Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ – applikazzjoni lill-Kumitat tal-Ismijiet tat-Toroq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12706, fejn intqal li skont ir-records tal-Awtorità tal-Artijiet is-sit fejn tinsab it-triq ġdida li tagħmel ma’ Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbuġ (Malta), u li sal-ġurnata tal-lum din it-triq għadha mingħajr isem (site plan qiegħda tintbagħat separatament), mhuwiex tal-Gvern, u peress illi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10969 ingħad li l-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq f’laqgħa kien talab lill-Kunsill Lokali biex jikkomunika mad-Dipartiment tal-Artijiet biex jikkonferma jekk din it-triq hix privata jew pubblika, jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dan ir-rigward il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ kienx f’kuntatt mal-Awtorità tal-Artijiet, u jgħid jekk waslitlux risposta definittiva, u jgħid jekk minn dakinhar 'l hawn il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ issottomettiex ir-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex jingħata isem lit-triq inkwistjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ illi l-Kunsill Lokali rispettiv permezz tal-Perit Malcolm Cachia qiegħed f’kuntatt mad-Dipartiment tal-Artijiet u daħħal talba msejħa bħala ‘LC1’ bir-referenza LC1/2023/0133. Infurmat li din it-talba qiegħda tiġi pproċessata. Infurmat li sakemm l-Kunsill Lokali jkollu r-risposta, din it-triq għadha qed tiġi msejħa 'Triq Ġdida fi Triq l-Indipendenza'.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Arretrati ta' liċenzji ta' operaturi turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574, 1842, 2466, 2817, 3157, 3718, 4254 u 13856 u jgħid l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ — Kulleġġ San Injazju - Kapijiet tal-Iskola

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12152, 12517, 12993 u 13869 u jgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il Kap tal-Iskola differenti kienu inkarigati mit-tmexxija tal-Kulleġġ San Injazju Ħaż-Żebbuġ Primary?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskola msemmija, matul dawn l-aħħar tliet snin, kien hemm 5 kapijiet differenti inkarigati mit-tmexxija. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li 2 minnhom okkupaw din il-kariga matul il-vaganzi tas-sajf sakemm saret it-tranżizzjoni bejn kap u ieħor.

Awtorità tal-Artijiet – stabbilimenti li għandhom permess jarmaw imwejjed u siġġijiet fuq art pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 11699 u 12518 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istabbilimenti kollha li għandhom permess mill-Awtorità tal-Artijiet biex jarmaw imwejjed u siġġijiet fuq art pubblika fil-Belt Valletta? Għal kull permess, jista’ jindika l-isem tal-istabbiliment, it-triq li jinsab fih, u l-ammont ta’ mwejjed u siġġijiet li għandu permess jarma jew l-ispazju f’metri kwadri li għandu permess jokkupa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11697.

White Rocks – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi żviluppi dwar il-proġett li kellu jsir fiż-żona magħrufa bħala tal-White Rocks peress li wara li ntgħażel l-offerent preferut fl-2016, għadu ma sar xejn konkret ħlief diskussjonijiet? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jibda x-xogħol biex dan il-proġett jitwettaq?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 5432.

Każijiet ta’ sewqan taħt l-influwenza tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2017 ’l hawn kemm kien hemm każijiet fejn sewwieqa nstabu li kienu qegħdin isuqu taħt l-influwenza tad-droga? Jista’ jgħid ukoll x’kienet il-proċedura osservata biex instab li dawn kienu taħt l-influwenza tad-droga?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kawżi msemmijin fil-mistoqsija huma ta’ natura sommarja, u għalhekk l-Aġenzija ma żżommx statistika fuq dawn it-tip ta’ kawżi.

Ħad-Dingli — Triq il-Kbira Sqaq Numru 4 – nuqqas ta' dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn m’hemmx dawl tat-triq fi Triq il-Kbira Sqaq Numru 4, f’Ħad-Dingli? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali Ħad-Dingli huwiex konxju ta’ dan in-nuqqas, li qiegħed jikkawża problemi lir-residenti li jgħixu f’dan l-isqaq u fil-madwar, u jekk allura ġiex diskuss waqt laqgħat tal-istess Kunsill Lokali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’azzjoni ttieħdet biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni u għalfejn ma wasslitx biex tissolva din l-iskumdità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli li l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ dawl fi ‘Triq il-Kbira, Sqaq Numru 4’ diġà kienet ġiet diskussa waqt laqgħa tal-istess Kunsill Lokali. Intant infurmat ukoll li dawn il-fanali twaħħlu matul il-ġimgħa li għaddiet, preċiżament nhar il-Erbgħa 29 ta’ Novembru 2023.

Ċimiterju tal-Annimali – Kwistjonijiet kuntrattwali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12574, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx imposti penali fuq il-kuntrattur minħabba l-kwistjonijiet kuntrattwali, li kienu jinkludu wkoll nuqqas ta’ konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali għaċ-Ċimiterju tal-Annimali? Jekk iva, jista’ jgħid kemm kien l-ammont tal-penali li l-kuntrattur ġie mmultat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew imposti penali fuq il-kuntrattur li jammontaw għas-somma ta’ €27,936.30.

Veraċità ta' dokumenti — Stalel taż-żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12702 u ċjoè: Peress illi biex ikun hemm żvilupp ta’ stalel taż-żwiemel f’żoni barra mill-iżvilupp jeħtieġ dikjarazzjoni uffiċjali tas-sjieda jew reġistrazzjoni taż-żwiemel, u fid-dawl ta’ lakuni li jistgħu jwasslu għall-iżvilupp ta’ diversi stalel irreġistrati fuq żiemel/żwiemel li ma jkunux sidien tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk tkunx mistħarrġa l-veraċità tad-dokumenti preżentati fir-reġistrazzjoni taż-żiemel/żwiemel? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kif tkun iċċekjata l-veraċità tad-dokumenti? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn dawn ma jiġux iċċekjati, meta jistgħu jwasslu għal abbużi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull permess ghall-iżvilupp relatat ma’ stalel taż-żwiemel ikun suġġett għal konsultazzjoni mad-Direttorat għar-Regolamentazzjoni Veterinarja (VRD) fi ħdan il-Ministeru ghall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, li huwa l-Awtorità kompetenti f'dan il-qasam. Il-VRD iżomm reġistru ta' żwiemel u s-sidien tagħhom li jiġi kkonsultat fil-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp. Fil-proċess ta' reġistrazzjoni taż-żwiemel, il-VRD tagħmel il-kontrolli neċessarji tad-dokumenti li jkunu mitluba parti mill-proċess sabiex tkun żgurata il-veraċità tagħhom.

Awtorità tal-Artijiet — Avukati interni - Sejħiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12571 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12158, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħiet kollha li nħarġu sabiex kienu impjegati l-avukati li jaħdmu internament fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet u li għamel referenza għalihom fit-tweġiba tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tal-Ippjanar — EApps - Dokumenti disponibbli għall-pubbliku

Question

Fid-dawl li fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar (EApps) il-pubbliku inġenerali huwa projbit milli jara numru ta’ dokumenti sottomessi minn applikanti, awtoritajiet u partijiet terzi meta ssir applikazzjoni għal permess mal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji li abbażi tagħhom ikun deċiż x’dokumenti jintwerew lill-pubbliku?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li l-kriterji li abbażi tagħhom ikun deċiż x’dokumenti jintwerew lill-pubbliku huma dawk li tippermetti l-liġi.

BCA — Stop Work Notice

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’dettalji tipprovdi l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) lill-iżviluppaturi meta twaqqaf xogħlijiet ta’ kostruzzjoni permezz ta’ Stop Work Notice?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li meta l-Permitting Section tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni toħroġ Stop Work Notice, tipprovdi informazzjoni skont kull każ partikolari, li jistgħu jkunu fost l-oħrajn dwar assigurazzjoni skaduta, verifika aġġornata ta’ method statement, nuqqas ta’ condition reports lil terzi, ħsarat li jkunu qed isiru lil terzi u każijiet oħra. Ninsab infurmat ukoll li meta Stop Work Notice tinħareġ mis-Sezzjoni tal-infurzar minħabba ksur tar-regolamenti, din ikollha dettalji dwar żmien stipulat għal rimedju min-naħa tal-iżviluppatur u l-ammont ta’ penali meta jkun il-każ.

Awtorità tal-Artijiet – Permessi ta’ żvilupp fuq art pubblika jew tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi elenku, bin-numri tal-PA, u deskrizzjoni tal-każijiet fejn kien hemm approvazzjoni ta’ permessi tal-iżvilupp mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq art pubblika jew tal-Gvern li in segwitu l-Awtorità tal-Artijiet ma tatx l-approvazzjoni tagħha għat-talba li saritilha għal encroachment, kera, ċens, jew konċessjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tinġabar l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin u riżorsi sproporzjonati. Għalhekk qed nitlob lill-Onor. sabiex tkun aktar speċifika fit-talba tagħha u tindika l-każijiet partikolari.

Każ pendenti – verifikazzjoni u reġistrazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7650, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi u l-istadju li wasal fih il-proċess inkwistjoni li jinvolvi verifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ proprjetà li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll meta se jkun iffinalizzat il-proċess?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni relatata mal-file msemmi għadha fil-proċess ta’ evalwazzjoni u għaldaqstant ma tistax tingħata data meta din ser tkun finalizzata peress kull applikazzjoni tieħu ż-żmien tagħha sakemm issir ir-riċerka u l-verifikazzjonijiet meħtieġa.

Il-Belt Valletta — Teatru Rjal - Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12716 u jgħid x’kuntratti hemm relatati mal-binja tat-Teatru Rjal, bħal konċessjonijiet, kirjiet ta’ faċilitajiet bħal kafetteriji, ristoranti jew bars, u jqiegħed kopji ta’ kull kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Università Amerikana ta’ Malta (AUM) — liċenzja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13181 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-liċenzji u l-estensjonijiet li ngħataw lill-American University of Malta (AUM) bejn l-2016 u l-2023, li fihom jintwerew il-kundizzjonijiet imposti fuq l-AUM mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Direttorat tar-Regolazzjoni Veterinarja — Naħħala reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm-il naħħal hawn reġistrat mad-Direttorat tar-Regolazzjoni Veterinarja, maqsuma skont il-lokalità?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3724.

Pulizija – każi ta’ stupru

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2022 u s-sena preżenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm kienu rrapurtati każi ta' stupru (rape) fuq nisa? Jista' jgħid kemm minn dawn il-każi tressqu l-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2022 kien hemm erbgħa u erbgħin (44) każ u mill-1 ta’ Jannar 2023 sat-23 ta’ Novembru 2023, kien hemm sitta u erbgħin (46) każ ta’ stupru fuq nisa f’dawn il-gżejjer, li dwarhom kien hemm rapporti jew ir-reat irriżulta waqt investigazzjonijiet mill-Pulizija. Infurmat ukoll li fis-sena 2022 kien hemm sbatax (17) -il persuna li tressqet l-Qorti u mill-ewwel ta’ Jannar 2023 sat- 23 ta’ Novembru 2023 kien hemm sittax (16) -il persuna li tressqet il-Qorti. Infurmat li fis-sena 2023 kien hemm ħames persuni li tressqu fuq l-istess każ.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Arretrati ta' liċenzji ta' operaturi turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574, 1842, 2466, 2817, 3157, 3718 u 4254 u jgħid l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.