Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport pubbliku — Proġett pilota ta’ autonomous buses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett-pilota ta’ karozzi tal-linja li jaħdmu b'mod awtonomu u jiddiskrivi l-miżuri tekniċi li qed jiġu implimentati biex ikun żgurat li l-infrastruttura tat-toroq tkun ippreparata b’mod adegwat li tista’ takkomoda karozzi tal-linja li jaħdmu b’dan il-mod? Jista’ jgħid ukoll jekk il-mira li l-proġett ikun uffiċjalment beda sal-bidu tas-sena 2025 għadux realistiku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett pilota jifforma parti mill-proġett metaCCAZE u huwa kofinanzjat taħt il-programm Horizon Europe. Malta permezz tal-konsorzju magħmul mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Università Ta’ Malta, il-Malta Public Transport u l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ser jittestjaw vettura li taħdem b’mod awtonomu f’diversi rotot f’Malta u Għawdex. Dan il-proġett qiegħed fil-fażi preparatorja fejn qed isiru diskussjonijiet interni u ma’ stakeholders sabiex il-proġett pilota jkun jista’ jiġi implimentat matul is-sena 2026 fuq medda ta’ 8 xhur. Dan it-team bħalissa qiegħed jaħdem fuq numru ta’ binarji li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-proġett li jinkludu analiżi fuq liema rotot ser tkun qiegħda topera din il-vettura, evalwazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi u l-karatteristiċi ta’ vetturi ta’ dan it-tip kif ukoll analiżi fuq il-qafas leġislattiv.

Fortifikazzjonijiet ta’ San Klement — Restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22052, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-restawr tal-Fortifikazzjonijiet ta’ San Klement jinkludix l-ispazji tas-swar minn ġewwa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ tindif mid-Direttorat tat-Tindif Pubbliku. Dan wara ftehim permezz ta’ MoU flimkien mal-Ministeru tal-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali.

Tindif tas-Cisterna della Quarantena — Terms of Reference

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22485, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-Terms of Reference mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni (RPD), għat-tindif taċ-Cisterna della Quarantena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-terms of reference jinħargu mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u mhux mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni (RPD). Qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

BCRS — Encroachment Permits

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21108 u jgħid kemm-il encroachment permit inħareġ mill-Awtorità tal-Artijiet relatati mal-iskema tal-BCRS mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet tat 52 konċessjoni lill-BCRS.

ERA — informazzjoni dwar ħaddiema ingaġġati

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi informazzjoni dwar kemm persuni kienu ingaġġati u kemm ħallew l-impjieg tagħhom f'kull direttorat fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) minn Jannar tal-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' wkoll tinkludi n-numru ta’ persuni li rriżenjaw mill-Awtorità, il-ħaddiema li ġew issekondati minn xi Dipartment jew Entità Governattiva oħra, kif ukoll dawk li ġew trasferiti minn direttorat għal ieħor permezz ta’ promozzjoni jew trasferiment intern?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

ERA — Ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità attivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li għadhom attivi? Għal kull ordni preżentement attiva, tista’ tikkonferma jekk l-illegalitajiet għadhomx għaddejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li hemm 81 Ordni ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li huma attivi. Minn dawn hemm 31 fejn l-illegalità tneħħiet iżda fadal multi pendenti u għalhekk il-każ għadu attiv, waqt li 50 għad għandhom l-illegalià mertu tal-azzjoni tippersisti.

Xogħlijiet f’Wied il-Madliena

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi entità jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha għamlux xi xogħlijiet f’Wied il-Madliena, bis-site plan inkwistjoni li qiegħed jintbagħat separatament, u tgħid jekk l-istess entitajiet jew dipartimenti daħlulhomx rapporti ta’ attività suspettuża li tinvolvi t-tneħħija ta’ veġetazzjoni fl-istess żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-site plan li tpoġġiet separatament tindika Wied Mejxu u hemmhekk madwar sena ilu Project Green, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali, wettqet intervent ta’ tneħħija ta’ veġetazzjoni invażiva. Interventi bħal dawn jgħinu biex tiġi riġenerata l-eko-sistema tal-wied u jnaqqsu wkoll ir-riskju tan-nirien, u għaldaqstant hemm il-ħsieb li għaż-żmien li ġej jiġu ppjanati interventi simili. Sadanittant, għand l-entitajiet jew id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru, ma jirriżultax li daħlu rapporti ta’ attività suspettuża li tinvolvi t-tneħħija ta’ veġetazzjoni fl-istess żona. Fil-fatt, l-uniċi rapporti li daħlu għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kienu jikkonċernaw ix-xogħol li aċċennajt għalih u li kien jinvolvi interventi fuq siġar taż-żejt tar-riġnu, qasab u ewkaliptu.

Binjiet pubbliċi — Uffiċjali tal-enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi aġġornament dwar kemm inħatru uffiċjali responsabbli għall-immaniġġjar tal-enerġija f’binjiet pubbliċi u jgħid x’taħriġ ingħataw biex jissorveljaw il-konsum tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-binjiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġett inkwistjoni mhux fil-mansjoni tal-Ministeru.

Transferiment ta’ konċessjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet approvatx formalment it-trasferiment tal-konċessjoni mill-konċessjonarju oriġinali lil terzi għall-Lido fl-Armier li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22116.

Il-Furjana — Proġett ta’ Sant’Anna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi studji saru qabel tħejjiet il-wegħda elettorali għal dak li kellu jkun il-proġett ta’ pedestrian link ta’ Sant’Anna fil-Furjana, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe studji relevanti li jagħtu spjegazzjoni ċara għalfejn dan il-proġett li qabel l-elezzjoni l-Gvern qiesu bħala fattibbli, issa m’għadux possibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li wara reviżjoni ta’ studji arkeoloġiċi u ġeotekniċi tal-passat, fejn anke nstab li taħt it-triq hemm fdalijiet storiċi, ġie konkluż li l-underpass mhuwiex fattibbli. Bħalissa għaddej studju ieħor dwar l-impatt fuq it-traffiku biex jiġu esplorati possibbiltajiet u opportunitajiet ġodda għal dan il-proġett li jinkludu l-pedestrianisation ta’ Triq Sant Anna. L-istudju mistenni jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

L-Imtarfa — Binja Qlejgħa - Kumpless ta' garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jikkonkludi l-proċess biex jiġi ffirmat ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u Infrastructure Malta sabiex it-tiswijiet fis-soqfa tal-kumpless ta’ garaxxijiet li jagħmlu parti minn Binja Qlejgħa, l-Imtarfa, ikunu jistgħu jinbdew?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess qiegħed fi stadju avvanzat, iżda peress li l-ammonti tat-twettiq tal-proġett innifsu żdiedu u huma sostanzjali, qed isir skrutinju ddettaljat tal-ispejjeż. Wara jsiru t-taħdidiet finali, kemm tekniċi kif ukoll finanzjarji ma’ Infrastructure Malta sabiex il-ftehim bejn iż-żewġ entitajiet jista’ jiġi konkluż.

Fortifikazzjonijiet ta’ San Klement

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22052, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-restawr tal-Fortifikazzjonijiet ta’ San Klement jinkludix l-ispazji tas-swar minn ġewwa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Il-Belt, Valletta — Cisterna della Quarantena - Ġibjuni

Question

Peress illi s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ilha iktar minn sentejn infurmata bl-eżistenza ta’ ġibjuni fis-sit magħruf bħala Cisterna della Quarantena, il-Belt Valletta, jista’ l-Ministru jgħid x’deċiżjoni tittieħdet, u meta ttieħdet, biex possibilment jiġu salvati u/jew restawrati dawn iċ-Ċisterni ta’ żmien il-Kavallieri u eventwalment jerġgħu jintużaw għall-ħażna tal-ilma tax-xita?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza din il-ġimgħa ħarġet Terms of Reference sabiex jibda it-tindif taċ-Ċisterna mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni (RPD).

Il-Belt, Valletta — Cisterna della Quarantena - Mina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji fuq il-mina li nkixfet waqt ix-xogħlijiet ta’ skavar fis-sit magħruf bħala Cisterna della Quarantena, il-Belt Valletta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma x’kien l-użu ta’ din il-mina, u jekk hemmx pjan li ssir aċċessibbli biex isservi ta’ attrazzjoni kulturali u turistika?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22485, fejn ġejt infurmat li s-Sovrintendenza din il-ġimgħa ħarġet Terms of Reference sabiex jibda it-tindif taċ-Ċisterna mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni (RPD). Ninsab infurmat ukoll li bħalissa ix-xogħlijiet huma limitati għal fuq iċ-Ċisterna.

Il-Belt, Valletta — Cisterna della Quarantena - Mina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji fuq il-mina li nkixfet waqt ix-xogħlijiet ta’ skavar fis-sit magħruf bħala Cisterna della Quarantena, il-Belt Valletta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma x’kien l-użu ta’ din il-mina, u jekk hemmx pjan li ssir aċċessibbli biex isservi ta’ attrazzjoni kulturali u turistika?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li qed jittieħdu passi biex jiġi analiżżat l-istat tas-sit imsemmi biex wara jkunu jistgħu jitkomplew l-interventi meħtieġa.

Forti Bengħajsa — Proċeduri għat-terminazzjoni tal-kirja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21808 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17233, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-proċeduri ġudizzjarji għat-terminazzjoni tal-kirja għall-Fortizza ta’ Bengħajsa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Prim Awla tal-qorti ċivili ġew ppreżentati 3 ittri uffiċjali għal dan il-għan.

Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni — Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda ta-Kamra lista li turi n-numru ta’ impjegati fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni għal kull xahar minn Jannar 2021 sax-xahar li fih tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema lista tkun tinkludi wkoll tagħrif dwar l-iskala/rwol tagħhom, il-lokalità ta’ fejn huma residenti u n-nazzjonalità tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19098, ninfurmaha li biex tingħata l-informazzjoni fid-dettall kif mitlub minnha, jinqabeż l-advisory cost.

Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni — Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni għal kull xahar minn Jannar 2021 sax-xahar li fih tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema lista tkun tinkludi wkoll tagħrif dwar l-iskala/rwol tagħhom, il-lokalità ta’ fejn huma residenti u n-nazzjonalità tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22157.