Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħ’Attard — Ġonna ta' San Anton - Pjanijiet ta’ Project Green

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet ta’ Project Green għall-Ġonna ta' San Anton, f’Ħ’Attard?

Response (DALLI, MIRIAM)

Project Green għamlet valutazzjoni bir-reqqa biex jiġu determinati l-interventi meħtieġa biex jiġu kkonservati l-Ġonna ta’ San Anton. Il-ġonna, l-istrutturi, il-ħitan, l-arkitettura, u l-mogħdijiet huma fil-bżonn ta’ manutenzjoni, restawr u konservazzjoni. Barra minn hekk, se jkun hemm tibdil tal-istrutturi tal-gaġeġ tal-għasafar u tal-konservatorju filwaqt li jinżamm l-użu oriġinali tagħhom. L-għan huwa li tiġi konservata l-arkitettura eżistenti, tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-ġnien, u tiġi żgurata esperjenza sabiħa u sigura għall-użu tal-pubbliku. Ix-xogħlijiet se jiġu esegwiti f’fażijiet, fejn l-aċċess pubbliku se jinżamm miftuħ f’żoni li mhumiex se jiġu restawrati u jiġi ristrett l-aċċess fejn ix-xogħol ikun għadu għaddej. Kull fażi se tirrestawra sezzjoni tal-ġnien, li terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku kif titlesta. Filwaqt li diġà nħareġ il-permess għall-konservazzjoni tal-mogħdijiet, l-arkitettura u l-ħitan, għadu għaddej il-proċess għall-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar fejn jirrigwarda l-gaġeġ u l-konservatorju.

Miżuri — Fawran tad-drenaġġ fil-bajjiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’miżuri qed jittieħdu biex ma jibqax ikun hemm fawran tad-drenaġġ fil-bajjiet madwar Malta u Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma kienx hemm fawran f’bajjiet li kien ikkawżat min-network tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. L-unika każ li kien relatat seħħ fil-bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa u kien ikkawżat minn xugaman li wassal għal imblokk ġo mejn li sussegwentament ikkawża overflow. Il-Korporazzjoni għamlet rapport lill-Pulizija għal iktar investigazzjoni fuq dan il-każ. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tassigura li ssir manutenzjoni regolari tas-sistemi tagħha kif ukoll tara li d-drains jinżammu nodfa.

Barrieri – Monitoraġġ tal-Emissjonijiet tat-trab

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-livelli tal-emissjonijiet tat-trab mill-barrieri jkunux immonitorjati? Jekk iva, tista’ tagħti dettalji tekniċi dwar il-proċedura ta’ monitoraġġ, bħal pereżempju d-distanzi tal-air samplers jew monitors mill-barriera, in-numru ta’ receptors, u jekk il-livelli ta' emissjonijiet humiex skont il-parametri stabbiliti fid-direttivi relevanti tal-Unjoni Ewropea? Tista’ tgħid ukoll jekk il-figuri miksuba mill-monitoraġġ jintbagħtux lill-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-netwerk ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja immaniġġjat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mhux immirat biex jistudja sorsi speċifiċi bħal barrieri. Huwa iżjed immirat biex ikejjel il-kwalità tal-arja tal-madwar hekk kif speċifikat fid-Direttiva rilevanti tal-Unjoni Ewropea u l-liġi nazzjonali. Għalhekk ma jsirx monitoraġġ tat-trabijiet mill-barrieri speċifikament. Għadd ta’ barrieri eżistenti huma koperti b’liċenzji jew permessi li kienu diġà fis-seħħ qabel ma daħlet fis-seħħ is-sistema tal-permessi ambjentali. Meta l-ERA tkun qed tipproċessa applikazzjonijiet għal operat fil-barrieri li jinvolvi r-riċiklaġġ ta’ materjal inert, jintalab pjan b’miżuri biex jittaffew it-trabijiet. Dan biex ikun hemm kontrolli xierqa għal kull barriera individwali. Dan it-tip ta’ dokument ma jintalabx jekk l-operat ikun limitat biss għal tqattigħ jew skavar ta’ blat u/jew irdim ta’ darba biex timtela l-barriera, imma xorta jiddaħħlu kundizzjonijiet li jobbligaw lill-operatur li jaħdem b’mod li jrażżan it-tqanqil ta’ trab (per eżempju billi jixxarrbu r-roti tal-vetturi li jkunu ħerġin mill-barriera). Il-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali jagħtu wkoll lill-Awtorità s-setgħa li tesiġi t-twaqqif tal-operat f’każ ta’ riħ qawwi jew sakemm l-operatur iħaddem miżuri adegwati f’każ li l-operat ikun qed jiġġenera wisq trab. L-ERA tagħmel spezzjonijiet regolari f’dawn il-barrieri biex tiżigura li l-pjan approvat qed jitwettaq, u tieħu l-passi meħtieġa f’każ li jinstab li jkun hemm xi nuqqasijiet biex dawn jiġu indirizzati.

Barrieri – Impatt fuq il-kwalità tal-arja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif jiġi kwantifikat l-impatt li jkollhom l-attivitajiet tal-barrieri fuq il-kwalità tal-arja u jekk isirx baseline study, bħala investigazzjoni jew assessjar inizjali, biex ikun dokumentat il-livelli tat-trab u l-emissjonijiet fl-ambjent qabel tibda l-attività tal-barrieri?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21090.

Charging Points mhux użati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir miċ-charging points li kienu jintużaw mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li waqqfet l-operat tagħha? Għalfejn wara dan iż-żmien kollu l-Gvern għadu ma akkwistax dawn iċ-charging points biex jibqgħu jintużaw għall-karozzi elettriċi, jew inkella, jekk dan ma jkunx possibbli, ineħħihom u jirranġa l-bankini?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta qiegħda f’diskussjonijiet mal-entitajiet kompetenti sabiex jiġi deċiż x’ser isir minn dawn ic-charging points.

Fish farms

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi lista dettaljata tal-permessi kollha maħruġa għal kull fish farm fl-ibħra Maltin, u tinkludi d-dati ta’ skadenza ta’ dawn il-permessi? Tista' tgħid jekk humiex qed jinkisru xi kundizzjonijiet imposti fuq fish farms li jinsabu viċin ix-xatt?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-2017, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet 29 multa amministrattiva u ordni ta’ waqfien fil-konfront tal-operaturi tal-fish farms skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn l-azzjonijiet ta’ infurzar ittieħdu wara li, minn spezzjonijiet kontinwi mwettqa mill-Awtorità, instabu nuqqasijiet ta' konformità u/jew ksur tal-permessi ambjentali mill-istess operaturi. Minbarra l-azzjonijiet ta’ infurzar, l-Awtorità timplementa miżuri proattivi permezz ta’ komunikazzjoni kontinwa mal-operaturi individwali tal-fish farms kif ukoll mal-Federazzjoni tagħhom biex tiżgura li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet, miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa kif ukoll rimedji immedjati biex jonqos l-inkonvenjent ambjentali u l-istanzi li jwasslu għal nuqqas ta’ konformità ma jirrepetux ruħhom. Dwar il-kumplament tal-informazzjoni mtiluba ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex din tinġabar.

Database tal-entitajiet governattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8393 u fid-dawl li waqt il-Public Service Expo24 kien imħabbar il-proġett ‘Person Register’, jista’ l-Prim Ministru jgħid kif dan se jkun possibbli u kif ir-reġistru se jkun qiegħed jinżamm aġġornat bid-dettalji ta’ kull individwu ġaladarba sa ftit żmien ilu dan ma setax isir minħabba kunsiderazzjonijiet varji, bħal obbligi li joħorġu mil-liġijiet għall-protezzjoni tad-data?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li r-Reġistru tal-Persuni, li hu stabbilit taħt l-avviż legali A.L.439 tal-2021 (Regolamenti tal-2021 dwar Registru ta’ Persuni u Tqassim ta’ Data Personali fi ħdan is-Settur Pubbliku), u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2024, se jkun qed jieħu post is-sistema tal-Common Database (CDB) li bħalissa qed isservi bħala l-pjattaforma ċentrali tat-tqassim tal-informazzjoni għall-Gvern ta’ Malta u li fiha tinżamm informazzjoni dwar persuni, indirizzi u l-interrelazzjonijiet tagħhom. Dawn ir-regolamenti jipprovdu għat-twaqqif ta’ rekord ta’ dettalji prinċipali ta’ persuna u jawtorizzaw konnessjonijiet bejn ir-rekord ta’ dettalji prinċipali ta’ persuna u rekords oħra miżmuma f’reġistri uffiċjali oħra minn korpi pubbliċi li fihom data personali ekwivalenti fir-rigward tal-istess persuna kif ukoll jippermettu t-tqassim ta’ data personali fi ħdan is-settur pubbliku, taħt salvagwardji neċessarji. Ir-Reġistru tal-Persuni jaderixxi wkoll mal-prinċipju tal-Once-Only Principle fir-rigward tal-ġbir tad-data, il-kondiviżjoni tad-data u l-użu mill-ġdid tad-data. Intant il-korpi pubbliċi jaqsmu din id-data skont ir-regolamenti rilevanti tal-protezzjoni tad-data (GDPR), liema regolamenti jaderixxu mal-prinċipji tal-minimizzazzjoni tad-data u limitazzjonijiet tal-iskop. Dan ifisser li l-kontrollur tad-data jrid jillimita l-ġbir ta’ informazzjoni personali għal dak li huwa direttament rilevanti u meħtieġ biex jintlaħaq għan speċifiku. Id-data trid tinżamm ukoll sakemm ikun meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

Ċertifikat — Unleaded petrol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa l-perċentwal ta’ ethanol fil-petrol unleaded fuq is-suq lokali u tipproduċi kopja taċ-ċertifikat ta’ kwalità għall-petrol unleaded importat lejn Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli timponi obbligi speċifiċi ta' sostenibbiltà fuq is-settur tat-trasport. Kull Stat Membru huwa meħtieġ jirrapporta l-proporzjon ta' enerġija bijokarburanta sostenibbli bħala persentaġġ tal-kontenut totali tal-enerġija tal-fjuwils użati fit-trasport. Fl-2023, il-kontribuzzjoni ta' Enemed għall-fjuwils rinnovabbli fis-settur tat-trasport inkludiet: - Minimu ta’ 11% ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali totali tal-enerġija, b’tal-inqas 0.2% derivat minn bijokarburanti avvanzati. - Tnaqqis ta’ tal-inqas 6% fl-intensità tal-gassijiet serra. Qed inpoġġi dokument fuq il-Mejda tal-Kamra.

Provvista tal-elettriku — tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni – kampanja ta’ reklamar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm swiet il-kampanja li saret wara s-sajf tal-2023 sabiex ikun irreklamat it-tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna, u tagħti breakdown tan-nefqa b’mod li tkun tinkludi kull forma ta' reklamar, bħal ads u reklami online, reklami f'pubblikazzjonijiet u gazzetti, reklami fuq it-televiżjoni u attivitajiet ta’ promozzjoni fost oħrajn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Bħala parti mill-pjan biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar il-pajjiż, fl-aħħar xhur Enemalta poġġiet 82 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dan ix-xogħol kompla jżid ir-reżiljenza u l-flessibbiltà fin-network tagħha. Matul din is-sena biss, ġew ikkummissjonati wkoll 43 substation ġdida, tkabbret il-kapaċità ta’ 39 substation oħra u saru 23 switchgear replacements. Għaddejja ħidma sħiħa biex dan ir-rinfunzar fis-sistema tad-distribuzzjoni jissokta billi jkompli jiġi attwat l-pjan ta’ 6 snin li għandha Enemalta. Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Provvista tal-elettriku – cables

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-datasheets li jkunu jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet relevanti tal-cables li l-Enemalta preżentament qiegħda tinstalla biex tissupplixxi l-provvista tal-elettriku (400/230V) mis-secondary substations lill-konsumaturi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispeċifikazzjonijiet tal-cables mitluba skont kif ikunu pubblikati fit-tenders tax-xiri tal-istess cables.

Proġett tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab — Ħatra tal-membri f’Bordijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kinitx hi l-Ministru responsabbli mill-ħatra tal-membri tal-Kumitat ta' Evalwazzjoni u/jew il-ħatra tal-membri tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi inkonnessjoni mat-tender għall-proġett tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħatriet li qed tirreferi għalihom isiru skont il-provvedimenti tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03).

Proġett tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab — Ħatra tal-membri f’Bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hu l-Ministru responsabbli mill-ħatra tal-membri tal-Kumitat ta' Evalwazzjoni u/jew il-ħatra tal-membri tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi inkonnessjoni mat-tender għall-proġett tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħatriet li qed tirreferi għalihom isiru skont il-provvedimenti tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03).

Speċi ta’ għasafar importati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm, matul dawn l-aħħar ħames snin, ġew importati speċi ta’ għasafar, rettili u annimali oħra li huma mħarsa mill-Convention of International Trade of Wild Fauna and Flora (CITES) u għalhekk kellhom bżonn ċertifikati tas-CITES, minn liema pajjiżi ġew importati, ta’ liema speċi kienu dawn, u kemm kien hemm eżemplari minn kull speċi importata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellana li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar l-eżemplari ta’ annimali elenkati fl-Appendiċi tal-Konvenzjoni CITES, li ġew importati f’Malta minn Jannar tal-2019 sa Ġunju li għadda minn pajjiżi li jinsabu barra mill-Unjoni Ewropea. It-tranżazzjonijiet tal-importazzjoni tal-eżemplari kollha msemmija huma koperti b’permessi u b’notifiċi maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) skont il-provvedimenti tal-Konvenzjoni CITES.

Project Green — Lista ta’ proġetti

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19689 u telenka lista tal-proġetti kollha ta' Project Green biex siti jiġu riġenerati fi spazji ħodor, li bdew u tlestew, dawk li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet li għadhom pendenti, kif ukoll dawk li għadhom fi stadju ta' ppjanar u/jew konsultazzjoni? Tista’ tinkludi wkoll informazzjoni meta dawn bdew, meta tlestew (jekk tlestew), f'każ li għadhom pendenti meta huwa mistenni li jitlestew, kemm swew jew se jiswew, il-lokalità u post fejn jinsabu, u deskrizzjoni qasira dwar kull proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Project Green tamministra l-proġetti ambjentali li jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna ġodda u proġetti oħrajn ta’ tħaddir fil-lokalitajiet. Fil-każ tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani l-għan huwa li dawn ikunu jintlaħqu mill-familji fi ftit minuti mixi mid-djar tagħhom. Apparti t-tisħiħ tal-biodiversità bit-tħawwil ta' siġar u arbuxelli kif ukoll sistemi ta' irrigazzjoni għat-tisqija tagħhom, il-proġetti fejn ikun possibbli jkunu jinkludu faċilitajiet varji bħal spazji għal picnics u rilassament, logħob għat-tfal b’materjal sostenibbli, apparat ta’ taħriġ fiżiku, u art magħmula minn materjal permeabbli. Ix-xogħlijiet isiru bi prattiċi u materjali sostenibbli, filwaqt li tkun assigurta l-aċċessibiltà għal kulħadd. Project Green tagħmel ukoll xogħol ta' riġenerazzjoni fil-widien, fost oħrajn bit-tneħħija ta' speċi invażivi u l-bini ta' ħitan tas-sejjieħ biex tiġi protetta l-ħamrija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar il-proġetti li diġà saru mill-aġenzija, kif ukoll dawk li qed jiġu implimentati bħalisa u oħrajn li hemm ippjanati.

Ir-Rabat (Malta) — Ġnien ta' San Duminku - Charging station

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet biex issir stazzjon tal-iċċarġjar għall-karozzi elettriċi ħdejn il-ġnien ta' San Duminku r-Rabat, Malta, biex jaqdi liż-żoni tal-madwar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għalkemm m’hemmx approvat stazzjon tal-iċċarġjar għall-karozzi elettriċi fil-Pjazza ta' San Duminku r-Rabat, hemm pjanijiet għal stazzjon fil-qrib fl-ewwel parti ta’ Triq il-Buskett. L-applikazzjoni għal dan l-istazzjon ġiet sottomessa lil Transport Malta.

Light pollution policy

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17608 u 17798 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16322, tista' l-Ministru tgħid jekk inġabritx l-informazzjoni neċessarja mill-entitajiet varji sabiex tkun ippublikata l-policy dwar light pollution li ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika fl-2020 u wara erba' snin għadha ma ġietx ippubblikata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni nġabret mill-entitajiet differenti. Bħalissa qed jiġi emendat id-dokument ta’ linji gwida li ħareġ għal konsultazzjoni pubblika biex ikunu indirizzati l-kummenti li daħlu mill-entitajiet differenti u mill-pubbliku waqt din il-konsultazzjoni bil-għan li d-dokument finali jkun jista’ jiġi pubblikat fl-iqsar żmien.

Lukanda — Proċeduri ġudizzjarji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19161 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18592 rigward il-proċeduri ġudizzjarji pendenti dwar is-sit tal-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jagħti l-okkju, in-numru tar-rikors, u jgħid quddiem liema Qorti għaddejjin il-proċeduri msemmija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Fondi — Skema għal tħawwil ta’ siġar taż-żebbuġ u larinġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsilli Lokali li jkunu eleġibbli għall-fondi mill-iskema varata biex Kunsilli Lokali jħawlu siġar tal-larinġ u taż-żebbuġ fil-lokalitajiet, humiex se jibbenefikaw minn fondi ulterjuri għall-manutenzjoni tal-istess siġar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

L-Imtarfa — Binja Qlejgħa - Kumpless ta' garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programm tax-xogħlijiet għat-tiswija tas-soqfa fil-kumpless ta' garaxxijiet ta' Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjoniijiet bejn l-Awtorità tad-Djar u Infrastructure Malta għadhom għaddejjin, fejn bħalissa qed jiġi ffinalizzat il-BOQ (Bill of Quantities). Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-programm tax-xogħlijiet għat-tiswija msemmija ser isir minn Infrastructure Malta hekk kif jiġi ffirmat il-ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u Infrastructure Malta.