Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17606 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16431, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt reġjonali attwali?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba.
Irrid inżid li wara li nkiseb parir legali opportun tneħħew xi dettalji jew partijiet li skont it-tekniċi legali ma kienx opportun li jiġu reżi pubbliċi.
Jien madankollu dispost li nagħti aċċess privatament lill-Onor. Interpellanta biex tara d-dokumentazzjoni sħiha mingħajr redazzjonijiet.
Attachments:CT 2139_2022 Gozo RC Signed Contract Agreement-1-84.pdfCT 2134_2022 Northern Tramuntana RC Contract Agreement-1-84.pdfCT 2135_2022 Eastern Lvant RC Contract Agreement-1-86.pdfCT 2136_2022 Western Punent RC Signed Contract Agreement-1-84.pdfCT 2137_2022 Port RC Contract Agreement-1-84.pdfCT 2138_2022 Southern Nofsinhar RC Signed Contract Agreement 1-84.pdf
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17608 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16322, tista' l-Ministru tgħid jekk inġabritx l-informazzjoni neċessarja mill-entitajiet varji sabiex tkun ippublikata l-policy dwar light pollution li ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika fl-2020 u wara erba' snin għadha ma ġietx ippubblikata?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħaditx kampjuni tal-likwidu li ħiereġ mit-toqob li hemm fis-siġar tal-fikus fil-pjazza tal-Mosta? Jekk fl-affermattiv, tista’ tippubblika r-riżultati tat-testijiet li saru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li malli rċeviet rapporti dwar dan il-każ, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) immedjatament bdiet investigazzjonijiet b’assistenza mid-Direttorat tas-Saħħa tal-Pjanti u anke talbet l-intervent tal-Pulizija. L-ERA kkummissjonat teħid ta’ kampjuni mis-siġar indikati f’attentat li tiġi determinata s-sustanza li ntefgħat fihom. Dawn il-kampjuni qegħdin jiġu analizzati f’laboratorju akkreditat barra minn xtutna u r-riżultati tat-testijiet mistennija li jkunu għad-dispożizzjoni tal-ERA fil-jiem li ġejjin.
L-Awtorità appellat lil kull min għandu tagħrif li jista’ tgħin f’din l-investigazzjoni biex
jirrapporta kull informazzjoni rilevanti b’mod anonimu fuq 2292 3500 jew permezz tal-portal onlajn fuq https://cc-eris.eraportal.org.mt/submit-case
Fiż-żmien li ilu fil-kariga, jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu u għandu konsulenti/advisors fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, inkluż is-segretarji parlamentari, min huma, kemm jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom in konnessjoni max-xogħol li tqabbdu jagħmlu?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13983.
Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn se jkun qiegħed jinġieb ir-ramel għall-proġett tat-tkabbir tal-Bajja s-Sabiħa (Pretty Bay) f’Birżebbuġa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-gwida ta’ entitajiet konċernati, bħalissa qegħdin isiru it-testijiet neċessarji biex ikun ikkonfermat il-granulometrija (granulometry) f’siti differenti qabel ikun jista’ jinġieb ir-ramel.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat daħlux ilmenti dwar rampa tal-konkrit viċin Għar il-Friefet, Birżebbuġa, u jekk jirriżulta fl-affermattiv, jgħid x’azzjoni ttieħdet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kif hu maħsub li Għar il-Friefet, Birżebbuġa, jiġi protett u inkorporat fil-management plan għal Għar Dalam National Park, u jgħid x’tip ta’ Buffer/Sensitivity Zone se jkollu dan l-għar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil l-Onor. Interpellant li Għar il-Friefet huwa diġa’ protett u mħares b’buffer zone permezz ta’ l-iskedar li sar mill-Awtorità ta’ l-Ippjanar. Dan is-sit ma jaqgħax taħt ir-responsabilta’ ta’ Heritage Malta u għalhekk ma jaqgħax taħt l-pjanijiet u azzjonijiet li għanda l-Aġenzija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ħarġitx stop notice wara li ġiet irrappurtata s-sejba ta’ għar waqt xogħlijiet biex jinbena ċentru ċiviku fix-Xagħra, Għawdex, u jgħid jekk irriżultax li partijiet mill-għar intradmu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali li s-Sovrintendenza ħarġet ‘suspension notice’ fit-termini ta’ Artiklu 62.1 tal-Att tal-Wirt Kulturali, u talbet sottomissjonijiet mingħand il-perit responsabbli dwar il-każ. Preżentament, is-Sovrintendenza qiegħda tistenna din id-dokumentazzjoni sabiex tevalwa l-każ.
Tista' l-Ministru tgħid jekk ir-responsabbiltà għax-xogħol li sar fi Triq il-Wej, il-Mosta fejn inqalgħet trinka biex jiġu kkomunikati l-mains tal-ilma, u ntradmet bil-konkos imma tħalliet nofs xogħol hijiex tal-kuntrattur jew tal-Water Services Corporation?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma wettqet l-ebda xogħol fil-parti mirduma bil-konkos fi Triq il-Wej.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-ammont totali ta’ siġar protetti li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tat l-approvazzjoni tagħha biex jinqalgħu, mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inklużi dawk li sussegwentement ġew trapjantati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17023, ġaladarba fil-brief li l-Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hemm miktub li dan fil-fatt huwa brief u mhux il-management plan li suppost kellu jsir wara l-management brief, u nikkwota:
“6.1.4 The preparation of the management plan and its funding
The next action being recommended is the drawing up of a Management Plan, guided by the Vision, Objectives and Priority Actions outlined in this Brief. It will determine timelines and propose a business plan for at least 3 years, highlighting the resources required, particularly funding.”,
jista’ l-Ministru jgħid jekk il-management plan ġiex iffinalizzat minn dak iż-żmien ’l hawn, u jekk iva jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-management plan li tħejja għal Għar Dalam National Park?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant u nippreċiża ulterjorment li l-Management Plan Brief li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17023 sar sabiex Heritage Malta tiffoka l-ħidma tagħha fiż-żoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha direttament. F’din il-ħidma Heritage Malta rat li kull azzjoni u interevent li sar jew qed jiġu ppjanati minnha, jkunu konformi u jirrispettaw il-Management Plan Brief. Din il-ħidma u t-tfassil ta’ azzjonijiet saru minn Working Group fi ħdan l-Aġenzija, li t-termini ta’ referenza ta’ dan il-grupp kienu li jippjana u jwettaq dak kollu li jista’ minn dak li kien imfassal fil-Management Plan Brief. Dan dejjem fejn jidħlu siti amministrati mill-Aġenzija u skont il-fondi disponibbli. Mil-lat tekniku Master Plan jew Management Plan għas-sit huwa dovut fil-mument li jiġi formalizzat il-Heritage Park ta’ Għar Dalam.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xelter li nstab fi Triq Callus fil-Mosta hux se jkun aċċessibbli għall-pubbliku, u jgħid liema azzjoni se tittieħed biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-cables li bħalissa għaddejjin mix-xelter, u jekk dawn humiex se jiġu mgħoddija minn post differenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li ż-żewġ xelters fi Triq Callus huma miftuħa taħt monitoraġġ. Qegħdin isiru laqgħat min-naħa tas-Sindku flimkien ma’ Infrastructure Malta u rappre¿entanti tal-entitajiet sabiex jaraw jekk hux teknikament possibbli li f’wieħed mix-xelters eżistenti jiġu rilokati s-servizzi li hemm. Ninsab infurmat wkoll li il-Kunsill qed jitlob li l-bankini jiġu modifikati biex l-entraturi ta' dawn ix-xelters jiġu fuq bankina u mhux fit-triq u b'hekk tali xelters jkunu jistgħu jinfetħu għall-pubbliku.
Fiż-żmien li ilu fil-kariga, jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu u għandu konsulenti/advisors fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, inkluż is-segretarji parlamentari, min huma, kemm jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom in konnessjoni max-xogħol li tqabbdu jagħmlu?
Fiż-żmien li ilu fil-kariga, jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu u għandu konsulenti/advisors fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, inkluż is-segretarji parlamentari, min huma, kemm jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom in konnessjoni max-xogħol li tqabbdu jagħmlu?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16417, tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-kawża għal kull każ ikkonfermat ta’ drenaġġ fil-baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif tindika l-informazzjoni riprodotta hawn taħt fir-rigward tal-każijiet li ġew riferuti lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ħafna drabi inċidenti bħal dawn iseħħu kaġun ta’ rimi ta’ materjal u effluwenti illeċiti li mhux sippost jintefgħu fis-sistema tad-drenaġġ bħalma huma wipes, xaħmijiet, karkass u materjal tal-kostruzzjoni, kif ukoll ilma tax-xita li jiġi dirett b’mod illegali fis-sistema tad-drenaġġ minn fuq il-bjut. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’mod regolari tappella lill-pubbliku biex jagħmel użu tajjeb mis-sistema tad-drenaġġ.
Każ ħdejn Manoel Island – Dan kien riżultat ta’ imblokk fil-mina tad-drenaġġ li seħħ kaġun ta’ effluwenti illeċiti. Min-naħa tagħha l-Korporazzjoni wettqet it-tindif neċessarju sabiex tiżblokka is-sistema.
Każ f’Ta’ Xbiex - Dan kien jitratta fawran tas-sistema tad-drenaġġ li spiċċa fil-baħar. b’riżultat ta’ imblokk li ġie kkaġunat minn ammont ta’ xaħmijiet li ġew mormija fis-sistema tad-drenaġġ minn stabbilimenti fil-madwar. Il-Korporazzjoni ġiet infurmata dwar dan u twettqu l-ispezzjonijiet meħtieġa.
Każ f’Golden Bay - Dan ma kienx jaqa’ fir-responsabbilta’ tal-Korporazzjoni minħabba li f’Golden Bay m’hemmx sistema ta’ drenaġġ u l-fosos li hemm jitbattlu privatament.
Każ fix-Xemxija – Fawran fil-bajja tal-Pwales minħabba ħsara f’sensor li jaqra l-livell fis-sentina tal-pumping station tal-Pwales.
Każ fix-Xgħajra – Fawran temporanju kien ikkaġunat minn imblokk fil-Pumping Station wara li kien hemm influss ta’ materjal illeċitu (żrar fin u ramel) fid-dħul tal-istess Pumping Station.
Każ f’ Wied iż-Żurrieq – Dan ma kienx jaqa’ fir-responsabbilta’ tal-Korporazzjoni minħabba li f’Wied iż-Żurrieq m’hemmx sistema ta’ drenaġġ u l-fosos li hemm jitbattlu privatament.
Każ f’Imġarr ix-Xini (Għawdex) – Fawran kien ikkaġunat minn ammont konsiderevoli ta’ xita li niżlet u li marret fis-sistema tad-drenaġġ minħabba ammont sostanzjali ta’ proprjetajiet li jiddisponu b’mod illegali mill-ilma tax-xita fis-sistema tad-drenaġġ.
Ħal Far — Irwejjaħ fl-impjant tar-riċiklaġġ tat-tonn - Rapport
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16419, peress illi t-tweġiba li rreferiet għaliha l-Ministru ma tweġibx il-mistoqsija li saritilha għaliex titratta biss dwar l-ispezzjonijiet fl-impjant tal-ħut f'Ħal Far li jipproċessa l-fdalijiet tat-tonn filwaqt li l-mistoqsija kienet rigward l-eżitu tal-investigazzjonijiet li saru, tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija u ċjoè; tista' l-Ministru tgħid jekk sarx rapport komprensiv li jinvestiga s-sors u n-natura tal-irwejjaħ assoċjati mal-impjant tar-riċiklaġġ tat-tonn f'Ħal Far? Jekk fl-affermattiv, tista' tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16418. Inżid li mill-ispezzjonijiet li saru fil-faċilità li qed issir referenza għaliha u fil-madwar kien hemm instanzi fejn ebda rwejjaħ ma kienu perċepiti jew inkella kienu minimi ħafna, iżda meta l-ilmenti kienu kkonfermati nħarġu multi amministrattivi jew inġibdet l-attenzjoni u l-operatur kien imġiegħel jieħu miżuri meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar ġimgħat kienx hemm każijiet ta’ ħruġ ta’ gass mill-biċċerija pubblika? Jekk fl-affermattiv, jista’ jindika s-sorsi li kawża tagħhom kien hemm it-tnixxija tal-gass, x’kien il-gass li ħareġ, u jekk il-gassijiet li ħarġu b’xi mod kinux ta’ periklu għan-nies tal-madwar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Biċċerija Pubblika hija impjant industrijali fejn jintużaw diversi gassijiet differenti bħala parti mill-proċessi differenti. Dawn jinkludi gass taż-żejt likwifikat (LPG) għat-tisħin tal-ilma, Dijossidu tal-Karbonju biex il-majjal jitraqqad skont prattiċi internazzjonali ta’ benesseri tal-annimali biex dan ma jbagħtix kif ukoll diversi gassijiet ta’ refriġerazzjoni, b’mod partikolari l-ammonja, għad-diversi chillers u friżi. Bħal f’kull impjant industrijali ieħor, jista' jkun hemm rilaxx ta' kwantitajiet żgħar ta' kwalunkwe gass waqt l-operat, bħala parti mill-manutenzjoni tal-impjant jew minħabba ħsara teknika. Kull tnixxija ta’ gass dejjem kienet lokalizzata, u fl-ebda ċirkostanza ma kien hemm tnixxija mill-Biċċerija fl-inħawi tal-madwar. F’kull ċirkostanza jiġu impjegati miżuri ta’ sigurtà u/jew kontinġenza biex ma jkun hemm l-ebda periklu la għall-impjegati tal-Biċċerija u wisq anqas għall-ġirien.
Awtorità tal-Artijiet – Rapporti imwejjed u siġġijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16687, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-rapporti lill-Awtorità tal-Artijiet fuq imwejjed u siġġijiet fl-2023 saru mill-pubbliku u minn entitajiet pubbliċi rispettivament?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet tagħmel spezzjonijiet fuq kull rapport li jasal għandha, jasal minn fejn jasal.
Fid-dawl li l-Awtorità tad-Djar ma għandhiex applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni alternattiva mill-persuni li preżentament qed jokkupaw il-Forti Binġemma, u peress li l-proċessi ta’ żgumbrament ilhom pendenti għal perjodu estiż, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet beħsiebha tieħu l-Awtorità tal-Artijiet fir-rigward tal-persuni li illegalment qegħdin jokkupaw il-Forti ta’ Binġemma?