Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-kawża teknika li wasslet biex reċentement tiġġarraf parti mill-ħajt f’Wied Speranza, il-Mosta, ftit ġimgħat biss wara li tlesta x-xogħol ta’ restawr/rikostruzzjoni fuqu? Tista’ tgħid ukoll jekk l-entità responsabbli hux qed tinvestiga min għandu jerfa’ r-responsabbiltà għal din il-ħsara u għaliex l-istruttura ma felħitx għall-maltemp? Tista’ tgħid ukoll jekk hijiex għaddejja investigazzjoni biex tiġi kkonfermata l-integrità strutturali tal-bqija tal-ħajt u biex jiġi żgurat li x-xogħol li sar huwa sikur, u li l-ħajt mhux f’riskju li jċedi?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk jeżistix Memorandum of Understanding bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Università ta’ Malta, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li iva hemm Memorandum of Understanding fis-seħħ bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Università ta’ Malta. Qiegħda npoġġi kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Qorti tal-Maġistrati – Deċiżjoni – Passi biex jitneħħa periklu
Question
B’referenza għas-sentenza tal-Qorti fil-kawża numru 6001/2025, deċiża nhar id-19 ta’ Settembru 2025, fejn il-Qorti għamlet referenza għall-Avviż ta’ Infurzar EN 555/09 u ddikjarat dan li ġej:
“...Kummissarju tal-Pulizija u wisq aktar mill-Awtorita’ tal-Ippjanar u din tal-ahhar kienet u ghada tkaxkar saqajha minkejja l-Avviz ta’ Infurzar numru EN 555/09 wara tant snin.
Il-Qorti ghalhekk qeghda tordna li kopja ta’ din is-sentenza tigi komunikata minnufih lill-Kap Ezekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex in vista’ ukoll tar-rapport tekniku li jindika car u tond li hemm potenzjal ta’ tragedja, jiehdu passi immedjati u urgenti sabiex fost ohrajn jitnehha l-periklu imminenti mill-imsemmi sit.
”
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara d-data ta’ din is-sentenza, ittieħdux il-“passi immedjati u urġenti sabiex... jitneħħa l-periklu imminenti”, u x’kienu speċifikament? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx ċertifikazzjoni minn Perit dwar jekk is-sit huwiex ikkunsidrat bħala sikur, u jekk fl-affermattiv, iqiegħed kopja ta’ dik iċ-ċertifikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sentenza msemmija kienet mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali. Il-Qorti ma sabitx lill-imputat ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba kontra tiegħu. Iżda, fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti rreferiet għall-allegazzjonijiet magħmula minn kwerelant terz fir-rapport li sar minn perit tekniku imqabbad mill-kwerelant stess, u anke saret referenza għall-“Avviż ta’ Infurzar numru EN 555/09”. Dan ir-rapport tekniku jirrakkomanda li ma jsirx aktar tfigħ ta’ materjal fuq is-sit, u l-materjal li għola ’l fuq mil-livell tat-terren ’il barra mis-sit għandu jitneħħa.
Ta’ min jirrileva li s-sit huwa barriera tal-qawwi munita b’liċenzja antika bħala barriera numru 32, kif ukoll bil-permess ta’ żvilupp PA/1807/99 li approva “
To sanction mobile crusher re-location and adjacent structures, offices at entrance, garages and structures under construction
.” Sussegwentement kien inħareġ l-Avviż ta’ Waqfien u Twettiq numru EC/0555/09 peress li kienet tneħħiet ħamrija, sar tqattigħ ta’ blat, u kien qiegħed isir operat ta’ barriera tal-qawwi ’l barra mil-limiti liċenzjati.
Illum il-ġurnata, qiegħed isir monitoraġġ tas-sit mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex ikun żgurat li ma jsirx aktar tfigħ ta’ materjal li jkun miġjub minn barra s-sit. Għal dan l-iskop twaħħlu CCTV cameras u anke tabelli ta’ twissija. Dan il-monitoraġġ jgħodd għas-sit kollu, u mhux għall-parti li taffettwa lill-kwerelant biss.
Sid il-barriera ssottometta
Restoration Method Statement
dettaljat, li kien ippreparat minn perit tekniku mqabbad mis-sid, sabiex il-materjal żejjed li ġie depożitat (jiġifieri dak il-materjal li għola ’l fuq mil-livell tat-terren oriġinali qabel ma bdiet titħaffer il-barriera liċenzjata) jitneħħa b’mod sistematiku u fuq perjodu ta’ żmien raġonevoli. Dan il-
Method Statement
qiegħed jiġi rivedut minn esperti tekniċi tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.
Tista’ l-Ministru tgħid x’rekwiżiti jrid jissodisfa applikant biex tinħareġ liċenzja għat-twettieq ta’ attivitajiet u servizzi ta’ waste brokerage?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellanta li tinsab ukoll aċċessibbli mis-sit elettroniku tal-ERA permezz ta’ dan il-
link
.(https://era.org.mt/topic/waste-brokers-forms/)
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’termini ta’ FTE li r-responsabbiltajiet tagħhom huma relatati mal-immaniġġjar, il-monitoraġġ u l-infurzar, fost oħrajn, tas-siti Natura 2000?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għad-dewmien fit-tlestija ta’ Triq il-Lanterna (it-triq li twassal għall-fanal tal-Ġordan), u meta huwa ppjanat li jitlesta l-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parti d-dejqa ta’ din it-triq kienet qiegħda iċċedi u saru l-interventi neċessarji ta’ piling u rinfurzar sabiex dan ma iseħħx.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk iċ-ċentru ta’ riċiklaġġ f’Ta’ Qali ngħalaqx għal xi perjodi matul l-2025, u jekk fl-affermattiv, tgħid għal kemm żmien il-faċilità ma kinitx qed taċċetta skart?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-CA sites tal-WasteServ huma miftuħin kuljum ħlief f’Jum il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Fil-każ tas-sit f’Ta’ Qali, dan kien magħluq ukoll mill-1 ta’ Diċembru sat-18 ta’ Diċembru 2025 minħabba xogħlijiet fit-toroq fiż-żona li għamlu s-sit inaċċessibbli. Kull min xtaq juża s-sit f’Ta’ Qali ġie ddevjat lejn is-siti l-oħra fil-viċinanza, prinċipalment dawk fl-Imrieħel u l-Magħtab.
Bajja ta’ Spinola u l-madwar - Ħmieġ f’wiċċ il-baħar - Rapporti ta’ investigazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti bir-riżultati tal-investigazzjoni li wettqet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wara li reċentement intlemaħ ħmieġ f’wiċċ il-baħar fil-Bajja ta’ Spinola u l-madwar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru 2025, uffiċjali tal-infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) spezzjonaw il-Bajja ta’ Spinola u l-madwar biex jiddeterminaw is-sors tal-allegat ħmieġ f’wiċċ il-baħar. Ġie stabbilit li l-materjal madwar il-kosta kien jikkonsisti f’ammont ta’ ragħwa tal-baħar imħallta ma’ debris u materjal organiku ieħor li nġarru mill-irjieħat prevalenti tal-Lvant u akkumulaw fil-bajja wara l-maltemp fil-ġranet preċedenti. Fiċ-ċirkustanzi, ma kienet meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri ta’ infurzar ħlief li ġew infurmati d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni għal kwalunkwe azzjoni neċessarja fil-bajja.
L-Imtarfa - Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ tiswija
Question
B’referenza għall-email mibgħuta nhar is-16 ta’ Settembru 2025 mill-Awtorità tad-Djar fejn ingħad li x-xogħol tat-tibdil tas-soqfa tal-garaxxijiet fil-Qasam Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa kien mistenni li jinbeda fil-bidu ta’ Novembru, u b’referenza wkoll għall-ittri postali li ntbagħtu biex is-sidien ibattlu l-garaxxijiet u jżarmaw il-bibien, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar dawn ix-xogħlijiet ta’ tiswija u jgħid meta huwa mistenni li jibdew peress illi t-timeline stabbilit ma nżammx?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, f’dan il-każ, ix-xogħlijiet jinsabu f’fażi ta’ preparazzjoni skont il-proċedura stabbilita mill-BCA (Circular 4), u permezz tal-periti responsabbli qed isir il-ħidma meħtieġa biex jintlaħqu l-approvazzjonijiet u l-clearances neċessarji sabiex ix-xogħlijiet jibdew mill-aktar fis possibbli.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra tar-riżenja tal-eks Chairman tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija kumpanija ta’ natura public limited company (plc) u, għaldaqstant, topera b’mod awtonomu skont il-liġijiet kummerċjali applikabbli. Fid-dawl ta’ dan, u peress li l-ittra tar-riżenja tal-eks Chairman tifforma parti minn dokumentazzjoni interna u kunfidenzjali tal-kumpanija, ma jkunx xieraq u lanqas possibbli li din titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ Qali - Picnic Area - Xogħlijiet - Direct order
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk approvax id-direct order biex iż-żona tal-picnics f’Ta’ Qali nksiet bir-ramel u ż-żrar, u jgħid x’kienet il-ġustifikazzjoni provduta biex saret it-talba għal direct order?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tan-notifika ta’ żvilupp tax-xogħlijiet fil-picnic area f’Ta’ Qali, inklużi l-pjanti u l-elevazzjonijiet, kif ukoll kopja tar-risposta mogħtija mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li fejn għandu x’jaqsam xogħlijiet f’Ta’ Qali, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha l-applikazzjoni bin-numru PA/08356/24.
Ta’ Qali - Picnic Area - Xogħlijiet approvati mill-ERA u Project Green
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-approvazzjonijiet mogħtija kemm mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u kemm minn Project Green biex setgħu jsiru x-xogħlijiet fil-picnic area f’Ta’ Qali, hekk kif jistipula l-Avviż Legali 85 tal-2025 dwar proġetti ta’ tħaddir minn aġenziji tal-Gvern, fost oħrajn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmata li fejn għandu x’jaqsam xogħlijiet f’Ta’ Qali, kienet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li kienet ikkonsultata dwar PA/08356/24.
Il-Marsa - Triq Garibaldi - Nirien fl-iscrapyard - Spiża totali
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hi stmata l-ispiża totali li ġarrab il-pajjiż, b’mod partikolari f’termini ta’ riżorsi umani, riżorsi materjali bħall-ilma, kif ukoll interruzzjonijiet, biex l-awtoritajiet kompetenti setgħu jikkontrollaw u jitfu n-nirien li ħakmu scrapyard fi Triq Garibaldi, il-Marsa, nhar il-21 ta’ Novembru, 2025?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor.Interpellanta biex tagħmel din l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Il-Marsa - Triq Garibaldi - Nirien fl-iscrapyard - Spiża totali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi stmata l-ispiża totali li ġarrab il-pajjiż, b’mod partikolari f’termini ta’ riżorsi umani, riżorsi materjali bħall-ilma, kif ukoll interruzzjonijiet, biex l-awtoritajiet kompetenti setgħu jikkontrollaw u jitfu n-nirien li ħakmu scrapyard fi Triq Garibaldi, il-Marsa, nhar il-21 ta’ Novembru, 2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-ewwel stimi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili juru li din l-operazzjoni swiet madwar €166,000.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-impjant ta’ emerġenza f’Delimara ntużax fis-sena 2024 jew f’okkażjoni oħra minn meta ġie installat? Jekk fl-affermattiv, tista’ tindika d-dati u l-ħin meta dan l-impjant intuża?
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32819 u tagħti rendikont dettaljat tan-nefqa fil-marketing u PR mill-aġenzija Project Green minn meta twaqqfet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Project Green għaddejja b’xogħol kbir madwar il-pajjiż biex ikollna iktar spazji miftuħa ġodda, fosthom f’postijiet li kienu maħsuba għall-iżvilupp, tirriġenera spazji miftuħa li tħallew mitluqa għal ħafna snin, filwaqt li tieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tagħhom.
Project Green qed tintervjeni wkoll f’postijiet naturali bħal widien biex tgħamilhom iktar aċċessibbli u siguri, kif ukoll nediet skemi biex tagħti opportunità lin-nies jagħmlu l-parti tagħhom, bħal fost oħrajn bit-tħawwil tas-siġar.
Fix-xogħol li tagħmel Project Green torganizza wkoll numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika sa minn qabel it-tfassil tal-proġetti. Filwaqt li dan hu evidenti ħafna fil-mod kif qed naħdmu fuq it-tliet proġetti ta’ parks nazzjonali, din hija l-prassi anke fi proġetti oħra fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fejn Project Green organizzat 50 laqgħa ta’ konsultazzjoni.
Biex dan ix-xogħol kollu jasal għand il-familji u l-familji jagħmlu tagħhom dawn il-proġetti Project Green tieħu ħsieb li kontinwament tagħmel inizjattivi ta’ informazzjoni, kif ukoll torganizza numru ta’ attivitajiet.
Fil-fatt, mill-2023 sa din is-sena Project Green organizzat 21 tip ta’ attività differenti b’uħud minnhom isiru iktar minn darba (normalment fi ġranet differenti, għalkemm kien hemm każi fl-istess jum) għal total ta’ 41 attività. Dawn l-attivitajiet ikunu jirrikjedu loġistika li f’diversi każi anke tkun offruta b’xejn lil NGOs li jipparteċipaw, kif ukoll is-sehem ta’ artisti jew entertainers professjonali.
Ninsab infurmata li fl-2023 Project Green investiet €112,000 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €122,000 f’informazzjoni kemm dwar l-attivitajiet kif ukoll dwar il-proġetti li nistiednu lin-nies iżuru u jgawduhom mal-familji. Fl-2024 Project Green investiet €12,824 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €107,176 f’informazzjoni u din is-sena investiet €180,528 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €92,238 f’informazzjoni. Din l-istrateġija qed tħalli l-frott hekk kif eluf ta’ familji attendew l-attivitajiet filwaqt li l-parks, inkluż dawk ġodda, qed isiru iktar popolari.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li l-Gvern jibqa’ determinat li jkompli joħloq iktar spazji miftuħa kif indikat fi tweġiba parlamentari 32727, u kif hu evidenti mill-konsultazzjoni nazzjonali li għaddejja bħalissa dwar parks nazzjonali ġodda, saħansitra f’postijiet li għal snin twal il-pajjiż kien qed jara potenzjal ekonomiku u llum ittieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm prijoritajiet soċjali u ambjentali.
Fl-istess ħin, Project Green u l-Gvern daqstant ieħor huma kommessi li dawn l-ispazji jkunu iktar magħrufa man-nies li għandhom anke jikkontribwixxu fit-tfassil tagħhom u saħansitra torganizza avvenimenti biex jitgawdew, minn sezzjonijiet differenti tas-soċjetá.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tan-nefqa fil-marketing u PR mill-aġenzija Project Green minn meta twaqqfet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19977, peress illi l-permess għall-applikazzjoni bi proċedura ta' DNO li ddaħħlet fl-2024 hija valida sa Marzu 2026, tista' l-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol fil-Masġar tal-Ġublew fil-Furjana?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li huwa ppjanat li x-xogħlijiet jinbdew fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31876 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22247 dwar multi amministrattivi maħruġa għal ksur tar-regolamenti tal-immaniġġjar tal-iskart relatati mal-ġbir tal-iskart, tista’ l-Ministru tgħid:
i. kemm mill-multi amministrattivi ġew imħallsa mill-ewwel;
ii. kemm ġew kontestati quddiem il-bord kompetenti;
iii. kemm minn dawk il-multi kontestati ġew maħfura;
iv. kemm mill-multi ġew ridotti; u
v. kemm każijiet spiċċaw quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika l-multi amministrattivi maħruġin mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mis-sena 2018 sas-6 ta’ Novembru 2025 rigward offiżi relatati ma’ ħruġ ta’ skart bi ksur tar-Regolamenti dwar il-Permessi Ambjentali (Proċedura tal-Applikazzjonijiet u d-Deċiżjoni Tagħhom) li jirregolaw l-iskart. It-tabella tinkludi wkoll kemm multi ġew imħallsin, kemm ġew kontestati quddiem il-bord kompetenti, kemm minn dawn il-multi kontestati ġew maħfurin, kemm mill-multi ġew ridotti u kemm każijiet spiċċaw quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT).