Ix-Xgħajra — Impjant tat-trattament tad-drenaġġ - Drenaġġ mhux trattat
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi dettalji dwar kemm-il darba ħareġ drenaġġ mhux trattat fil-baħar mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ fix-Xgħajra minn Jannar tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-perjodu indikat, il-proċedura li jsir bypass tad-drenaġġ għall-baħar mill-impjant imsemmi saret ħdax-il darba u dan minħabba manutenzjoni u/jew tindif ta’ partijiet mill-makinarju u/jew skariku minħabba xi ħsarat. F’kull każ ġiet notifikata l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kif mitlub mill-permess ambjentali maħruġ minnha.
Tista’ l-Ministru tipprovdi informazzjoni dwar liema dipartimenti jirrapportaw lil kull direttur fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u tispeċifika n-numru ta’ persunal fi ħdan kull wieħed minn dawn id-dipartimenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' trasferiment tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda lill-NGO Din l-Art Ħelwa, u li tinsab fi stat dilapidat, b'riskju serju u reali li l-ħsara tkun waħda irreparabbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Bla ħsara għall-fatt li l-proprjetà de quo mhijiex fil-pussess tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, irrid nispjega lill-Onor. Interpellant b’mod ġenerali li l-proċess ta’ għoti ta’ proprjetà tal-Gvern lil xi NGO b’titolu ta’ guardianship deed mhuwiex awtomatiku, fis-sens li mhux kull min jitlob li jieħu l-pussess ta’ proprjetà tal-Gvern jieħu l-pussess b’mod awtomatiku ta’ dik il-proprjetà li jkun qed jitlob u kull talba tiġi evalwata fuq il-merti tagħha.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Promozzjoni ta’ CEOs – spiża
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus minn fondi pubbliċi fuq advertisement packages li jinkludu kontenut diġitali u kwalunkwe promozzjonijiet ta’ kull xorta, li ttellgħu fuq il-pjattaformi soċjali tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bl-iskop li jippromwovu lis-CEOs tal-Malta Communications Authority u tal-INDIS Malta?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16433.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16320, peress li sa issa ħadd ma kkommetta ruħu li jsolvi l-problema ta’ dawn ir-residenti, jista’ l-Ministru jgħid min ser jieħu azzjoni u jsewwi l-asfaltar f’din it-triq sabiex l-art ma tibqax taqleb l-ilma għal ġol-garaxxijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7585.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16322, tista' l-Ministru tgħid jekk inġabritx l-informazzjoni neċessarja mill-entitajiet varji sabiex tkun ippublikata l-policy dwar light pollution li ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika fl-2020 u wara erba' snin għadha ma ġietx ippubblikata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-faċilitajiet kollha tal-WasteServ Malta Ltd, inklużi n-numri tal-permessi rispettivi tagħhom, u d-dati ta’ skadenza ta’ dawn il-permessi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miltuba, ninforma lill-Onor Interpellant li il-faċilitajiet tal-WasteServ huma koperti minn permessi operattivi maħruġin mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
WasteServ Malta Ltd — Faċilitajiet - Multi u ordnijiet
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi għal kull faċilità tal-Wasteserv Malta Ltd, dettalji dwar kwalunkwe multi u ordnijiet maħruġa lill-faċilitajiet, ir-referenza tagħhom, id-dati li fihom inħarġu, ir-raġunijiet, l-ammonti ta’ kwalunkwe multa, jekk dawn il-multi tħallsux, u jekk l-ordnijiet inagħlqux?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-aħħar tliet snin (2021, 2022 u 2023) ma nħarġu l-ebda multi u ordnijiet lill-faċilitajiet tal-Wasteserv. Il-faċilitajiet huma koperti minn permessi operattivi maħruġin mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il avviż ta’ infurzar ħarġet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fl-2023, u tgħid kemm minn dawn il-każi għadhom attivi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-2023, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet 650 multa aministrattiva u solviet numru ta’ każijiet oħra mingħajr il-ħtieġa li tinħareġ Ordni ta’ Waqfien u Konformità, filwaqt li nħarġu ħames avviżi ta’ Waqfien u Konformità li għadhom attivi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il avviż ta’ infurzar ħarġet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fl-2022, u tgħid kemm minn dawn il-każi għadhom attivi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kemm mill-multi amministrattivi maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari qabżu l-€25,000, u f’kull każ tgħid x’kienet ir-referenza tagħhom, fuq min inħarġu, l-ammont tal-multa, in-natura tal-ksur tar-regoli ambjentali li ġġustifikaw tali penali, u jekk dawn il-multi tħallsux?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tkun l-area totali f’metri kwadri mill-wied li ser tittieħed biex issir parti mill-proġett infrastrutturali tat-twessiegħ tat-triq li tagħti minn Marsalforn għar-Rabat Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tar-rikostruzzjoni tat-Triq ta’ Marsalforn mhux ser ikun qed jagħmel l-ebda intervent fuq il-wied, dan għaliex il-parti l-kbira tax-xogħol ħa jsir kollhu fuq it-triq eżistenti u biswit, apparti għall-ftuħ ta’ Triq Ġorġ Pisani. Fil-ftuħ tat-Triq Ġorġ Pisani il-wied xorta mhux ser ikun qed jintmess, għall-kuntrarju dan il-proġett ser ikun qed jinkludi sistemi ta’ immaniġjar tal-ilma aħjar, li ħa jtejbu l-istat eżistenti tal-wied.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16267, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun qiegħed jingħata aktar kumpens lill-Knisja issa li l-ftehim għalaq iż-żmien tiegħu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Gvern u l-Knisja għadhom għaddejjin bid-diskussjonijet.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14957 u 16266, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-‘Initial Investment Plan’ imsemmi fil-ftehim bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-iskola li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (GRIMA, CLIFTON)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16274 u 16552, u jgħid mit-tenders li nħarġu u ġew awarded fis-sena 2017 biex toroq jinbnew mill-ġdid jew jiġi rranġat l-asfaltar u/jew is-servizzi tat-triq, f’kemm minn dawn inqabeż id-deadline stipulat sakemm tlestew u ġew iffinalizzati x-xogħlijiet, u f’kull każ jgħid b’kemm inqabeż?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta’ tenders relatati mat-toroq li nharġu fl-2017.
Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Arretrati ta' Liċenzji ta' operaturi turistiċi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16551, jista’ l-Ministru jikkjarifika jekk l-ammont ta’ arretrati li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 huwiex it-total kumulattiv tal-figuri preżentati fit-tweġiba għall-mistoqsija li saret referenza għaliha?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-figuri kwotati kull sena jirreferu ghal dik is-sena partikolari biss u mhumiex kumulattivi.
Minkejja li f’Ottubru tal-2023 il-persuni li jokkupaw Forti Bengħajsa mingħajr ebda titolu validu fil-liġi ingħataw l-iskadenza tal-perjodu ta’ tletin jum, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn għadu ma sarx l-iżgumbrament?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin proċeduri ġudizzjarji għat-terminazzjoni tal-kirja.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16436, jista’ l-Ministru jgħid jekk Diploma mill-MCAST fil-livell MQF 3, li tinkludi erba’ suġġetti tal-livell MQF 3, inkluż il-Malti u l-Ingliż, iżda mhux relatata speċifikament ma’ suġġetti fl-istudji tal-pulizija, tikkwalifikax individwu għall-pożizzjoni ta’ kuntistabbli tal-pulizija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument imqiegħd fuq il-Mejda tal-Kamra illi huwa ċar, b’mod speċjali għall-klawżola 4.1
fil-pussess ta' pass (fi Grad 5 jew C jew f' livell kumparabbli) f' livell MQF 3 f'erba' (4) suġġetti li jkunu jridu jinkludu l-Malti u l-Lingwa Ingliża;
jew
fil-pussess ta' kwalifika f'livell VET 3 jew Secondary School Certificate and Profiling Qualification f'livell MQF 3 fil-Malti, Ingliż u f'żewġ suġġetti oħra bħala units ta' studju separati fil-kors li jkunu segwew. Applikanti li jkollhom fil-pussess tagħhom MCAST Diploma f' MQF livel 3, jew MCAST-BTEC First Diploma jew MCAST-BTEC Diploma jew Ċertifikat tas-City and Guilds f' Livell 2 jiġu kkunsidrati wkoll sakemm is-suġġett ikun relatat mall-Pulizija.