Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdewx ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq it-toilets pubbliċi tal-Buskett? Jekk jirriżulta fin-negattiv, jista’ l-Ministru jgħid ir-raġuni għalfejn ix-xogħol għadu ma bediex minkejja li l-permess għal tiswija ta’ ħsarat strutturali u rikostruzzjoni kien approvat is-sena li għaddiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhu l-pjan tal-Gvern rigward it-theme park li hemm ippjanat li jsir f’Ta’ Qali? Jista’ jindika għalfejn il-Gvern iddeċieda li jmur għal dan it-tip ta’ żvilupp u jekk ġewx ikkunsidrati alternattivi oħra biex jintlaħaq l-għan oriġinali? Jista’ jgħid sa meta huwa previst li jitlesta u jibda jopera dan it-theme park, u jgħid jekk sarux kalkoli preliminari dwar kemm se jattira aktar viżitaturi lejn il-Crafts Village f’Ta’ Qali?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-pjan huwa li dak li sal-lum u għal diversi snin, ilu jsir b’ mod temporanju, se jinbidel fi proġett permanenti ta’ kwalita marbuta mal-kultura u l-istorja Maltija u jiġi integrat mal-Artisinal Village. Aktar dettalji, inkluż is-sejħa se jkunu pubbliċi fil-ġimgħat li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba, matul l-aħħar ħames snin, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), bħala konsulent estern, fetħet appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) kontra permess ta’ żvilupp li jkun ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar minkejja li l-ERA kienet oġġezzjonat b’mod formali fil-perjodu ta’ rappreżentazzjoni? F’dawk l-appelli mressqa mill-ERA quddiem l-EPRT matul dawn l-aħħar ħames snin, f’kemm-il każ l-EPRT laqgħet kompletament jew parzjalment l-appell tal-ERA, u f’kemm-il każ ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni tal-PA?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-perjodu indikat, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi m’għamlitx appelli quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT).
Applikazzjoni biex issir bankina ġdida fi triq eżistenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni biex issir bankina ġdida fi triq eżistenti, u jgħid jekk ir-responsabbiltà taqax għand entitajiet pubbliċi differenti skont il-kategorija tat-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont il-Kapitolu 499, Artikolu 7, l-Awtorità tat-Trasport għandha s-setgħa u l-funzjoni li tippjana, tiddisinja, tirregola u tawtorizza faċilitajiet tat-traffiku stradali għall-finijiet tal-immaniġjar tat-traffiku u kontroll.
Il-proċedura hi li l-Kunsill Lokali jipproponi l-miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku (f’dan il-każ bankina) u l-Awtorità teżamina u tawtorizza skont il-każ.
Tista’ l-Ministru telenka lista bil-proġetti kollha ta' Project Green li bdew u tlestew, dawk li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuqhom u għadhom pendenti, kif ukoll dawk li għadhom fi stadju ta' ppjanar u/jew konsultazzjoni? Tista’ tgħid kull wieħed meta beda, meta tlestew (jekk tlestew), u f'każ li għadhom pendenti meta huwa mistenni li jitlestew? Tista’ wkoll tgħid, kemm swew jew se jiswew, il-lokalità u post fejn jinsabu, u deskrizzjoni qasira ta’ kull proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.
Fish farms - Rapporti ta’ monitoraġġ - Slime pollution
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kwalunkwe rapport ta’ monitoraġġ fuq il-fish farms li saru mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) b’relazzjoni mal-problema ta’ slime pollution li kien hawn fl-ibħra u x-xtajtiet fix-xhur li għaddew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument rigward 128 spezzjoni marittima mwettqa mill-ERA matul is-sajf tal-2025 bħala parti mill-monitoraġġ fuq il-fish farms tat-tonn. Dawn jinkludu kemm spezzjonijiet proattivi mingħajr ebda avviż fir-rigward tal-operaturi tal-fish farms, kif ukoll spezzjonijiet relatati ma' investigazzjonijiet ta' lmenti li ġew rappurtati lill-ERA fuq allegat slime fil-baħar. Jinżamm rendikont immedjat ta’ x’irriżulta waqt l-istess spezzjoni għal fini ta’ konformità mal-permess ambjentali tal-istess operaturi, u fejn jirriżulta li m’hemmx konformità mal-permess ambjentali tittieħed azzjoni tal-infurzar skont iċ-ċirkustanza.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il skimmer għandu kull operatur tal-fish farms u kemm minnhom jintużaw fl-istess ħin matul l-operat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-operaturi tal-fish farms għandhom obbligu li jkollhom kontinġenza ta’ prevenzjoni biex jiġi evitat skular ta’ żjut fil-baħar, mingħajr indikazzjoni speċifika dwar it-tagħmir li għandu jintuża. Hemm xi operaturi li għandhom skimmer, però kif ingħad, it-tip ta’ tagħmir mhux speċifikat fil-permess.
Tista’ l-Ministru telenka lista sħiħa u dettaljata tal-każijiet kollha fejn kien hemm ksur tal-liġijiet u/jew tar-regolamenti ambjentali mill-operat tal-fish farms, li tindika n-natura ta’ kull ksur u l-multi amministrattivi imposti rispettivament, kif ukoll kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju li saret f’kull każ matul l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-każ ta’ backfilling illegali f’barriera li tinsab fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Katerina fir-Rabat, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa tal-method statement għar-restawr tas-sit sottomess lill-Awtorità tal-Ippjanar u sussegwentement mibgħut lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-
method statement
għar-restawr tas-sit, sottomess lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, għadu mhux aċċettabbli għall-Awtoritajiet. Għaldaqstant mhux opportun li tali dokument jiġi ppubblikat qabel ma jiġi approvat.
B’referenza għall-każ ta’ backfilling illegali f’barriera li tinsab fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Katerina fir-Rabat, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa tal-method statement għar-restawr tas-sit sottomess lill-Awtorità tal-Ippjanar u sussegwentement mibgħut lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 31879.
Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar is-sitwazzjoni u l-infurzar kontra backfilling illegali f’barriera li tinsab fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Katerina fir-Rabat, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-surveyor’s report?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħadu passi sabiex ma jidħolx aktar materjal fil-barriera tal-qawwi HSQ32 li qiegħda fl-inħawi ta’ Santa Katerina, limiti tar-Rabat (Malta). L-operatur ingħata struzzjonijiet biex ma jdaħħalx aktar materjal fuq is-sit, imma għandu jibda jnaqqas u jneħħi l-materjal żejjed li kien intefa’ fuq medda ta’ snin. Għal dan il-għan, sabiex jiġi kkontrollat l-aċċess, ġew installati CCTV cameras għall-monitoraġġ tal-movimenti ta’ vetturi deħlin jew ħerġin mill-barriera, kif ukoll twaħħlu tabelli li juru li l-barriera mhix taċċetta aktar materjal. L-Awtoritajiet qegħdin jesigu mal-operatur tas-sit u l-perit tiegħu sabiex jiġi sottomess works method statement (WMS) aċċettabbli biex tiġi rrestawrata l-barriera. Ftit tal-jiem ilu, il-perit tal-operatur issottometta
method statement
ta’ kif se jitneħħa l-materjal żejjed, b’timeframes speċifiċi biex dan iseħħ. L-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi qegħdin jevalwaw dan il-method statement biex jaraw jekk hux aċċettabbli fl-aħjar interess tar-residenti u l-ambjent tal-madwar, u jkun jista’ jiġi attwat.
Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar is-sitwazzjoni u l-infurzar kontra backfilling illegali f’barriera li tinsab fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Katerina fir-Rabat, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-surveyor’s report?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 30425, nitlobha tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.
Ta’ Qali - Picnic area - Dokumentazzjoni dwar il-kwalità tal-materjal
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dokumentazzjoni teknika dwar il-kwalità tal-materjal li ntuża biex inksiet iż-żona tal-picnics f’Ta’ Qali?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22247 dwar multi amministrattivi maħruġa għal ksur tar-regolamenti tal-immaniġġjar tal-iskart relatati mal-ġbir tal-iskart, tista’ l-Ministru tgħid:
i. kemm mill-multi amministrattivi ġew imħallsa mill-ewwel;
ii. kemm ġew kontestati quddiem il-bord kompetenti;
iii. kemm minn dawk il-multi kontestati ġew maħfura;
iv. kemm mill-multi ġew ridotti; u
v. kemm każijiet spiċċaw quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.
Tista’ l-Ministru tagħti break down dettaljata fejn tindika l-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont is-settur matul il-perjodu Q1 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li nkun nista’ ngħaddi l-informazzjoni relatata meta din tkun konkluża skont l-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) għall-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra (GHG). Malta taħdem b’konformità ma’ dawn ir-regoli li jeħtieġu li s-sottomissjonijiet ikunu bbażati fuq data verifikata mis-sentejn kalendarji preċedenti.
Infurmata wkoll li għall-perjodu li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta hemm statistika preliminari tal-Eurostat li tuża mudelli differenti minn dawn, liema statistika indikat xejriet pożittivi għal pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid mill-applikazzjonijiet għas-Severe Disability Grant minn persuni li jbatu mill-Fibromyalgia li ġew sottomessi minn Jannar tal-2024 ’l hawn, kemm talbiet ġew aċċettati, kemm ġew irrifjutati, u kemm minnhom għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.