Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Qali - Picnic area - Dokumentazzjoni dwar il-kwalità tal-materjal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31877 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dokumentazzjoni teknika dwar il-kwalità tal-materjal li ntuża biex inksiet iż-żona tal-picnics f’Ta’ Qali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub.

Ta’ Qali - Picnic area - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31878 u jgħid kemm kienet l-ispiża għall-materjal u x-xogħol biex iż-żona tal-picnics f’Ta’ Qali nksiet bir-ramel u ż-żrar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża għax xogħol ta’ manutenzjoni fuq wiċċ l-art tal-ispazju kollu u service roads tal-madwar, tammonta għal €311,141.84 (Vat mhux inkluż).

Fish Farms – Ksur ta’ liġijiet ambjentali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31883 u telenka lista sħiħa u dettaljata tal-każijiet kollha fejn kien hemm ksur tal-liġijiet u/jew tar-regolamenti ambjentali mill-operat tal-fish farms, li tindika n-natura ta’ kull ksur u l-multi amministrattivi imposti rispettivament, kif ukoll kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju li ttieħdet f’kull każ matul l-aħħar ħames snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li fl-aħħar ħames snin, bejn l-2020 u l-2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet 22 multa amministrattiva fil-konfront ta’ operaturi tal-fish farms. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi d-dettalji ta’ dawn il-multi. Dawn l-azzjonijiet ta’ infurzar ittieħdu wara li, minn spezzjonijiet kontinwi li jitwettqu mill-Awtorità, instabu nuqqasijiet ta' konformità u/jew ksur tal-permessi ambjentali mill-istess operaturi. L-azzjonijiet ta’ rimedju elenkati kienu ingħataw mill-uffiċjali tal-ERA fuq il-post immedjatament waqt l-ispezzjonijiet li sussegwentement wasslu għall-ħruġ tal-multi.

Project Green - Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32002 u telenka lista bil-proġetti kollha ta' Project Green li bdew u tlestew, dawk li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuqhom u għadhom pendenti, kif ukoll dawk li għadhom fi stadju ta' ppjanar u/jew konsultazzjoni? Tista’ tgħid kull wieħed meta beda, meta tlestew (jekk tlestew), u f'każ li għadhom pendenti meta huwa mistenni li jitlestew? Tista’ wkoll tgħid kemm swew jew se jiswew, il-lokalità u l-post fejn jinsabu, u tagħti deskrizzjoni qasira ta’ kull proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fl-aħħar tliet snin tellaqna diversi proġetti u mill-bidu tal-leġiżlatura s’issa, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, waħedhom wettqu 64 proġett differenti mifruxin madwar il-pajjiż, li qed nagħti lista tagħhom fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-ħidma fuq dawn il-proġetti hija maqsuma fuq tliet binarji: il-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda, ir-riġenerazzjoni ta’ spazji li kienu mitluqin għal ħafna snin kif ukoll widien, u ż-żamma aħjar ta’ spazji eżistenti. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li filwaqt li Project Green hija responsabbli mill-maġġoranza tal-proġetti u nħolqot proprju għalhekk, proġetti oħra saru wkoll, qegħdin isiru jew se jitwettqu minn entitajiet oħrajn li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Barra minn hekk, dan l-isforz huwa mifrux mal-gvern kollu b’entitajiet u ministeri differenti jagħtu l-kontribut huma wkoll b’diversi proġetti li saru jew qegħdin isiru min-naħa tagħhom. Il-proġetti jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna ġodda u proġetti oħrajn ta’ tħaddir fil-lokalitajiet. Fil-każ tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani l-għan huwa li dawn ikunu jintlaħqu mill-familji fi ftit minuti mixi mid-djar tagħhom. Apparti t-tisħiħ tal-biodiversità bit-tħawwil ta' siġar u arbuxelli kif ukoll sistemi ta' irrigazzjoni għat-tisqija tagħhom, il-proġetti fejn ikun possibbli jkunu jinkludu faċilitajiet varji bħal spazji għal picnics u rilassament, logħob għat-tfal b’materjal sostenibbli, apparat ta’ taħriġ fiżiku, u art magħmula minn materjal permeabbli. Ix-xogħlijiet isiru bi prattiċi u materjali sostenibbli, filwaqt li tkun assigurta l-aċċessibiltà għal kulħadd. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra dokument ieħor bl-informazzjoni mitluba dwar il-proġetti li diġà saru min-naħa ta’ Project Green, kif ukoll dawk li qed timplimenta bħalissa u oħrajn li hemm ippjanati wkoll minnha.

Imwiet kawża tat-tniġġis tal-arja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32006 u jipprovdi data uffiċjali dwar in-numru annwali ta’ mwiet attribwiti għat-tniġġis tal-arja għal kull sena matul l-aħħar għaxar snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li tipikament l-imwiet mit-tniġġis jiġu rrappurtati bħala ‘estimated attributable mortality’, aktar milli għadd dirett.  Dan għaliex l-imwiet relatati mat-tniġġis ħafna drabi jirriżultaw minn espożizzjoni kronika li taggrava l-kundizzjonijiet sottostanti. L-aġenziji internazzjonali tas-saħħa pubblika jużaw mudelli epidemjoloġiċi biex jorbtu l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu (bħal PM2.5, NO₂, u ożonu) ma’ riskji akbar ta’ mard bħal mhuma mard tal-qalb, puplesija, kanċer tal-pulmun, u infezzjonijiet respiratorji. Dawn il-mudelli japplikaw fatturi ta’ riskju relattivi derivati ​​minn studji ta’ gruppi kbar għal dejta dwar l-espożizzjoni tal-popolazzjoni, u jipproduċu stimi ta’ mwiet li jkunu prematuri. Minħabba li dawn huma stimi statistiċi, ġeneralment jiġu espressi bħala mwiet annwali attribwibbli għat-tniġġis, mhux bħala ċertifikati tal-mewt individwali li jiċċitaw it-tniġġis bħala l-kawża.

Scrapyard – multi amministrattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27000 li saret fl-1 ta’ April 2025, peress illi l-Ministru kkonfermat li l-iscrapyard fil-Marsa li riċentement inħakmet min-nirien kienet ukoll suġġetta għal multi amministrattivi, u peress illi dawn il-multi mhumiex informazzjoni pubblika minkejja talbiet ripetuti mill-Oppożizzjoni, tista’ l-Ministru tipprovdi tagħrif dettaljat dwarhom, inkluż id-data meta ġew infurzati, għal liema ksur jew nuqqas ingħataw, l-ammont tagħhom, u jekk tħallsux jew le?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Permessi ta’ Scrapyard

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27000 li saret fl-1 ta’ April 2025, tista’ l-Ministru tindika meta tpoġġew fuq is-sit elettroniku tal-permessi tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) is-supporting documents marbuta ma’ dan il-permess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li hekk kif indikat fuq is-sit tal-ERA https://era.org.mt/topic/scrapyards/ il-permess ġie ppubblikat fid-9 ta’ Mejju 2023. Infurmata wkoll li dan il-permess kien jelenka pubblikament is-supporting documents kollha għal min kellu interess li jitlob aċċess għalihom. Riċentement dawn id-dokumenti ttellgħu kollha fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għal iżjed aċċessibbiltá.

Il-Marsa – Scrapyard – permessi sospiżi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) issospendiet il-permess ambjentali li kienet approvat fl-2023 għall-iscrapyard fil-Marsa li reċentement inħakmet min-nirien?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) issospendiet b’mod immedjat il-permess ambjentali EP0025/22 fil-21 ta’ Novembru 2025.

Siti Natura 2000 – Management Plans

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema siti ta’ Natura 2000 huma rregolati permezz ta’ Management Plan u liema permezz ta’ Ordni ta’ Konservazzjoni bħalissa? Tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni dwar id-data tal-approvazzjoni tal-pjan/ordni għal kull sit, u d-data għar-reviżjoni li jmiss?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru kemm is-siti li huma regolati permezz ta’ Management Plan kif ukoll is-siti li huma koperti b’Ordni ta’ Konservazzjoni. It-tabelli jinkludu wkoll id-data ta’ approvazzjoni u meta hu ppjanat li ssir ir-reviżjoni.

Natura 2000 – Lista ta’ siti

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar lista uffiċjali tas-siti kollha ta’ Natura 2000, flimkien mal-mapep li jindikaw il-boundaries rispettivi u l-iStandard Data Form għal kull sit? Tista’ tgħid ukoll x’inhuma l-għanijiet ta’ konservazzjoni attwali u liema huma l-habitats u l-ispeċi kwalifikanti ewlenin għal kull sit?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-siti Natura 2000 huma koperti bil-liġi Maltija taħt S.L.549.44 bħala Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni – Siti ta’ Importanza Internazzjonali jew bħala Żoni ta’ Ħarsien Speċjali. Dawn jinsabu bħala listi, flimkien mal-mapep, f’dawn li ġejjin: ·    Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni – Siti ta’ Importanza Internazzjonali: G.N. 682 of 2018​ (baħar), G.N. 1522 of 2019 (art) ·    Żoni ta’ Ħarsien Speċjali: G.N. 682 of 2018​ (baħar), G.N. 1522 of 2019 (art), G.N. 1843 of 2025 (art) Is-siti jiffurmaw parti min-Network Natura 2000 skont il-passi meħtieġa mill-Kummissjoni Ewropea. Għaż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni hemm proċess legali li jwassal għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni; l-aħħar waħda għall-Mediterran hija (UE) 2025/257 tas-7 ta’ Frar 2025 li tadotta t-tmintax-il aġġornament tal-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Mediterran – https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=OJ:L_202500257. Għaż- Żoni ta’ Ħarsien Speċjali, dawn isiru parti min-Network hekk kif il-pajjiż membru jibgħat l-iStandard Data Form skont il-proċess meħtieġ. L-iStandard Data Forms (SDFs), flimkien mal-mapep, jinsabu f’dawn li ġejjin: ·    Is-sit fejn jiġu sottomessi lill-Kumissjoni Ewropea: https://cdr.eionet.europa.eu/mt/eu/n2000 ·    Is-sit tal-Environment & Resources Authority: https://era.org.mt/topic/natura-2000-datasheets-maps/ L-ambjenti naturali u l-ispeċi għalxiex sit ġie kwalifikat jinsabu fl-iStandard Data Form. L-għanijiet ta’ konservazzjoni huma msejsa skont dawn l-ambjenti naturali u speċi li għalihom ikun ġie magħzul sit speċifiku. Għaldaqstant, ikun hemm il-proċess fejn jiġu identifikati l-objettivi u miżuri ta’ konservazzjoni. Dawn insibuhom kif ġej: ·    Siti tal-art: https://era.org.mt/topic/natura-2000-management-planning-for-terrestrial-sites-in-malta-gozo/. Bħalissa, l-ERA għaddejja b’eżerċizzju biex ikunu riveduti l-objettivi u l-miżuri ta’ konservazzjoni. F’dan l-istadju huma lesti u addottati dawk għal 13-il sit: https://era.org.mt/wp-content/uploads/2021/03/SET-1_Natura-2000-Conservation-Objectives-Measures_DIGITAL.pdf. Fl-istess waqt għadu kif kien hemm konsultazzjoni pubblika dwar 10 siti oħra (ta’ Għawdex): https://era.org.mt/public-consultation-conservation-objectives-and-measures-for-maltas-terrestrial-natura-2000-sites-set-2-gozo/. L-objettivi u l-miżuri qed jiġu riveduti għas-siti l-oħrajn, fi gruppi – u se joħorġu għall-konsultazzjoni pubblika matul ix-xhur li ġejjin. ·    Siti tal-baħar: https://era.org.mt/wp-content/uploads/2023/02/MPAs-Conservation-Objectives-and-Measures_final_Feb2023.pdf Qed inpoġġi screenshots tal-links kollha fuq il-Mejda tal-Kamra.

Formularju tal-Gvern – Alendronic Acid 70 mg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew meta se jkunu inklużi fil-Formularju tal-Gvern, l-Alendronic Acid 70 mg tablets?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li din is-sena fil-formularju tal-Gvern daħlet il-kategorija mediċinali ta’ ‘ oral bisphosphonate ’. Bħalissa, il-mediċina li qed tinxtara minn din il-kategorija hija l-‘Ibandronic acid’.

Baġit – Nefqa fuq promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali li saret għall-promozzjoni tal-Baġit 2026, inklużi l-ispejjeż relatati mar-reklamar fuq il-midja tradizzjonali u diġitali, il-midja soċjali, materjal stampat u kwalunkwe kampanja ta’ komunikazzjoni oħra relatata ma’ dan il-Baġit?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Il-Buskett – Toilets pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdewx ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq it-toilets pubbliċi fil-Buskett? Jekk le, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol għadu ma bediex minkejja li l-permess għal tiswija ta’ ħsarat strutturali u rikostruzzjoni kien approvat is-sena li għaddiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Miżuri dwar skart

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32012 u tgħid x’miżuri tieħu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiġu evitati każijiet fejn jiġu imposti multi lil persuna żbaljata għal boroż/kaxxi/konenituri b’isem u/jew dettalji ta’ xi ħadd stampat fuqhom li jiġu mormija, deliberatament jew le, f’post pubbliku minn persuna terza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) primarjament jippruvaw jaqbdu persuna fil-fatt, iżda meta dan ma jkunx possibbli, l-multa tinħareġ fuq kwalunkwe dettalji li jinstabu li jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ persuna.

Policy dwar skart

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32011 u tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhiex policy jew linji gwida uffiċjali li jgħidu li f’każ li tinsab borża ta’ skart b’indirizz jew dettalji oħra ta’ identifikazzjoni stampati fuqha f’post pubblika, din waħedha titqiesx bħala ‘sufficient evidence’ biex tinħareġ Notice of Intent to Impose an Administrative Fine? Jekk teżisti tali policy, tista’ l-Ministru tgħid meta ġiet approvata, fejn tinsab fuq is-sit elettroniku tal-awtorità? Jekk jirriżulta fin-negattiv, fuq liema bażi qed jinħarġu dawn il-multi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proċedura f’tali każijiet hija li tintuża l-aktar prova b’saħħitha li twassal għall-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ikkommettiet il-kontravenzjoni, fejn f’ċerti istanzi din tkun indirizz fuq borża jew kaxxa. Il-proċedura legali li twassal għall-ħruġ ta’ Notifikazzjoni tal-Intenzjoni biex tiġi imposta multa aministrattiva (Notice of Intent to Impose an Administrative Fine) hija fil-kamp legali amministrattiv, u allura hija prova suffiċjenti. Dawn il-multi jinħarġu in linea mal-proċedura f’artikoli 80 u 81 tal-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (KAP549), li jistipula wkoll ir-rimedji legali li persuna għandha f’każ li tirċievi tali notifika.

Rapport tal-awditjar - Deals 2024

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kama kopja tar-rapport tal-awditjar dwar il-105 deals li ġew analizzati mill-Awtorità tal-Artijiet li għamlet referenza għalihom iċ-Chief Auditor tal-istess Awtorità fir-rapport annwali tas-sena 2024?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-awditjar dwar il-105 deals huma inklużi fl-Internal Audit Annual Reports 2024 tal-Awtorita’ tal-Ippjanar li kopja tiegħu diġà giet preżentata fil-Parlament.

Miżuri dwar skart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri tieħu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiġu evitati każijiet fejn jiġu imposti multi lil persuna żbaljata għal boroż/kaxxi/konenituri b’isem u/jew dettalji ta’ xi ħadd stampat fuqhom li jiġu mormija, deliberatament jew le, f’post pubbliku minn persuna terza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Policy dwar skart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhiex policy jew linji gwida uffiċjali li jgħidu li f’każ li tinsab borża ta’ skart b’indirizz jew dettalji oħra ta’ identifikazzjoni stampati fuqha f’post pubblika, din waħedha titqiesx bħala ‘sufficient evidence’ biex tinħareġ Notice of Intent to Impose an Administrative Fine ? Jekk teżisti tali policy, tista’ l-Ministru tgħid meta ġiet approvata, fejn tinsab fuq is-sit elettroniku tal-awtorità? Jekk jirriżulta fin-negattiv, fuq liema bażi qed jinħarġu dawn il-multi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Multi amministrattivi fuq skart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il multa amministrattiva nħarġet fl-2024, u mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-lum, mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’każijiet ta’ littering fejn l-unika evidenza kienet borża jew kontenitur bl-isem jew indirizz tal-allegat kontravenjent? F’dawn il-każijiet imsemmija, kemm minnhom wasslu biex tiġi imposta multa effettiva u f’kemm-il każ il-Bord aċċeda għall-petizzjonijiet sottomessi lilu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kemm matul l-2024 u l-2025, kien hemm numru ta’ multi maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) abbażi ta’ dettalji personali ta’ individwi misjuba f’boroż tal-iskart li jkunu nħarġu fil-ġurnata jew ħin mhux skont l-Iskeda Nazzjonali għall-Ġbir tal-Iskart. Biss, filwaqt li jista’ jingħata t-total ta’ multi maħruġin fil-perjodu konċernat, tali klassifikazzjoni u livell ta’ dettall mitlub mill-Onor. Interpellanta ma jinżammx fis-sistema elettronika uffiċjali tal-Awtorità.