B’referenza għall-ewwel kuntratt (2019) relatat mal-Framework Agreement for the provision of Monitoring and Enforcement Services for the Environment and Resources Authority, tista’ l-Ministru tispeċifika kemm ġew ingaġġati persuni permezz ta’ dan il-kuntratt, in-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li ntużaw u sar ħlas għalihom, u s-servizzi speċifiċi ta’ monitoraġġ u infurzar li ngħataw?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li t-tender li qiegħda tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta kien ġie kanċellat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Il-Mosta — Triq il-Waqqafa - Permessi biex jinfetaħ ħajt diviżorju
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19169, jista' l-Minsitru jgħid x’permessi relatati kien hemm biex jinfetaħ il-ħajt diviżorju fi Triq il-Waqqafa, il-Mosta, li jagħti għall-istabbiliment kummerċjali li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jidher li l-fetħa li saret fis-sit inkwistjoni, hemm triq li ġiet skemata skont il-mappa tal-Pjan Lokali 2006 MOM2, hekk kif approvata mill-Parlament f’Lulju tal-2006. Il-ftuħ tat-toroq ma huwiex regolat mill-Kap 552 u għalhekk m’huwiex kompitu tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
Tista' l-Ministru telenka lista tal-proġetti kollha ta' Project Green biex siti jiġu riġenerati fi spazji ħodor, li bdew u tlestew, dawk li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet li għadhom pendenti, kif ukoll dawk li għadhom fi stadju ta' ppjanar u/jew konsultazzjoni? Tista’ tinkludi wkoll informazzjoni meta dawn bdew, meta tlestew (jekk tlestew), f'każ li għadhom pendenti meta huwa mistenni li jitlestew, kemm swew jew se jiswew, il-lokalità u post fejn jinsabu, u deskrizzjoni qasira dwar kull proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm, matul dawn l-aħħar ħames snin, ġew importati speċi ta’ għasafar, rettili u annimali oħra li huma mħarsa mill-Convention of International Trade of Wild Fauna and Flora (CITES) u għalhekk kellhom bżonn ċertifikati tas-CITES, minn liema pajjiżi ġew importati, ta’ liema speċi kienu dawn, u kemm kien hemm eżemplari minn kull speċi importata?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni biex jiġu arkivjati t-tenders antiki? Jistà jgħid għal liema raġuni ttieħdet din id-deċiżjoni, u għal liema perjodi ta' żmien tapplika tali deċiżjoni?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed jiġi mifhum li s-suġġett huwa sejħiet antiki li ġew ippubblikati fuq is-sistema elettronika tal-akkwist pubbliku (l-ePPS – electronic Public Procurement System), li wara ammont ta’ żmien jiġu mmarkati fuq is-sistema bħala “arkivjati”.
Is-sejħiet ippubblikati fuq is-sistema kienu jiġu arkivjati minn mindu ġiet varata din l-istess sistema. Minħabba spazju fuq is-sistema, ġie stabbilit f’Ġunju tal-2014 li dan il-perjodu għandu jkun ta’ sitt xhur wara li s-sejħa tkun ingħatat (l-istatus fuq is-sistema jiġi jaqra “awarded”).
L-informazzjoni pubblika relevanti għal dik is-sejħa kollha tibqa’ tidher, minbarra id-dokumenti li jkunu ġew ippubblikati fil-bidu u tul is-sejħa. Ir-raġuni għal din id-deċizjoni kienet ttieħdet minħabba raġuni ta’ effetività biex iżżomm dokumenti ta’ din il-portata.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-marki ħomor li jinsabu ma’ diversi siġar fil-Masġar tal-Ġublew, fil-Furjana sarux għal raġuni jew inkella humiex ikkunsidrati bħala att vandalu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata illi minn spezzjoni mwettqa mill-uffiċjali tal-infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) nhar it-22 ta’ Mejju 2024 fil-Masġar tal-Ġublew fil-Furjana, ġie determinat li l-marki ħomor li hemm fuq diversi siġar saru fi snin preċedenti u r-raġuni warajhom mhix magħrufa.
Ix-Xgħajra — Impjant tat-trattament tad-drenaġġ - Drenaġġ mhux trattat
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi dettalji dwar kemm-il darba ħareġ drenaġġ mhux trattat fil-baħar mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ fix-Xgħajra matul is-sena preżenti (2024) u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li apparti okkażjoni fejn saret il-proċedura ta’ manutenzjoni ippjanata li hija meħtieġa li ssir kultant żmien fuq l-impjanti tad-drenaġġ (liema intervent ġie notifikat bil-quddiem lill-ERA kif irregolat fil-permess ambjentali maħruġ mill-istess aġenzija), kien hemm żewġ inċidenti li ġraw. Każ minnhom kien kaġun ta’ rimi ta’ effluwenti illeċiti li mhux suppost jintefgħu fis-sistema tad-drenaġġ u ieħor minħabba ħsara teknika. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’mod regolari tappella lill-pubbliku biex jagħmel użu tajjeb mis-sistema tad-drenaġġ.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-multi amministrattivi kollha (non-litter) maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) lill-entitajiet tal-Gvern u Kunsilli Lokali mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u f’kull każ tgħid x’kienet ir-referenza tagħhom, fuq min inħarġu, l-ammont tal-multa, in-natura tal-ksur tar-regoli ambjentali li ġġustifikaw tali penali, u jekk dawn il-multi tħallsux?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, b’żieda mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17796, qed inpoġġi tabella bl-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jispeċifika kif isir monitoraġġ taż-żoni tal-għawm madwar Malta u Għawdex mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, u jagħti informazzjoni dwar in-numru totali ta’ testijiet li saru mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm minn dawn it-testijiet indikaw tniġġis mid-drenaġġ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi bħala parti mill-monitoraġġ taż-żoni tal-għawm jittieħdu il-kampjuni għall-kwalità tal-ilma baħar minn 87 sit uffiċjali għall-għawm minn madwar Malta, Għawdex u Kemmuna matul l-istaġun uffiċċjali tal-għawm li jibda mit-tielet gimgħa ta’ Mejju sat-tielet ġimgħa t’Ottubru, kif inhu rikjest mir-Regolamenti Dwar il-Maniġġar tal-Kwalita` Tal-Ilma Tajjeb Għall-Għawm - Avviż Legali Nru. 125 tal-2008.
Jinġabru wkoll kampjuni mis-siti kollha ġimgħatejn qabel ma’ jibda l-istaġun uffiċċjali tal-għawm (pre-season)
L-informazzjoni dwar il-kampjuni miġbura mis-sena 2016 s’issa u li fuqhom ikunu saru t-testijiet neċessarji qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport dwar ilmenti ta’ drenaġġ f’żoni tal-għawm irċieva d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali mill-pubbliku u minn entitajiet pubbliċi mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont iż-żona u kemm minn dawn indikaw tniġġis mid-drenaġġ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-konċessjoni għas-sit li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, li kien iffirmat bejn l-Awtorità tal-Artijiet u s-sid jew sidien tal-istess stabbiliment?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Il-kuntratt li sar b’konċessjoni marbuta mas-sit li fiħ hemm l-istabbiliment li għaliħ issir referenza huwa l-kuntratt fl-Atti tan-Nutara Tania Spiteri li jġib id-data tas-26 ta’ Ġunju 2012 u li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jispeċifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta jinstab wirt storiku u kulturali, fosthom shelters u sejbiet arkeoloġiċi taħt l-art, waqt xogħlijiet li jkunu qegħdin isiru minn kuntratturi jew Infrastructure Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-proċedura li għandha tiġi segwita meta jinstab wirt storiku/kulturali hija speċifikata f’Artiklu 61(1) tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (2002, emendat fi 2019) – liema Artiklu jgħid li “kull persuna li aċċidentalment, jew mod ieħor, permezz ta’ kwalunkwe mezzi tiskopri xi oġġett, sit jew bini jew karatteristika partikolari f’binja jew proprjetà jew xi proprjetà kulturali oħra, kemm fuq l-art jew fil-baħar, li għalihom japplika dan l-Att, għandha tinforma minnufih lis-Sovrintendenza, iżżomm il-proprjetà kulturali misjuba in situ u m’għandhiex għal perjodu ta’ sitt ijiem tax-xogħol, ili jista’ fuq bażi raġonevoli jiġi estiż għal perjodu ieħor ta’ sitt ijiem tax-xogħol, wara li tinforma lis-Sovrintendenza, tipproċedi b’xogħol fuq is-sit fejn l-oġġett ta’ proprjetà kulturali ġie skopert”.
Jista’ l-Ministru jgħid ma’ liema entitajiet u awtoritajiet Infrastructure Malta tagħmel konsultazzjonijiet rigward wirt storiku u kulturali bħal shelters jew sejbiet arkeoloġiċi taħt l-art li possibilment jistgħu jinstabu fiż-żona fejn Infrastructure Malta tkun se tagħmel xi xogħlijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta tikkordina ma’ entitajiet diversi u tuża mezzi disponibli għaliha sabiex tevalwa s-sit li jkun se jsir fih xogħlijiet. L-entita’ ewlenija hija Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li tigwida lill-Aġenzija għal proċessi u metodi neċessarji in kwantu jidħol wirt storiku.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18592 rigward il-proċeduri ġudizzjarji pendenti dwar is-sit tal-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jagħti l-okkju, in-numru tar-rikors, u jgħid quddiem liema Qorti għaddejjin il-proċeduri msemmija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14957, 16266, 17239 u 19008 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-‘Initial Investment Plan’ imsemmi fil-ftehim bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-iskola li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
(
Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 19162 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 254 ta' nhar l-Erbgħa, 3 ta' Lulju 2024)
Il-Mosta — Triq il-Waqqafa - Permessi biex jinfetaħ ħajt diviżorju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’permessi relatati kien hemm biex jinfetaħ il-ħajt diviżorju fi Triq il-Waqqafa, il-Mosta, li jagħti għall-istabbiliment kummerċjali li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika fejn jinsab dan il-ħajt fi Triq il-Waqqafa, il-Mosta, li għalih qed issir referenza.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Talbiet għall-kustodja ta’ proprjetajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandha pendenti quddiema s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għall-kustodja ta’ proprjetajiet u jelenka lista bl-isem ta’ kull proprjetà? Għal kull proprjetà li għaliha saret talba għall-kustodja, jista’ l-Ministru jgħid ukoll meta saret kull talba lill-awtoritajiet kompetenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Mill-informazzjoni mogħtija lili jirriżulta li s-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali għandha 7 talbiet pendenti, liema talbiet ġew riferuti lil Awtorità tal-Artijiet. Hawn taħt hawn elenkat il-lista ta’ dawn il-proprjetajiet:
Isem ta’ Proprjetà
Lokalita
Data tat-talba
Data ta’ meta t-talba giet referuta lil Awtorità tal-Artijiet
Noti
Kapella ta’ San Mikiel is-Sancir
Rabat, Malta
April 2019
31/07/2020
Wasal biex jiġi ffirmat
Qbajjar Battery / Qolla l-Bajda
Zebbug, Ghawdex
11/07/2020
18/05/2021
Wied Musa Battery / Palazz l-Ahmar
Mellieha
13/05/2021
03/09/2021
Razzett tax-Xitan
Mellieha
13/05/2021
03/09/2021
Lascaris War Complex and Saluting Battery
Valletta
11/09/2018
19/10/2022
Tinkludi tiġdid
Couvre Port Barrack and WWII shelter
Birgu
19/05/2021
N/A
Tiġdid ta’ Att ta’ Kurazija
Mithna l-Qadima (Mithna ta’ Gesu Nazzarenu)
Mosta
30//01/2020
31/07/2020
Fondi — Skema għal tħawwil ta’ siġar taż-żebbuġ u larinġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsilli Lokali li jkunu eleġibbli għall-fondi mill-iskema varata biex Kunsilli Lokali jħawlu siġar tal-larinġ u taż-żebbuġ fil-lokalitajiet, humiex se jibbenefikaw minn fondi ulterjuri għall-manutenzjoni tal-istess siġar?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-unleaded petrol li jkun importat f’pajjiżna huwiex soġġett għal sorveljanza, speċifikament jekk isirx testjar fuq il-kompożizzjoni tiegħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li r-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma jsegwi programm ta’ monitoraġġ fuq l-unleaded petrol kif stabbilit mir-Regolamenti Dwar il-Kwalità tal-Karburanti.