Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-medja annwali tal-livelli ta’ PM 2.5, kif irreġistrati mill-istazzjonijiet kollha ta’ monitoraġġ tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-Imtarfa — Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ tiswija
Question
Fid-dawl li t-tiswijiet neċessarji li għandhom jitwettqu fuq is-soqfa tal-kumpless ta’ garaxxijiet li jagħmlu parti minn Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa ilhom ħafna li suppost bdew, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar dawn ix-xogħlijiet ta’ tiswija?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt bejn l-entitajiet ġie ffirmat u bħalissa qed jiġi ppreparat il-programm tax-xogħlijiet sabiex il-preparamenti għall-proġett jitilqu fl-aktar żmien fis possibbli.
San Ġwann — Ċentru - Proġett ta’ tħaddir - Pjanijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min kien oriġinarjament responsabbli għad-disinn tal-pjanijiet għall-proġett ta’ tħaddir propost fiċ-Ċentru ta’ San Ġwann? Tista’ tispjega kif intgħażel u ngħata l-kuntratt min kien inkarigat li jagħmel dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kumpanija XYZ Architecture & Design kienet inħatret mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann biex tipprovdi kunċett inizjali għall-imsemmija żona. Hekk kif il-kunċett kompla jiġi żviluppat mal-Kunsill Lokali, ġiet sottomessa applikazzjoni lill-Awtorità għall-Ippjanar għall-ewwel fażi tal-proġett, dik ta’ parkeġġ taħt l-art f’Misraħ Lewża. Meta Project Green wirtet il-proġett mingħand il-Kunsill Lokali, bdiet il-proċess biex tingaġġa lil XYZ Architecture & Design biex tipprovdi l-kumplament tas-servizzi professjonali relatati ma’ dan il-proġett biex ikun jista’ jitkompla mingħajr dewmien.
Fid-dawl illi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26625, ma tqiegħdux dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra, fejn anke saret referenza għal dawn id-dokumenti fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1827, fejn ingħatat konferma dwar l-ikkummissjonar tal-istudji li kienu qegħdin jintużaw sabiex il-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna jiġi ffinalizzat, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar verżjonijiet tal-istudji li kienu kummissjonati sabiex tkun stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna, kif ukoll kopja tat-terms of reference li saru mill-Kumitat li taħt il-mansjoni tiegħu jaqa’ l-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna?
Impjant ġdid tat-trattament tad-drenaġġ f’Ta’ Qali — Studji
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28099, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji biex jidentifikaw is-sit għall-impjant il-ġdid tat-trattament tad-drenaġġ f’Ta’ Qali biex jipprovdi l-ilma għall-proġett tal-Park Nazzjonali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed kopja tal-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk fin-negattiv, kif jista’ jispjega l-għażla li tittieħed art agrikola biex fuqha jsir l-impjant imsemmi mingħajr studji li juru iswed fuq l-abjad li din kienet l-aħjar għażla?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-proġett għall-impjant tat-trattament tad-drenaġġ jinsab fil-fażi inizjali tiegħu. F’dan l-istadju għadhom qed jitħejjew l-istudji dwar it-teknoloġija u l-istima tal-impjant. Għad irid isir ukoll studju ġeotekniku tas-sit li ġie identifikat. Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar sabiex eventwalment tiġi sottomessa l-applikazzjoni lil-Awtorità tal-Ippjanar.
Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Livell ta’ impjiegi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26308, 26601, 26815, 27627, 27873, 28094 u 28437 u jgħid kemm kien il-livell ta' impjiegi li kellha tilħaq l-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa sal-2025 permezz tar-riżoluzzjoni, li fl-2019 għaddiet l-eks sptar militari lill-konċessjonarju, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, permezz ta’ enfitewsi temporanja għal perjodu ta’ 40 sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-iskola msemmija bħalissa qed topera minn skola temporanja f'Ħal Tarxien u għandha 15-il impjegat.
Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26310, 26599, 26817, 27625, 27871, 28096 u 28435 u jikkonferma jekk l-enfitewta wettaqx ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni kollha meħtieġa għall-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-proposta sottomessa mill-konċessjonarju? Jekk le, jista’ jgħid jekk id-dewmien huwiex ġustifikat u jekk kinux applikati penali għat-tali dewmien?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li għaddej il-proċess neċessarju sabiex isiru x-xogħlijiet neċessarji.
Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Livelli soċjali u ambjentali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26312, 26673, 26988, 27624, 27870, 28097 u 28434 u jiċċara x’kienu l-livelli soċjali u ambjentali li l-proġett tal-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa kellu jikseb u sa meta kellhom jinkisbu? Jista’ jgħid ukoll jekk sal-ġurnata preżenti ntlaħqux il-livelli mixtieqa u jekk le, sa meta huma proġettati li jintlaħqu u kif jistgħu jiġu kwantifikati?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28821.
Skola Internazzjonali fl-Imtarfa — Użu mill-faċilitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26311, 26672, 26989, 27623, 27869, 28098 u 28433 u jgħid jekk SportMalta u l-Imtarfa Drama Group għadhomx jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-Iskola Internazzjonali fl-Imtarfa, u jekk jirriżulta fin-negattiv, jgħid għalfejn?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li bħalissa m'hemm ħadd li qed jagħmel użu mill-iskola.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28567 u 28816 u jikkonferma li kien hemm sessjonijiet u appuntamenti ma’ professjonisti fi ħdan is-servizz CYPS li kellhom jiġu kkanċellati minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani, saħansitra ċerti każijiet fejn tfal ilhom aktar minn sena mingħajr ma jaraw psikjatra? Jista’ jispjega għaliex hemm dan in-nuqqas ta’ professjonisti, u x’miżuri qed jittieħdu biex dan jiġi indirizzat?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li kien hemm appuntamenti li ġew posposti mhux kkanċellati. Dan ġara għax xi tobba kellhom perjodu ta’ studju biex ikomplu jispeċjaliżżaw u jibqgħu jagħtu l-aħjar servizz aġġornat. Każijiet urġenti baqgħu jiġu mogħtija priorità. Infurmat li s-sitwazzjoni sejra tiġi lura għan-normal fil-futur qrib.
Ta’ Qali — Sit għall-impjant il-ġdid tat-trattament tad-drenaġġ - Studju
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28099, ġaladarba l-istudju li saret talba għalih fil-mistoqsija oriġinali, ċjoè l-istudju li sar biex jistabbilixxi s-sit għall-impjant il-ġdid tat-trattament tad-drenaġġ fuq art agrikola f’Ta’ Qali biex jipprovdi l-ilma għall-proġett tal-Park Nazzjonali, ma tqegħidx fuq il-Mejda tal-Kamra u fir-risposta ma saret ebda referenza għalih, jista’ l-Ministru issa jqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Charging stations — Responsabbiltà għal tiswijiet u manutenzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28880, tista’ l-Ministru tgħid jekk skont il-kuntratt, ir-responsabbiltà għal tiswijiet f’każ ta’ ħsarat u l-manutenzjoni taċ-charging pillars taqax biss fuq l-operatur privat? Tista’ tgħid ukoll kemm-il darba ġew irrappurtati ħsarat fiċ-charging stations pubbliċi mill-bidu tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm kienet il-medja ta’ żmien li l-operatur dam biex indirizza l-ħsarat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-responsabbiltà għal tiswijiet f’każ ta’ ħsarat u manutenzjoni taċ-charging pillars hija tal-kuntrattur. Ninsab infurmata li fil-perjodu indikat kien hemm 1,095 rapport, li kien hemm minnhom ripetuti billi l-istess ħsara ġiet rappurtata minn individwi differenti, u li l-parti l-kbira tal-każijiet ġew indirizzati fi żmien ta’ mhux aktar minn tlett ijiem.
Tista’ l-Ministru tgħid min hu l-operatur responsabbli għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u ż-żamma taċ-charging stations għall-vetturi elettriċi madwar Malta u Għawdex, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim jew kuntratt li jirregola dawn l-obbligi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ‘Charge My Ride’ hija sistema pubblika mħaddma minn kuntrattur privat, ctPark li kien ġie magħżul wara sejħa għall-offerti pubblika. Dan huwa wkoll responsabbli mill-manutenzjoni u ż-żamma taċ-charging pillars. Ninsab infurmata li l-informazzjoni ulterjuri mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u tippreġudika negozjati futuri.