Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex il-pillbox li tinsab fiż-żona ta' Tarġa Gap fil-Mosta tkun restawrata peress illi hija miksija graffiti u hemm ħsarat viżibbli fl-istruttura?
Response (BONNICI, OWEN)
Filwaqt li mhux il-kompitu tas-Sovrintendenza li tirrestawra proprjetajiet, l-entità ser tkun qed tispezzjona s-sit sabiex tikkonferma x’miżuri jistgħu jittieħdu, u ser tkun qed tikkomunika ma’ entitatjiet u awtoritajiet oħrajn sabiex isiru ix-xogħolijiet neċessarji. Ta’ min jirrimarka li din il-pillbox hija waħda minn ħafna eżisenti fil-gżejjer Maltin.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14957, 16266 u 17239 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-‘Initial Investment Plan’ imsemmi fil-ftehim bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-iskola li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Awtorità tal-Artijiet — Spezzjonijiet dwar encroachments
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17710, peress illi l-mistoqsija li saritlu kienet biex jagħti dettalji dwar in-numru ta’ spezzjonijiet li saru mill-Awtorità tal-Artijiet dwar encroachments ta’ mwejjed u siġġijiet, u fit-tweġiba għamel referenza għal tweġiba li ma tagħti ebda dettalji li ġentilment intalab jippubblika, u peress illi skont il-Ministru l-Awtorità tagħmel spezzjonijiet regolarment, jista’ allura l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Artijiet dwar encroachments ta’ mwejjed u siġġijiet fis-sena 2023, indikati xahar b’xahar u skont il-lokalità?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li kif kien intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16687 isiru spezzjonijiet wara rapporti li jsiru mill-pubbliku filwaqt li jsiru wkoll spezzjonijiet skont kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16435.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn jinżammu l-vetturi li jiġu towed f’Malta u Għawdex, kemm dawn l-ispazji huma kbar bħala area, u jekk l-ispazji humiex mimlija u allura ma hemmx fejn jinżammu aktar vetturi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat, illi minn naħa tal-Korp tal-Pulizija, fil-każ ta’ Malta l-ispazju fil-kumpless tal-pulizija ġewwa ta’ Kandja li huwa ta’ madwar disa’ t’elef u mitt metru kwadru, qed jintuża għall-vetturi li huma esibiti tal-Qrati, dawk suġġetti għal inkjesti, oħrajn li jkunu miżmuma għal investigazzjonijiet u bħalissa l-ispazju huwa limitat u jiġi determinat skont id-dħul u ħruġ tal-vetturi fil-post. Il-vetturi li jkunu rmunkati minħabba żgumbrar, mitluqa riżultat ta’ kundizzjoni ħażina jew abbandunati, jiġu mpoġġija fi spazju privat provdut minn kuntrattur ġewwa tal-Ħandaq. Infurmat li fil-każ ta’ Għawdex, irmunkar ta’ vetturi li jkunu ta’ ngombru u dawk mitluqa u/jew abbandunati, jiġu rmonkati minn kuntrattur u mpoġġija fi spazju privat provdut mill-istess kuntrattur, sakemm jitteħdu mis-sidien jew jiġu distrutti skont il proċeduri eżistenti. Infurmat li fil-każ tal-aġenzija LESA, jirmunkaw vetturi li jkunu ta’ ngombru għall-permessi maħruġa mill-Kunsill Lokali, u ma joperawx fil-qasam ta’ rmonk ta’ vetturi li jkunu mitluqa u/jew abbandunati. Infurmat li l-vetturi rmunkati kważi kollha jinġabru lura mis-sidien minnufih. Ninsab infurmat illi skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 65.13 Regolamenti dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta' Vetturi bil-mutur u Oġġetti ta' Ingombru, hemm awtoritajiet, entitajiet oħrajn u Kunsilli Lokali li għandhom din ir-responsabbiltà.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar xhur daħlux ilmenti dwar rampa tal-konkrit viċin Għar il-Friefet, Birżebbuġa, u jekk jirriżulta fl-affermattiv, jgħid x’azzjoni ttieħdet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita tal-Ippjanar ma rċevietx ilmenti fuq dan l-iżvilupp.
Jista’ l-Ministru jgħid kif hu maħsub li Għar il-Friefet, Birżebbuġa, jiġi protett u inkorporat fil-management plan għal Għar Dalam National Park, u jgħid x’tip ta’ Buffer/Sensitivity Zone se jkollu dan l-għar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonferma li s-sit diġà huwa protett bl-iskedar. Għar Dalam National Park management plan mhux responsabbilita’ tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri hemm fis-seħħ bħalissa biex il-plastik u skart ieħor mill-konfini tal-kumpless tal-WasteServ fil-Maghtab ma jinxteridx fl-għelieqi fil-qrib, mal-kosta u fil-baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-WasteServ timplimenta diversi miżuri biex tnaqqas it-tixrid ta’ materjal waqt irjiħ kbar. Madankollu l-iktar element importanti f’din il-ħaġa hija s-separazzjoni tal-iskart b’mod korett sabiex ikompli jitnaqqas l-ammont ta’ plastik li jispiċċa fil-miżbla. Il-miżuri jinkludu tindif kontinwu tal-kumpless, li l-miżbla tinżamm mgħottija b’saff ta’ ġebel gradat apparti ċ-ċellolla li tkun qed tintuża, użu ta’ xbieki tal-ħadid biex jilqgħu materjal li jkun qed itir, kif ukoll it-twaqqif tal-operat waqt kundizzjonijiet estremi.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17700 u tgħid x’inhu l-ammont totali ta’ siġar protetti li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tat l-approvazzjoni tagħha biex jinqalgħu, mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inklużi dawk li sussegwentement ġew trapjantati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tħaddem prassi stretta u metikoluża meta tintalab tagħti l-approvazzjoni tagħha fuq tali interventi, bil-prijorità assoluta li kull fejn possibbli ma tintmiss ebda siġra protetta. Id-direzzjoni ċara hija li jiżdiedu s-siġar madwar il-pajjiż kollu, mhux li jitneħħew mingħajr raġuni.
Hemm sitwazzjonijiet fejn l-ERA tintalab tagħti l-approvazzjoni fuq siġar li ma jkunux jistgħu jiġu kollha inkorporati fi proġett, fuq siġar li jkunu qed jagħmlu ħsara fi proprjetà ta’ terzi u joħolqu periklu għan-nies, u fuq siġar li jkunu mimsusa minn mard.
F’dawn il-każijiet, l-ERA trid tiċċertifika li l-ġustifikazzjoni hija valida, permezz tal-arboristi kwalifikati li jistudjaw is-sitwazzjoni. Meta dan il-proċess jirriżulta f’approvazzjoni, l-ERA tinsisti fuq numru minimu ta’ siġar milquta.
L-ERA tagħmel ukoll l-almu tagħha biex is-siġar li jintmissu jkunu salvati u għalhekk tesiġi li dawn jerġgħu jitħawlu malli jkun possibbli. Fejn ma jkunx fattibbli li jinżammu fl-istess post jew fil-viċinanzi, is-siġar jiġu trapjantati x’imkien ieħor. Fil-fatt, fl-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tat l-approvazzjoni biex jiġu trapjantati 3,371 siġra protetta.
Iżda n-natura ta’ ċerti speċi ta’ siġar, iż-żmien li jkollhom jew saħansitra l-post fejn ikunu mħawlin ġieli jagħmluha diffiċli ħafna biex isalvaw la darba jintmissu minn fejn ikunu. F’każijiet bħal dawn, fejn ma jkunx jista’ jsir mod ieħor, l-ERA tobbliga biex bħala kumpens jitħawlu għadd ta’ siġar għal kull waħda li titneħħa, kif stipulat fil-liġijiet ambjentali.
Fil-fatt, fis-seba’ snin li għaddew, bħala kumpens għal 3,714-il siġra ta’ dan it-tip, l-Awtorità talbet li flokhom jitħawlu total ta’ 18,404 siġra protetta. Dan ifisser li bħala medja, għal kull siġra li ntilfet, l-ERA imponiet li jitħawlu 5 siġriet protetti ġodda.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li m’għadhiex l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli għaddej bil-pjanijiet ippreżentati f’Awwissu tal-2022 dwar il-propost ċentru terapewtiku għal minuri bi problemi ta’ mġiba fl-Imtarfa u m’għadux iqis is-sit fl-Imtarfa bħala l-iżjed wieħed ideali fost id-diversi siti li kienu kkonsidrati? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern hux qiegħed jikkonsidra siti oħrajn u jekk iva, jista’ jgħid liema postijiet oħrajn qiegħed jikkonsidra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta, sabiex tirreferi għat tweġiba li ngħatat lill-mistoqsija parlamentari 18203 .
Tista’ l-Ministru tgħid jekk itteħdux miżuri biex tiġi protetta ż-żona fuq ir-ramel tal-bajja tal-Armier fejn ftit tal-ġimgħat ilu tgħaffġet speċi protetta ta’ fjura waqt li saru xi xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħadmet flimkien m’Ambjent Malta biex ġew installati numru t’arbli, ħbula u tabelli biex tiġi iżolata żona fejn hemm speċi importanti u/jew protetti fil-bajja tal-Armier.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) daħlulhiex rapporti ta’ drenaġġ li ħareġ fil-baħar fiż-żona magħrufa bħala l-Qammieħ, il-Mellieħa? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid x’kienet il-kawża għal dan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li din is-sena, filwaqt li ma daħlulhiex rapporti mill-pubbliku ta’ drenaġġ li ħareġ fil-baħar fiż-żona magħrufa bħala l-Qammieħ, il-Mellieħa. l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irċeviet notifika waħda mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar drenaġġ li ħareġ fiż-żona msemmija mill-Impjant għat-trattament tad-drenaġġ taċ-Ċumnija minħabba ħsara teknika fl-istess impjant.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programm tax-xogħlijiet għat-tiswija tas-soqfa fil-kumpless ta' garaxxijiet ta' Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lil Onor. Interpellant li diskussjonijiet bejn l-Awtorità tad-Djar u Infrastructure Malta biex jiġi ffirmat il-ftehim ta koordinament sabiex isiru t-tiswijiet neċessarji tas-soqfa fil-kumpless ta' garaxxijiet ta' Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa għadhom mhux iffinalizzati. Mal-ftehim iffirmat ser joħroġ il-programm tax-xogħlijiet.
Wirt storiku taħt l-art — Xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jara illi waqt xogħlijiet infrastrutturali, f'toroq fejn hemm dokumentazzjoni u kif ukoll indikazzjoni ta’ kull tip ta' wirt storiku taħt l-art, ix-xogħol jiġi ppjanat biex tiġi evitata ħsara kaġun ta' tħaffir ta’ trinek jew mgħoddija ta' servizzi, u kif ukoll jingħata aċċess permezz ta' kaptelli li jiġu mmarkati b'tabelli li jindikaw it-tip ta' wirt storiku li hemm taħt l-art, biex f'każijiet ta' xogħlijiet ta' emerġenza jkun hemm avviż ta' x'hemm f'dik it-triq u ma ssirx ħsara minn entitajiet oħra jew terzi persuni lil dawn is-siti storiċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha sistema ta’ GIS li tindika l-iskoperti magħrufa fil-post eżatt tagħhom. Barra minn hekk il-mapserver tal-Awtorità tal-Ippjanar ukoll jindika is-siti skedati, inkluż ukoll Buffer Zones. Għaldaqstant mhux meħtieġ li kull skoperta tkun indikata b’xi tip ta’ sinjal, u f’dan ir-rigward is-sinjalar ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tas-Sovrintendenza. Abbażi tal-iskoperta (li tista’ tvarja minn tixrid ta’ fuħħar, strutturi mibnija jew tqattigħ fil-blat), is-Sovrintendenza tiddeċiedi jekk aċċess jistax jiġi pprovdut.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17613 u ċjoè: Fid-dawl li l-Awtorità tad-Djar ma għandhiex applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni alternattiva mill-persuni li preżentament qed jokkupaw il-Forti Binġemma, u peress li l-proċessi ta’ żgumbrament ilhom pendenti għal perjodu estiż, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet beħsiebha tieħu l-Awtorità tal-Artijiet fir-rigward tal-persuni li illegalment qegħdin jokkupaw il-Forti ta’ Binġemma?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12263. L-Awtorità tal-Artijiet filwaqt li ser tkompli tipproċedi, trid tqis kull aspett soċjali.
Forti Bengħajsa — Proċeduri għat-terminazzjoni tal-kirja
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17233, jista’ l-Ministru jagħti iktar dettalji dwar il-proċeduri għat-terminazzjoni tal-kirja li qiegħed jirreferi għalihom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċeduri li għaddejjin huma skont il-Kapitlu 573 li jirregola l-artijiet pubbliċi.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17600 u tgħid kemm-il avviż ta’ infurzar ħarġet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fl-2022, u tgħid kemm minn dawn il-każi għadhom attivi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-2022, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet 140 multa aministrattiva u solviet numru ta’ każijiet oħrajn mingħajr il-ħtieġa li tinħareġ Ordni ta’ Waqfien u Konformità, filwaqt li nħarġu tnax-il avviż ta’ Waqfien u Konformità. Minn dawn hemm tlieta li ngħalqu wara li tneħħiet l-illegalità u tħallset il-multa ta’ kuljum fejn applikabbli, sitta għadhom attivi u tnejn minnhom huma suġġetti għall-appell. Fi tliet każijiet l-illegalità suġġetta għall-Ordni ta’ Waqfien u Konformità tneħħiet minkejja li l-file għadu mhux proċeduralment magħluq.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17601 u tagħti informazzjoni dwar kemm mill-multi amministrattivi maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari qabżu l-€25,000, u f’kull każ tgħid x’kienet ir-referenza tagħhom, fuq min inħarġu, l-ammont tal-multa, in-natura tal-ksur tar-regoli ambjentali li ġġustifikaw tali penali, u jekk dawn il-multi tħallsux?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) twaqqfet fl-2016 u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba tista’ tingħata minn dak inhar ‘il quddiem. Mill-2016 sal-lum, mill-multi amministrattivi kollha li nħargu, tmienja (8) kienu ta’ €25,000 jew aktar. Minn dawn, tħallsu sitta (6), hemm waħda (1) li hija suġġetta għal appell quddiem l-Environment and Planning Review Tribunal u oħra li għadha ma tħallsitx. Qiegħda npoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li fiha l-kumplament tal-informazzjoni.