Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kuntratti — Kafetterija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa responsabbli mill-operat tal-kafetterija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kwalunkwe ftehim kuntrattwali rilevanti assoċjat mal-operat ta’ dan l-istabbiliment?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19310. Peress li l-proprjetà ngħatat b’konċessjoni emfetewtika skont il-kuntratt imsemmi kull operat huwa responsabbiltà tal-emfitewta.

Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Użu mill-faċilitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk SportMalta u l-Imtarfa Drama Group għadhomx jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa, u jekk jirriżulta fin-negattiv, jgħid għalfejn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Livelli soċjali u ambjentali

Question

Jista’ l-Ministru jiċċara x’kienu l-livelli soċjali u ambjentali li l-proġett tal-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa kellu jikseb u sa meta kellhom jinkisbu? Jista’ jgħid ukoll jekk sal-ġurnata preżenti ntlaħqux il-livelli mixtieqa u jekk le, sa meta huma proġettati li jintlaħqu u kif jistgħu jiġu kwantifikati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ambjent Malta — Allowances

Question

B’referenza għaċ-ċifra allokata għall-vot ta’ Allowances fl-Estimi ta’ Ambjent Malta, tista’ l-Ministru tagħti break down dettaljat biex tispjega dan l-ammont?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-line item li qed tirreferi għalih jipprovdi għall-allowances li jitħallsu l-ħaddiema ta’ Ambjent Malta. Dawn jikkonsistu fi ħlasijiet li jmorru lil hinn mis-salarju bażiku u li jsiru skont il-provedimenti tal-Ftehim Kollettiv tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, ta’ kwalunkwe ftehim settorjali li jkun japplika għal klassijiet partikolari ta’ ħaddiema, ta’ provedimenti li joħorġu mill-manwali tal-Public Service Management Code u/jew approvazzjonijiet jew ftehim viġenti oħrajn.

Kemmuna — Permessi maħruġa mill-ERA

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista bil-permessi maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f'Kemmuna matul is-snin 2024 u 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

ERA — Ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità magħluqin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25557, tista’ l-Ministru tipprovdi wkoll lista tal-ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità magħluqin li kienu nħarġu mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fil-konfront tal-Awtorità għall-Artijiet, u għal kull avviż tispeċifika d-data, in-numru ta’ referenza u l-post?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 25557, irid jiġi ċċarat li sal-2021 kienet il-prassi li f’dak li jirrigwarda azzjonijiet fuq artijiet li huma tal-gvern, l-Awtorità tal-Artijiet awtomatikament kienet tkun suġġetta għall-azzjoni, flimkien ma’ min wettaq l-offiża, bħala sid l-art, stante li l-art hija mikrija/mqabbla minnha lil terzi. F’każijiet fejn min wettaq l-offiża ma kiex magħruf u/jew l-art ma kenitx taħt kirja/konċessjoni jew qbiela lil xi ħadd, l-azzjoni nħarġet fuq l-Awtorità tal-Artijiet biss. L-Ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità (OWK) kollha maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) diġà huma aċċessibbli pubblikament fuq is-sit uffiċjali tagħha kif qed nindika permezz tad-doukement li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Livell ta’ impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-livell ta' impjiegi li kellha tilħaq l-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa sal-2025 permezz tar-riżoluzzjoni, li fl-2019 għaddiet l-ex sptar militari lill-konċessjonarju, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, permezz ta’ enfitewsi temporanja għal perjodu ta’ 40 sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Data għall-bidu tal-operat

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika d-data sottomessa mill-konċessjonarju fil-pjan ta’ investiment inizjali għall-bidu tal-operat tal-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-enfitewta wettaqx ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni kollha meħtieġa għall-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-proposta sottomessa mill-konċessjonarju? Jekk le, jista’ jgħid jekk id-dewmien huwiex ġustifikat u jekk kinux applikati penali għat-tali dewmien?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Permessi tal-Ippjanar — Skadenzi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka lista’ ta’ liema permessi tal-ippjanar skadew fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2023 u d-9 ta’ Novembru 2023?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għajn Tuffieħa — Torri tal-Għassa - Manutenzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21150, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament rigward il-manutenzjoni ta’ natura urġenti meħtieġa fuq it-Torri tal-Għassa, f’Għajn Tuffieħa, u jippubblika rapport/i li jiddokumentaw il-ħsarat u l-pjan ta’ xogħlijiet biex isiru l-interventi neċessarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tiswija meħtieġa fuq it-Torri tal-Għassa, f’Għajn Tuffieħa se tkun qed tibda fil-ġimgħat li ġejjin wara li inġiebu il-permessi meħtieġa mill-Awtoritajiet kompetenti. Ix-xogħolijiet se jsiru mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, b’kollaborazzjoni mal-Awtorita’ tal-Artijiet. Id-dokumentazzjoni hija pubblika, u tista’ tiġi aċċessata mis-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar (referenza DS00456/24).

EcoHive Complex — Tender CT2231/2024

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet u jekk ittieħditx deċiżjoni dwar l-offerent rebbieħ fir-rigward tat-tender CT2231/2024, intitolat ‘Tender for Rental and Operation of Treatment Unit for Leachate Generated from Landfills at EcoHive Complex’?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġew sottomessi tliet applikazzjonijiet skont ‘l-open tender details’ li hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-EPPs. Il-perjodu tal-oġġezzjonijiet skada u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni u għalhekk meta jigi ffirmat il-kuntratt ikun jista’ jibda l-proġett.

Charging points — Mosta

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi aġġornament dwar iċ-charging points għall-użu pubbliku li kellhom jitwaħħlu madwar il-Mosta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hawn 408 charging points għall-użu pubbliku mxerrdin madwar Malta u Għawdex. Għaddej proġett ieħor biex jiżdiedu 1,200 charging point ieħor madwar il-gżejjer u dawn jnkludu 40 charging point li se jsiru fil-Mosta. Minn dawn, diġà hemm il-permessi neċessarji għal 12-il charging point ġodda li x-xogħol fuqhom mistenni jibda fix-xhur li ġejjin. Is-siti fejn huwa propost li jsiru ċ-charging points li se jiżdiedu fil-Mosta jinsabu fi Triq id-Dawr, Triq il-Bufula l-Ħamra, Triq Ġlormu Cassar, Triq il-Kartaġiniżi, Triq Franġisku Pisani, Triq il-Kostituzzjoni, Triq il-15 t’Awwissu, Triq Trinċetta, Triq il-Ħtajriet, Triq l-Għonnella, Triq l-Aħwa Galea, Triq l-Inkunurunazzjoni, Triq Misraħ Għonoq, Triq Sagra Familja, Triq il-Fortizza, Triq il-Kostituzzjoni, Triq Dimech, Triq il-Mitħna l-Qadima, Triq il-Planec u Triq il-Biedja.

Il-Belt, Valletta — Cisterna della Quarantena - Tindif

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23218, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda t-tindif taċ-Ċisterna fil-Belt Valletta, mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Dwar it-tindif ta’ Cisterna della Quarantena, informat li dan qed jitwettaq mill-Lands Authority taħt is-superviżjoni tal-arkeologu, skont it-termini ta’ referenza maħruġa mis-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Id-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni (RPD) se jevalwa l-kundizzjoni taċ-ċisterna ladarba jitlesta t-tindif u jagħti parir dwar kwalunkwe tiswijiet li jkun hemm bżonn.

Żebbuġ, Għawdex — Batterija tal-Qolla l-Bajda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji rigward it-taħditiet interni li jinkludu iktar minn entità waħda dwar it-talbiet imressqin minn NGOs għall-pussess tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda, fiż-Żebbuġ, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-eżitu tal-proċess ta’ evalwazzjoni tat-talbiet, u f’każ li l-Ministeru kkunsidra talba jew numru ta’ talbiet bħala sodisfaċenti, jgħid x’hemm iżomm il-proċess milli jkompli javvanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali pproċessat it-talba li rċeviet mingħand Din l-Art Ħelwa għal kustodja tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda u għaddiet it-talba lil Awtorità tal-Artjiet. Heritage Malta u Lands Authority daħlu fi ftehim sabiex Heritage Malta tgħin lil Lands Authority fil-protezzjoni tal-batterija. Heritage Malta se tagħmel rapport preliminari fuq l-istat tal-batterija sabiex tapplika f’isem il-Lands Authority għal xogħolijiet li jinkludu il-konsolidazzjoni tal-istruttura u jitenħħew perikli.

WSC — Xogħlijiet bejn Triq ir-Rabat u Triq Ħad-Dingli

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li x-xogħol li qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) bejn Triq ir-Rabat u Triq Ħad-Dingli se jitlesta sa Ottubru li ġej kif kien ippjanat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħol tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett estensiv li qed isir fiż-żona indikata mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jitlesta f’Ottubru kif ippjanat. Minħabba l-kobor tiegħu, ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett ġew imqassmin biex isiru f’fażijiet u huwa mmirat li jiġi konkluż kollu sal-2027. Ix-xogħlijiet ewlenin jinkludu tħaffir ta’ trinek għas-servizz tad-distribuzzjoni tal-ilma, trinek flimkien ma’ mina għas-servizz tad-drenaġġ, trinek separati biex jiġi mgħoddi wkoll fibre optic cable għas-servizz tal-internet u finalment jerġgħu jsiru l-uċuh tat-toroq.

Varjazzjoni — Permess ambjentali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux xi varjazzjonijiet fil-permess ambjentali li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u jekk fl-affermattiv, tipprovdi dettalji dwar in-natura tal-emendi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li sad-data li qed tingħata din it-tweġiba l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċevitx applikazzjonijiet ta’ varjazzjoni relatati mal-permess ambjentali li d-dettalji dwaru ngħataw separatament.

L-Imġarr — Caldarium ta' Żmien ir-Rumani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li s-sit li jidher li possibilment kien iservi bħala caldarium fi Żmien ir-Rumani, li jinsab fil-limiti tal-Imġarr (il-post eżatt fejn jinsab qiegħed jingħata separatament) ikun protett u forsi 'l quddiem isir xogħol ta’ restawr lill-caldarium kif ukoll l-għar ta' taħtu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sovrintendenza hija konoxxenti ta’ dawn is-sejbiet, filfatt huma mniżżlin fl-inventarju tagħha li huwa aċċessibbli mis-sit elettroniku tal-entità. Għaldaqstant dawn jiġu meqjusa bħala protetti skond l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali. Sa issa ma hemmx pjanijiet li jsir restawr fuq dawn is-siti.

Legal Reform for the Tourism Industry

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid meta se jkun qiegħed jitressaq quddiem il-Kamra l-Abbozz ta’ Liġi bbażat fuq il-White Paper ippubblikata fl-2016 intitolata 'Legal Reform for the Tourism Industry’ liema riforma kellha ssir skont il-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu għall-Gżejjer Maltin li tnediet f’Marzu 2015, in vista tat-tweġibiet mogħtija mill-Ministru preċedenti li oriġinarjament wiegħed li kellu jitressaq għad-diskussjoni qabel il-vaganzi tas-sajf tas-sena 2022, u sussegwentement imbagħad qal li se jkun qed jitressaq matul is-sena 2023?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba s-settur tat-turiżmu hu wieħed dinamiku, inħass il-bżonn li niffukaw fuq it-tibdil li hemm bżonn isir fis-settur tal-akkommodazzjoni, kemm dik kollettiva u kemm dik privata. Għaldaqstant qed isir xogħol fuq abbozz ta’ liġi li miexi b’ritmu tajjeb u b’konsultazzjoni ma’ diversi atturi prinċipali fis-settur. L-objettiv hu li dan ix-xogħol u abbozz ta’ din il-liġi ikun konkluż matul l-2025.