Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi biex stabbilimenti jqiegħdu siġġijiet u mwejjed fuq art pubblika, fl-aħħar għaxar snin maqsuma xahar b’xahar? Għal kull permess, jista’ jindika t-triq fejn inħareġ il-permess, u l-ammont ta’ mwejjed u siġġijiet li jistgħu jitqiegħdu bil-permess, jew l-ispazju f’metri kwadri li huma permessi jkunu okkupati?
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn barrieri illum? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn il-barrieri qed jintużaw, u kemm minnhom għandhom permess ambjentali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru totali ta’ barrieri li huma koperti u regolati minn Permess Ambjentali attiv (sat-8 t’Ottubru 2024) jammonta għal 55 barriera. In-numru totali ta’ barrieri li huma koperti minn liċenzja attiva għat-tqattigħ ta’ riżorsi minerali jammonta għal 62. Jista’ jagħti l-każ li barriera tkun koperta kemm b’permess ambjentali u kemm b’liċenzja għat-tqattigħ, jew li barriera tkun koperta b’liċenzja għat-tqattigħ però m’hemmx obbligu għal permess ambjentali, skont t-tip ta’ operat li jkun propost.
Tista’ l-Ministru tispjega l-proċedura li jimxu magħha l-ħaddiema tal-infurzar tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’każ li individwu joħroġ il-borża tal-iskart fil-ġurnata l-ħażina jew wara l-ħin li fih isir il-ġbir? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx ċirkostanzi li jimmeritaw sempliċiment twissija minflok penali amministrattiva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi r-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (L.S. 549.40) jirregolaw kemm l-iskeda tal-ħruġ tal-iskart, separazzjoni mandatorja tal-iskart u aspetti oħra rigward rimi ta’ skart f’postijiet pubbliċi. Meta persuna tinqabad fil-fatt tintalab mezz ta’ identifikazzjoni uffiċjali sabiex l-ERA tkun tista’ tieħu azzjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta separazzjoni ta’ skart, l-ewwel azzjoni kontemplata fil-liġi hija twissija uffiċjali. Għat-tieni darba li persuna tinqabad ma tisseparax l-iskart, ikun hemm multa ta’ €25 filwaqt li jekk persuna tinqabad iktar minn darbtejn, il-multa titla’ għal €50. Fejn skart iġġenerat minn attivitajiet kummerċjali jitħallat, għall-ewwel ksur ikun hemm twissija, imbagħad multi ta’ €75 u ta’ €150 għat-tieni ksur u ksur sussegwenti rispettivament.
Fuq ksur ta’ skeda ta’ ġbir l-Awtorità tipproċedi permezz ta’ multa ta’ €150 għall-ewwel offiża, li din titla jekk jerġa' jinqabad. Dawn il-multi japplikaw meta:
(i) individwu joħroġ il-borża iktar minn erba’ sigħat qabel il-ħin tal-ġabra tal-iskart, jew
(ii) joħroġ il-borża mhux skont il-ġurnata indikata fl-Iskeda Nazzjonali għall-Ġbir tal-Iskart, jew
(iii) iħalli skart fl-art fejn bins jew bring-in-sites (BiS).
L-uffiċjali tal-infurzar jitolbu lil tali persuni biex jieħdu l-iskart lura sabiex eventwalment joħorġuh skont il-liġi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ordnijiet ta’ Stop and Compliance mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) xahar b’xahar mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq it-Torri tal-Għassa, f’Għajn Tuffieħa, li kien ġarrab ħsarat fil-maltempata ta' Frar tas-sena l-oħra, u li ilu għal bosta xhur armat bl-iscaffolding?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li qegħdin isiru taħditiet bejn entitajiet differenti fosthom l-Aġenzija għar-Reġenerazzjoni taż-żoni Turistici fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, l-Awtorità’ tal-Artijiet fil-Ministeru għall-Artijet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali sabiex isiru ix-xogħlijiet meħtieġa. Bi preparazzjoni saret id-dokumentazzjoni tal-ħsarat u l-istimi tax-xogħolijiet neċessarji mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni waqt li l-Awtorità’ tal-Artijiet ipprovdiet l-armar sabiex il-ħsara ma tkomplix tikber.
Iż-Żurrieq — Ċisterni u artifatti storiċi fl-inħawi tan-Nigret
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għamlitx studji dwar artifatti possibilment storiċi u ċisterni li ġew skoperti waqt il-proċess ta’ tħammil tal-medda ta’ art agrikola fl-inħawi tan-Nigret, iż-Żurrieq, u jgħid jekk huwiex qed jiġi kkunsidrat li ċ-ċisterni u l-artifatti jiġu inkorporati fl-ispazji miftuħa ta’ kwalunkwe applikazzjoni li l-Awtorità tal-Ippjanar tapprova biex tiġi żviluppata l-art in kwistjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
L-artefatti imsemmijin instabu waqt evalwazzjoni arkeoloġika li intalbet waqt l-iproċessar ta’ PC/0061/22. Is-Sovrintendenza hi infurmata dwar dawn il-fdalijiet u tkun tista tikkummenta fuq dawn l-artefatti, u jekk hux se jiġu integrati fi żvilupp, jew le, ġaladarba tiġi konkluża l-investigazzjoni.
Tender for the provision of Monitoring and Enforcement Services for the Environment and Resources Authority
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-Tender for the provision of Monitoring and Enforcement Services for the Environment and Resources Authority, li l-Awtorità operat taħtu għal dawn l-aħħar snin biex tingaġġa ħaddiema għall-monitoraġġ u infurzar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi kopja tad-dokument mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Transport Malta — Użu ta’ dgħajjes għall-infurzar marittimu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tagħmel użu Transport Malta minn dgħajjes ta’ kuljum biex twettaq infurzar marittimu kontra illegalitajiet hekk kif ikunu speċifikati fin-Notices to Mariners?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Taqsima tal-Infurzar Marittimu u t-Taqsima tal-Ispettorat tal-Port huma bħalissa mgħammra bi flotta ta’ tlett bastimenti speċjalizzati għall-użu ta’ spezzjonijiet kif ukoll sabiex jiġi żgurat l-infurzar tar-regolamenti marittimi ta’ kuljum.
Offshore floating windfarms — Sejħa għal investiment
Question
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proċess biex tiġi ppubblikata sejħa għal investimenti f'sistemi ta’ offshore floating windfarms fiż-żona esklussiva ekonomika ta’ Malta? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern hux qed jagħmel investiment fl-infrastruttura pubblika bi preparazzjoni għal dawn il-proġetti u oħrajn simili tagħhom, ġaladarba t-teknoloġija ta’ offshore floating windfarms ingħatat prominenza kbira fil-konsultazzjoni pubblika ‘National Policy for the Deployment of Offshore Renewable Energy’?
Response (DALLI, MIRIAM)
F’dawn l-aħħar xhur, ix-xogħol ta’ preparazzjoni għas-sejħa għal investimenti f'sistemi ta’ offshore floating windfarms fiż-żona esklussiva ekonomika ta’ Malta baqa’ għaddej b’ritmu konsistenti. Wara li ġew identifikati sitt żoni potenzjali għall-iżvilupp ta’ teknoloġija rinnovabbli fin-National Policy for the Deployment of Offshore Renewable Energy, din il-policy ġiet suġġetta għal Strategic Environmental Assessment (SEA).
Is-sitt żoni ġew sussegwentement studjati minn konsulenti tekniċi, li permezz ta’ desktop studies, iddeterminaw il-parametri tal-proġett, inklużi s-siti l-iktar vantaġġjużi ekonomikament u li jimminimizzaw l-impatt ambjentali. Ġiet analizzata wkoll il-maturità tat-teknoloġiji varji għall-fond tal-ibħra Maltin biex tinstab l-iktar teknoloġija adattata għas-siti stabbiliti.
B’hekk, issa ġew identifikati żewġ siti biex wara sejħa pubblika wieħed minnhom ikun utilizzat biex tiġi ġġenerata l-enerġija rinnovabbli mir-riħ. Bħalissa għaddej studju marittimu fuq il-batimetrija ta’ dawn iż-żewg siti u r-riżultati ġeofiżiċi se jkunu annessi fid-dokumenti tal-proċess kompettitiv. Dawn l-istudji, li jridu jkunu ulterjorment kollaborati b’analiżi ġeotekniċi u ġbir ta’ informazzjoni lokali, huma meħtieġa biex jitnaqqsu l-inċertezzi u r-riskji tekniċi u finanzjarji minn fuq il-proġett.
Interconnect Malta bdiet stħarriġ ġeofiżiku ta’ żoni speċifiċi fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (EEZ) ta’ Malta. L-istħarriġ, permezz ta’ vapur mgħammar apposta, għandu l-għan li jfassal il-batimetrija, jiddentifika il-karatteristiċi tal-qiegħ tal-baħar, oġġetti antropoġeniċi, u jiġbor informazzjoni sismika ta' kwalità għolja minn qiegħ il-baħar. Dan l-istħarriġ huwa parti mill-investiment kontinwu mwettaq mill-Gvern Malti biex iħeġġeġ il-ġenerazzjoni ta' elettriku minn sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk, entitajiet tal-gvern, fosthom Enemalta u Interconnect Malta qegħdin jikkollaboraw flimkien sabiex l-investiment fl-infrastruttura pubblika meħtiega għal dawn il-proġetti tkun lesta fiż-żmien opportun, u b’hekk l-enerġija ġġenerata minn wieħed minn dawn is-siti tkun trid tiġi distribwita fil-grid lokali.
Ħatra tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi — Passi tal-Pulizija
Question
Peress illi fi kwotazzjoni diretta mis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li “qiegħda żżomm f’moħħha hawnhekk ukoll illi xilja ta’ kunflitt ta’ interess fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku għandha tiġi mistħarrġa b’reqqa liema bħalha, peress li huwa magħruf li l-qasam tal-akkwist pubbliku huwa meqjus bħala waħda mill-aktar attivitajiet ta’ Gvern, li huma l-aktar vulnerabbli għall-ħela, għall-abbuż, għall-frodi u għall-korruzzjoni.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija ħaditx passi jew inkella hux għadha qed tevalwa x’passi se tieħu relatati mal-ħatra tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi li l-Qorti sabet li xi individwi fuq il-Bord kellhom kunflitt ta’ interess, u bid-deċiżjoni tagħha annullat tender tal-Gvern b’valur ta’ €600 miljun għall-inċineratur tal-iskart?
Belt Valletta — Cisterna della Quarantena - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li sar fis-sit magħruf bħala Cisterna della Quarantena, il-Belt Valletta, u jgħid għaliex waqfu x-xogħlijiet ta' tindif mit-terrapien fis-sit imsemmi?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tagħti iżjed tagħrif dwar il-kundizzjonijiet ta’ indafa, in-numru ta’ magni, u disponibbiltà tal-magni li l-Gvern fil-ftehim li għamel mal-privat rabat bihom lill-operatur privat li jħaddem l-iskema bħal tal-BCRS? Tista’ tispjega jekk dawn l-obbligi humiex kwantifikabbli u tanġibbli biżżejjed li jistgħu jiskattaw xi forma ta’ infurzar jew penali jekk joħroġ illi skont l-obbligi imposti fuqu, l-operatur qiegħed jonqos li jagħti servizz denju?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ magni (RVMs) li hawn installati madwar Malta u Għawdex huwa ta’ 342. Dawn jinkludu tmien magni li fihom wieħed jista’ jiddisponi minn kontenituri tal-plastik f’daqqa (in bulk), waqt li qegħdin isiru l-preparamenti neċessarji biex tigi installata d-disa’ magna ta’ dan tip f’Għawdex. Id-disponibbiltà tal-magni hija regolata mill-Ftehim tal-Liċenzjar, li jistipula li 80% tal-magni jridu jkunu operattivi mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8:00 am u s-7:00 pm, filwaqt li, fil-ħinijiet l-oħra, d-disponibbiltà għandha tkun ta’ mhux inqas minn 10%. Ir-Regolatur tal-Iskema jissorvelja s-servizz offrut mill-magni biex jiżgura li s-servizz mogħti mill-Operatur Liċenzjat jeċċedi dawn l-obbligi vis-à-vis d-disponibbiltà. Fil-fatt, ninsab infurmata li l-livelli minimi stabbiliti fil-ftehim qed jintlaħqu. Fejn imbagħad jirrigwardja l-indafa, ninsab infurmata li l-Operatur Liċenzjat għandu ftehim mad-diviżjoni tat-tindif kif ukoll m’operaturi privati oħrajn sabiex jiġi żgurat li l-indafa tal-madwar u l-viċinanzi tal-magni tingħata priorità. Fil-fatt, isir knis u ħasil tal-magni kemm minn barra u minn ġewwa, u li l-frekwenza tiżdied fix-xhur tas-sajf.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu rapporti ta’ ħsarat relatati mar-Reverse Vending Machines (RVMs) mill-ġurnata li bdiet titħaddem l-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-ħsara li potenzjalment jista’ jkollhom il-magni (RVMs) hija responsabbiltà tal-Operatur Liċenzjat tal-Iskema għar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb. Ninsab infurmata li minn informazzjoni li ġabret l-aġenzija Circular Economy Malta mingħand l-operatur, bejn Lulju 2023 u Settembru 2024, dan irċieva 3,691 ilment relatati ma’ ħsarat u dawn jinkludu lmenti li setgħu saru minn sorsi differenti dwar l-istess ħsara. L-aġenzija kienet infurmata li l-operatur, minħabba limitazzjonijiet tekniċi ta’ natura ta’ klassifikazzjoni tal-ilmenti, li kienet ġiet innutata u indirizzata sa Mejju 2023, ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni relattiva għall-perjodu Novembru 2022 u Ġunju 2023.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il encroachment permit inħareġ mill-Awtorità tal-Artijiet relatati mal-iskema tal-BCRS mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kinux infurmati bil-preżenza ta’ xelter qabel bdew ix-xogħlijiet fi Triq id-Dokkiena, Ħal Luqa, kantuniera ma’ Triq San Pawl? Jista’ jgħid jekk SCH kienx infurmat dwar xi ħsara li seta’ ġarrab ix-xelter? L-Awtoritajiet ikkonċernati marru fuq is-sit jiċċekkjaw saritx ħsara? Waqt li kien qed jitkompla x-xogħol, kien preżenti xi rappreżentant tal-SCH?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza, waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni għal xogħolijiet tat-toroq fi Triq Dokkiena k/m Triq San Pawl f’Ħal Luqa, infurmat lil applikant / perit bil-preżenza ta’ xelters fuq is-sit ta’ fejn kien ser isir ix-xogħol, kif ukoll indikat il-pożizzjoni tagħhom fir-risposta. Madanakollu ir-responsabbiltà biex jiġi żgurat li xelters u/jew fdalijiet oħra ma jsirulhomx ħsara waqt li jkun għaddej ix-xogħol, hija tal-perit u l-applikant.
Ninsab infurmat ukoll li s-Sovrintendenza ma ġietx infurmata li saret xi ħsara lix-xelters waqt li għaddejjin ix-xogħolijiet.
Tista' l-Ministru tipprovdi informazzjoni dwar in-numru u n-natura ta’ ksur tar-regoli ambjentali li nstabu fl-operat tal-fish farms mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll l-azzjonijiet li ttieħdu fil-konfront tal-operaturi għal kull offiża?
Tista’ l-Ministru tgħid b’liema frekwenza jsiru spezzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti fid-diversi fish farms fl-ibħra tal-gżejjer Maltin fejn isiru testijiet biex tiġi assigurata s-saħħa pubblika?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandha pjan ta’ spezzjonijiet kuljum fuq fish farms matul il-perjodu ta’ operazzjoni, ovvjament sakemm iċ-ċirkostanzi jippermettu. Dan biex tiġi assigurata konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali. Rigward aspetti ta’ saħħa pubblika, nitlobha biex tirreferi dik il-parti tal-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Barrieri — Miżuri għal tnaqqis tal-emissjonijiet tat-trab
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’regolamenti japplikaw u x’miżuri hemm fis-seħħ biex jitnaqqsu u jkunu kkontrollati l-emissjonijiet tat-trab mill-barrieri u tagħti informazzjoni dwar l-infurzar li jsir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontroll ta’ trab fil-barrieri huwa suġġett għal kundizzjonijiet fil-permessi ambjentali ta’ barrieri li huma fis-settur tar-riċiklaġġ tal-iskart mill-industrija tal-kostruzzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet tat-trab isiru fuq permessi li jirriċiklaw il-materjal tal-kostruzzjoni peress li dan jiġġenera t-trab. Il-miżuri jinkludu għata fuq crushers fil-punt fejn jitferra l-materjal, tixrib ta’ munzelli, tixrib tar-roti tal-vetturi, knis ta’ uċuħ interni u kundizzjonijiet biex jintuża materjal li jtaffi l-emissjonijiet ta’ trab fir-rampi tal-barrieri. F’każ ta’ rjiħat qawwija, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) twaqqaf lill-operaturi tal-barrieri li jiġu rappurtati li qed jaħdmu b’manjiera li żżid id-dispersjoni tat-trab.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ordnijiet ta’ ‘Stop and Compliance’ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-għodda ta’ Ordni ta’ Waqfien u Konformità hija biss waħda mill-għodod li għandha l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għad-disponabbilità tagħha, imma hemm ukoll Multi Amministrattivi. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-azzjonijiet meħuda mill-Awtorità.