Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reserved Parking — awditjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minn żmien għal żmien isirx awditjar tar-reserved parkings approvati fuq bażi ta’ saħħa jew diżabilità sabiex terġa' tiġi verifikata n-neċessità tar-reserved parking? Jekk fl-affermattiv, jista jgħid meta l-aħħar li sar dan l-awditjar u jispjega x’jiġri meta jiġi stabbilit li reserved parking partikolari m'għadux ġustifikat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn żmien għal żmien, fuq talba tal-kunsill lokali rispettiv jew individwi, jiġu riveduti każijiet fejn ikunu ngħataw permessi tar-reserved parking bays sabiex ikun verifikat il-bżonn tar-reserved parking bay. F'każijiet partikolari jista` jiġi deċiż li dawn jiġu riveduti wara ċertu żmien. F'każ li r-reserved parking bay ma jkunx għad hemm bżonnu, il-Kunsill Lokali rispettiv jiġi nfurmat sabiex jitneħħa ir-reserved parking u jiġu emendati l-linji fit-triq.

Riforma fit-trasport pubbliku — garaxx għax-xarabanks

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25769, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dik l-informazzjoni kollha li hi pubblika?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni rikjesta hija diġà pubblika.

Riforma tat-trasport pubbliku

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25769, jista' l-Ministru jgħid is-sit ta’ kull sottomissjoni mitfugħa fil-konfini taħt liema kunsill lokali taqa'? Jista' jgħid sit b’sit jekk l-istess sit jifformax parti minn: a) żona residenzjali, b) żona industrijali, ċ) żona kummerċjali, d) żona għal użu mħallat (mixed use area), e) żona barra miż-żona tal-iżvilupp u f) xi tip ta' żona oħra li mhix indikata minn a-e?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li s-siti ta' kull sottomissjoni mitfugħa huma fil-lokalitajiet ta' Ħal Luqa, iż-Żejtun, il-Mosta u Ħal Lija. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħ'Attard — Triq Santa Katerina - roundabout

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-inħawi tar-roundabout ta' Triq Santa Katerina Ħ'Attard, kif qed jidher fis-site plan li qed tintbgħat separatament, hemmx xi inċidenza partikolari ta' inċidenti tat-traffiku bejn vetturi li jkunu deħlin/ħerġin mill-garaxx tagħhom u oħrajn li jkunu qed jivvjaġġaw fl-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

meter tal-elettriku meqjus bħala residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kriterji jrid jissodisfa sabiex meter tal-elettriku jiġi meqjus bħala residenzjali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istess tip ta’ meter jintuża għal kwalunkwe tip ta’ fond. Biex meter jkun jista jiġi meqjus bħala wieħed ‘residenzjali’, jrid jkun hemm persuni rreġistrati mal-ARMS, bħala residenti fl-istess fond fejn jkun hemm il- meter tad-dawl.

indikazzjoni jekk proprjetà hijiex pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ispazju indikat bl-aħmar fuq is-site plan, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hux proprjetà pubblika f'Haż-Żebbug?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont id-dettalji li għandu d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, l-art li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Membru mhix proprjetà tal-Gvern.

Garaxxijiet tal-Arriva

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25620, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux informazzjoni mill-kumpanija konċernata fuq il-garaxxijiet konċernati u jekk fl-affermattiv jippubblika l-informazzjoni li għandu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — tenders

Question

Jista l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ tenders li ħarġet Transport Malta minn Marzu 2008 sal-lum għal xogħol ta' toroq li jaqgħu fil-konfini ta' Ħaż-Żebbuġ Malta? Jista' jgħid kull tender kemm kienet tiswa, jew kemm hu stmat li tiswa, skont kif ikun il-każ u jgħid kull tender f’liema fażi waslet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mis-sena 2008 sal-lum ħarġu u tlestew ix-xogħljiet segwenti f'Ħaż Żebbug: - Triq Għarram, Triq Ġeraldu Farrugia, Dawret in-Niżla ta' San Pawl - Euro 148,216.75; - Triq Indri Borg - Euro 63,578.90; - Triq l-Għeneb - Euro 31,106.78; - Triq M.A. Sapiano (Phase 3) - Euro 136,409.92; - Toroq F. Mattei, Profs. D. Callus, X. Attard u kostruzzjoni ta’ Triq M.A. Sapiano (Phase 1) - Euro 163,916.77; - Triq MA Sapiano (Phase 2) u kostruzzjoni Toroq San Martin u Mitħna - Euro 215,922.72.

Sejħa għall-proposti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25769, u b’referenza partikolari għas-sejħa għall-proposti li nħarġet f’Malta, jista' l-Ministru jikkonferma li d-data mogħtija, jiġifieri 18 ta’ Diċembru 2010, hi koretta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-data mogħtija fil-mistoqsija parlamentari nru. 25769 kellha tkun "18 ta' Diċembru 2009."
Leg 11 PQ #25766 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: PHILIP MIFSUD To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Monti ta' Ħaż-Żebbuġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25402, jista' l-Prim Ministru jassigura li l-Monti ta' Ħaż-Żebbuġ iżomm il-konfini li tradizzjonalment hu magħruf għalihom u ċioe r-roundabout ta' Sciortino Street? Jista' jagħti struzzjonijiet sabiex l-ebda bejjiegħ ma jitħalla jarma 'l barra minn fuq ir-roundabout?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali kiseb mingħand il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ jirriżulta li l-monti in kwistjoni jarma fi Triq Sciortino u mhux speċifikament madwar ir-roundabout ta’ Triq Sciortino. Intant il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ għaddej fil-proċess li jirregolarizza l-pożizzjoni tal-uniku bejjiegħ li mhux armat madwar ir-roundabout. Bħalissa iżda dan il-proċess jinsab wieqaf fid-dawl ta’ appell quddiem il-Bord tal-Gvernanza. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ ikun jista’ jkompli jipproċedi skont u meta l-Bord ta’ Gvernanza jikkomunika miegħu d-deċizjoni li jkun ħa.
Leg 11 PQ #25768 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: PHILIP MIFSUD To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ritratti mill-Ajru tal-gżejjer Maltin

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 25485, bħala miżura temporanja u sakemm tiġi stallata sistema ġdida ta’ Mapserver, jista' l-Prim Ministru jikkunsidra li r-ritratti tas-sena 1998 li diġà huma disponibbli jiġu sostitwiti b’dawk tas-sena 2008 u dan għaliex dawk tas-sena 1998 kważi m'għandhom l-ebda relevanza, filwaqt li dawk tas-sena 2008 huma importanti ferm, speċjalment wara l-emendi fil-liġi li daħlu fis-seħħ riċentement?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li nifhem il-mertu tas-suġġeriment, jien informat li l-ammont ta’ xogħol tekniku neċessarju sabiex ir-ritratti ġodda jiġu adattati għas-sistema preżenti huwa tali li jirriżulta aktar prattiku li jsir fis-sistema ġdida ta’ Mapserver.

Riforma fit-trasport pubbliku — garaxx għax-xarabanks

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25484, jista' l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li għaliha l-Malta Transport Authority (illum Transport Malta) lejn l-aħħar tas-sena 2009 kienet ħarġet is-sejħa għal proposti ta' kiri ta' post għall-ipparkjar, garaxxjar, manuntezjoni, tindif u tiswija ta’ karozzi tal-linja (Avviż Nru. 353/CSD/2009)? Jista' l-Minstru jgħid kemm-il proposta Malta Transport Authority irċeviet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li turi kull sit propost? Jista' jgħid x’kien ir-riżultat ta' din is-sejħa għal proposti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta kienet ħarġet sejħa għal proposti sabiex jinkrew postijiet mill-awtorità bil-għan li hi stess tikrihom lill-operatur tas-servizz il-ġdid ta’ tal-linja. Is-sejħa għall-proposti li inħarġet għal Għawdex fis-7 ta’ Mejju 2010 ma’ kelliex sottomissjonijiet. Is-sejħa għall-proposti li nħarġet f’Malta fit-18 ta’ Dicembru 2010 kellha (7) seba' sottomissjonijiet. Infurmat ukoll illi madanakollu, kien ġie deċiż mill-awtorità illi l-operatur kellu jissupplixxi dawn il-garaxxijiet huwa stess u għaldaqstant, din is-sejħa ġiet ikkanċellata u l-offerenti kollha ġew notifikati. Għal ragunijiet tal-interessi kummerċjali tal-offerenti, ma naħsibx li għandi inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s -site plans tas-siti proposti.

Enemalta — meters tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il katergorija differenti hi addottata mill-Korporazzjoni Enemalta fil-kirjiet differenti tal-meters tal-elettriku? Jista' jgħid kemm tiswa l-krija ta' kull kategorija differenti u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kriterji li tuża l-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiddeċiedi kirja partikolari taħt liema kategorija taqa'?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm żewġ kategoriji li jintużaw mill-Enemalta fil-kirjiet differenti tal-meters tal-elettriku. Il-kirjiet ta’ dawn il-kategoriji għal kull sena huma hekk kif ġej: Residenzjali Single Phase - €65 Three Phase - €195 Mhux Residenzjali Single Phase - €120 Three Phase - €360 Dawn il-kirjiet jiġu stabbiliti skont kif inhu indikat fl-ewwel u t-tieni skeda tal- legal notice 330/08 tal-Enemalta.

Kirja tal-meter tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għandu jagħmel individwu (jew entità) meta dan iħoss li l-kirja tal-meter tal-elettriku tiegħu ma tirriflettix il-kategorija li suppost jappartjeni għaliha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk kemm-il darba konsumatur jikkontesta l-kategorija li jkun jappartjeni għaliha, dan għandu jitlob lil ARMS Ltd sabiex isirlu tariff survey. Din sussegwentament tibgħat notifika lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tivverifika dan, u tirrapporta lura lill-istess ARMS Ltd. biex tagħmel ir-revizjonijiet neċessarji jekk ikun hemm il-bżonn.

Garaxxijiet tal-Arriva

Question

B'referenza għas-servizz tal-aħbarijiet fuq ix-Xandir tal-Istat ta' nhar it-Tlieta 26 ta’ April 2011 li kien jitratta l-wasla tal-karozzi li se jintużaw għat-trasport pubbliku mill-kumpanija Arriva, fejn intqal li ‘se jkun hemm żewġ garaxxijiet, f’Ħaż-Żebbuġ u x-Xewkija, għat-tiswijiet.’, jista' l-Ministru jidentifika b’mod speċifiku dawn il-garaxxijiet fejn se jkunu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plans li juru l-garaxxijiet inkwistjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-garaxxijiet li se jintużaw mhumiex propjeta tal-Gvern, m'inhix f'pożizzjoni li nagħmel dak li talab l-Onorevoli Interpellant.

Reserved Parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'Malta kemm-il reserved parking hawn u li huma approvati mill-istess ministeru għal raġuni ta' saħħa jew diżabilità? Jista' jagħti din l-informazzjoni lokalità b’lokalità?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Reserved Parking — awditjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minn żmien għal żmien isirx awditjar tar-reserved parkings approvati fuq bażi ta’ saħħa jew diżabilità sabiex terġa' tiġi verifikata n-neċessità tar-reserved parking? Jekk fl-affermattiv, jista jgħid meta l-aħħar li sar dan l-awditjar u jispjega x’jiġri meta jiġi stabbilit li reserved parking partikolari m'għadux ġustifikat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ — Monti fuq ir-roundabout ta' Sciortino Street

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-Monti ta' Ħaż-Żebbuġ iżomm il-konfini li tradizzjonalment hu magħruf għalihom u ċioe fuq dak li hu magħruf bħala r-roundabout ta' Sciortino Street? Jista' jagħti struzzjonijiet sabiex l-ebda bejjiegħ ma jitħalla jarma 'l barra mir-roundabout?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skont Leġislazzjoni Sussidjara 441.04 l-allokazzjoni tal-posti u l-operat tas-swieq jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-kunsilli lokali rispettivi. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli lokali.

Monti ta' Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti raġuni għaliex il-Monti ta' Ħaż-Żebbuġ jarma ħames darbiet fil-ġimgħa u dan kuntrarjament għal dak li jiġri f'kull lokalità oħra, jiġifieri darba f'ġimgħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-Suq ta’ Ħaż-Żebbuġ jarma ħames darbiet fil-ġimgħa għax hekk provdut fil-liġi sussidjarja 441.07. Tajjeb li wieħed jinnota li filwaqt li veru hemm postijiet fejn is-suq jarma darba hemm postijiet li jarma ikar minn darba. Fil-fatt Sliema u Birkirkara jarma darbtejn. Raħal Ġdid jarma erba’ darbiet, il-Belt Valletta u Masaxlokk jarma sitt darbiet u Għawdex jarma seba’ darbiet.