Jista’ l-Ministru jgħid x’hemm ippjanat fiż-żona tal-Blata l-Għolja fil-Mosta, hekk kif ġiet itterminata kirja ta’ raba’ fl-istess żona, kif spjegat fl-Avviż Nru 1271 tal-Gazzetta tal-Gvern datata t-23 ta’ Settembru 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti biex tirreferi din il-mistoqsija parlamenari lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-autoclave li ġie inawgurat fl-2016 fil-Marsa għadux jopera sal-lum? Tista’ tindika kemm-il darba esperjenza waqfien mill-operat jew ħsarat tekniċi mill-2016 ’l hawn, u f’kull każ tagħti rendikont taż-żmien li dam barra mill-operat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru telenka lista bil-permessi tal-ippjanar maħruġa f’Kemmuna li għalihom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irrakkomandat approvazzjoni bħala konsulent?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-lista tal-permessi hija kif ġej:
PA 4777/20, PA 9167/19, PA 04833/20, DN 502/22, PA 4570/22, PA 4571/22, PA 2212/23 u PA 3917/23.
Valletta Green Festival 2025 — Pjazza San Ġorġ - Ġnien temporanju - Spiża totali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tkun tiswa l-ispiża totali kif ukoll jipprovdi break down dettaljat tal-ispiża għall-ġnien temporanju fi Pjazza San Ġorġ bħala parti mill-Valletta Green Festival 2025?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif mgħoddija lili.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25561, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il kontravenzjoni nstabu mill-kuntrattur privat waqt is-servizz ta’ monitoraġġ u infurzar relatat mal-ġbir tal-iskart domestiku, matul l-istess perjodu, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tirrifletti n-numru ta’ rapporti rigward kontravenzjonijiet li ġew iġġenerati mill-uffiċjali tal-kuntrattur privat waqt is-servizz ta’ monitoreġġ u nfurzar relatat mal-ġbir tal-iskart domestiku matul il-perjodu indikat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1827, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference li saru mill-Kumitat li taħt il-mansjoni tiegħu jaqa’ l-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26625, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-kompożizzjoni tal-Kumitat bħalissa u tispeċifika d-data meta kien maħtur kull membru fuq il-Bord?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Użu mill-faċilitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26311, 26672, 26989, 27623 u jgħid jekk SportMalta u l-Imtarfa Drama Group għadhomx jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa, u jekk jirriżulta fin-negattiv, jgħid għalfejn?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Livelli soċjali u ambjentali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26312, 26673, 26988 u 27624 u jiċċara x’kienu l-livelli soċjali u ambjentali li l-proġett tal-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa kellu jikseb u sa meta kellhom jinkisbu? Jista’ jgħid ukoll jekk sal-ġurnata preżenti ntlaħqux il-livelli mixtieqa u jekk le, sa meta huma proġettati li jintlaħqu u kif jistgħu jiġu kwantifikati?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26310, 26599, 26817 u 27625 u jikkonferma jekk l-enfitewta wettaqx ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni kollha meħtieġa għall-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-proposta sottomessa mill-konċessjonarju? Jekk le, jista’ jgħid jekk id-dewmien huwiex ġustifikat u jekk kinux applikati penali għat-tali dewmien?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Data għall-bidu tal-operat
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26309, 26600, 26816 u 27626 u jispeċifika d-data sottomessa mill-konċessjonarju fil-pjan ta’ investiment inizjali għall-bidu tal-operat tal-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Livell ta’ impjiegi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26308, 26601, 26815, u 27627 u jgħid kemm kien il-livell ta' impjiegi li kellha tilħaq l-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa sal-2025 permezz tar-riżoluzzjoni, li fl-2019 għaddiet l-eks sptar militari lill-konċessjonarju, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, permezz ta’ enfitewsi temporanja għal perjodu ta’ 40 sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Trattament tal-ilma urban mormi — Identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi
Question
Peress illi skont id-Direttiva tal-Kunsill dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (91/271/KEE) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi u inqas sensittivi tkun riveduta f’intervalli ta’ mhux aktar minn erba’ snin, tista’ l-Ministru tgħid meta saret l-aħħar reviżjoni ta’ dawn iż-żoni, tindika meta saru l-istudji relatati ma’ din ir-reviżjoni u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha rilevanti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’żieda mat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 27642, qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-data dwar l-istudji relatati ma’ din ir-reviżjoni.
Minn fost l-ilmenti kollha li daħlu fuq il-Helpline 138, jista’ l-Ministru jgħid kemm minnhom kienu ilmenti dwar storbju, kemm mir-rapporti ġew investigati f’aktar dettall, xi kriterji jintużaw biex jiġi deċiż jekk każ partikolari ta’ storbju eċċessiv jimmeritax investigazzjoni dettaljata, u kemm mill-każi investigati iżjed fil-fond wasslu għal xi forma ta’ konklużjoni jew azzjoni formali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-Helpine 138 saru 72 telefonata bi lmenti relatati ma’ storbju, inkluż ukoll ma dan vibrazzjonijiet relatat ma’ kostruzzjoni. Kull ilment li jsir jiġi investigat fid-dettall mill-Awtorità kkonċernata u tittieħed l-azzjoni neċċessarja.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il uffiċjal impjegat mill-kuntrattur ġie stazzjonat kuljum f’Kemmuna matul ix-xhur tas-sajf mill-2020 ’il quddiem għall-fini tal-monitoraġġ u l-infurzar tar-regolamenti relatati mar-rimi ta’ skart, u tindika n-numru ta’ multi li nħarġu matul dak l-istess perjodu speċifikament fir-rigward ta’ ksur ta’ regoli tar-rimi ta’ skart?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istazzjonar ta’ żewġ uffiċjali biex jagħmlu monitoraġġ u nfurzar tal-liġi dwar ir-rimi tal-iskart f’Kemmuna, primarjament fix-xhur tas-sajf, beda mill-2022. Dawn l-uffiċjali huma mpjegati ma’ kuntrattur privat li ntgħażel permezz ta’ tender pubbliku maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Mill-bidu ta’ dan l-eżerċizzju sad-data ta’ din it-tweġiba, nħarġet multa waħda speċifikament fuq Kemmuna. Għandu jiġi apprezzat li l-uffiċjali tal-ERA għandhom ukoll rwol edukattiv u jagħmlu sforz biex jedukaw lin-nies, waqt li anke jagħmlu sorveljanza f’żoni oħrajn bħal camping site u l-madwar kif ukoll bajjiet oħra biex jaraw li jkun hemm general upkeep ambjentali. Biex tinħareġ multa, persuna trid tinqabad tarmi quddiem l-uffiċjali tal-ERA.
It-Tramuntana u In-Nofsinhar ta’ Malta — Fish Farms
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26993 u tindika b’mod separat in-numru ta’ siti ta’ fish farms li bħalissa jinsabu operattivi fiż-żona tat-Tramuntana u fiż-żona tan-Nofsinhar tal-pajjiż?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22159, 21093 u 8573.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27001 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ordni ta’ żgumbrament maħruġa mill-INDIS Malta Ltd lill-kumpanija li topera l-iscrapyard li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ma teżisti l-ebda ordni ta’ żgumbrament fit-termini tal-Kapitlu 573 maħruġ mill-INDIS fil-konfront tal-kumpanija imsemmija. Jiġi relevat li mal-kumpanija imsemmija hemm proċeduri legali li għadhom pendenti.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il meter tad-dawl f’Malta u f’Għawdex huma mgħammra b’sistema li tagħmilha possibbli li tiġi reġistrata d-data dwar il-konsum b’mod remot u tintbagħat lil ARMS awtomatikament, mingħajr il-ħtieġa ta’ qari manwali fuq il-post?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-każ ta’ 99.22% tal-meters kollha tal-Enemalta tiġi reġistrata d-data tal-konsum b’mod remot. Hemm stanzi, bħal meta ma jkunx hemm qari mis-sistema awtomatika jew il-meter ikun antik, li għalihom ikun meħtieġ li jintbagħat meter reader biex jittieħed qari attwali.
Ta’ Qali — Sit għall-impjant il-ġdid tat-trattament tad-drenaġġ - Studju
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li sar biex jistabbilixxi s-sit għall-impjant il-ġdid tat-trattament tad-drenaġġ f’Ta’ Qali biex jipprovdi l-ilma għall-proġett tal-Park Nazzjonali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.