-Development Notification Order (DNO) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal swimming pools li mhumiex f’żona ta’ żvilupp jew f’żona ta’ konservazzjoni urbana, sena b’sena mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f'liema lokalità jinsabu? Jista’ jgħid ukoll f'kull każ, f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità u liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġilhom il-permess neċessarju?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazjoni mitluba. Ma kien hemm l-ebda Notifika Għal Żvilupp (DNO) fil-perjodu msemmi. Il-figuri jistgħu jinkludu siti li ma jkunux jaqgħu kompletament barra miż-żona tal-iżvilupp, kif ukoll applikazzjonijiet għal żvilupp ieħor (eżempju ħitan) f’proprjetajiet li għandhom (jew qed jipproponu) pixxina. L-istatistika għal din ir-risposta tinkludi applikazzjonijiet li ġew ippubblikati bħala applikazzjonijiet kompluti mill-1 ta' Jannar 2018 sas-26 ta’ Ottubru 2023, fejn il-proposta tal-iżvilupp provduta mill-perit tal-każ, kif miżmuma fis-sistema elettronika tal-Awtorità tal-Ippjanar, tinkludi l-kliem swimming pool jew pixxina.

Pontoon — No Objection

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet ħarġitx No Objection biex isir pontoon fil-każ partikolari li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jqiegħed dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Artijiet ma tagħtix “no objection”, imma tiddeċiedi jekk tagħtix il-kunsens tagħha sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni tal-iżvilupp, kif ġara f’dan il-każ. Fil-każ li l-iżvilupp jiġi approvat mill-Awtoritajiet konċernati, l-Awtorità tal-Artijiet tkun tista’ tgħaddi kirja fuq termini ta’ encroachment concession skont it-termini approvati fil-permess ta’ l-Ippjanar.

Kontribuzzjoni ambjentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kontribuzzjoni ambjentali li titħallas fuq soġġorni f’kull tip ta’ akkomodazzjoni ġġenerat fondi mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena, u jagħti lista komprensiva ta’ proġetti li saru fejn intużaw flus iġġenerati minn din il-kontribuzzjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus għal kull proġett u fuq xiex?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex l-ewwel parti tal-mistoqsija tagħmilha lill-Ministru kkonċernat, u nirreferiha għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 9573 tal-Leġiżlatura XIII, u tweġibiet 234, 1310 u 7841 ta’ din il-Leġiżlatura, ninfurmaha li permezz ta’ dawn il-fondi saru dawn il-proġetti: · Xogħlijiet ta’ resurfacing fit-toroq tal-Promenades ta’ Buġibba u l-Qawra, · Proġett pilota tal-Pulizija għaż-żoni turistiċi, · Titjib f’bajjiet, · Riġenerazzjoni ta’ Paceville, · Road markings wara li sar resurfacing ta’ toroq f’Paceville, · Proġett relatat ma’ 3D modelling tal-riferti arkejoloġici li jinsabu f’qiegħ il-baħar, · Restawr u tisbiħ tal-ġnien storiku magħruf bħala Ġnien tal-Kmand f’Ħal Safi, · Ġiet imwaqqfa unit ta’ tindif u manutenzjoni speċifikament għaż-żoni ta’ San Pawl il-Baħar, Xemxija, Buġibba u l-Qawra, · Ir-restawr ta’ Pjazza Vittoriosa, il-Birġu inkluż it-turġien tal-madwar, · Automated public convenience fi Pjazza Tritoni, · Il-proġett tal-car park tal-Għadira, · Il-promenade tal-Għadira, · Is-sand pilot Project tal-bajja tal-Mellieħa, · Il-Ġnien Ġirolamo Cassar, il-Gudja · Il-proġett ta’ tisbiħ fil-pjazza tal-Mellieħa, · Il-proġett tal-Magħluq ġewwa Marsaxlokk, · Il-Ġnien Alexander Ball ġo Ħal Safi, · L-iscuttling tal-MV Haphaestus, Għawdex, · Il-Victoria Lines, · Paceville Street, San Ġiljan, · Ġnien Duminku Mintoff, Raħal Ġdid, · Il-Pjazza ta’ Buġibba, · Inġenji li jintużaw mill-Cleansing and Maintenance Division fit-tindif ta’ żoni turistiċi, · L-installazzjoni u manutenzjoni tal-iSmart Compaction Litter Bins, · Pjan ta’ riġenerazzjoni li qed issir f’San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra, Xemxija u Salini, u · Għadira Promenade. Qed isiru/ser jibdew isiru wkoll Triq Paceville, il-Pjazza tal-Birgu, il-Pjazza ta’ ħdejn it-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien u Pjazza tal-Mosta.