Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn raħħala rreġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura u/jew tal-Veterinarju? Jista' jiddistingwixxi bejn raħħala full-time u raħħala part-time? Jista' jgħid dawn ir-raħħala f'liema settur joperaw? Jista' jagħti din l-informazzjoni lokalità b'lokalità?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta li tajt għall-mistoqsija nru 3731.
Awtorità Marittima ta' Malta — Riparazzjoni fuq Barriera Wharf
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk s-sejħa għal offerti li kienet saret mill-Awtorità Marittima ta' Malta u li kienet għalqet nhar il-Ġimgħa 29 t’Awwissu 2008, liema sejħa kienet iġġib l-isem Architectural/Engineering Consultance for Repair Works to Barriera Wharf intrebħitx? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min rebaħ din l-offerta? Jista' jgħid jekk ix-xogħol ta’ riparazzjoni fuq Barriera Wharf sarx u jekk fl-affermattiv kemm ġie jiswa? Jista' jgħid kemm tħallsu drittijiet professjonali relatati mal-istess xogħol u lil min tħallsu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju minn problema persistenti fil-provista tal-ilma ta' parti sostanzjali minn Ħad-Dingli fejn l-ilma mhux qed ikun trasparenti iżda ħafna drabi jkun jagħti fil-lewn oranġjo? Jista' jgħid x'qed jikkawża din il-problema? Jista' jgħid x'qed isir sabiex din il-problema tiġi riżolta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Awtorità Marittima ta' Malta — Riparazzjoni fuq il-moll tal-Imsida/Pietà
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk s-sejħa għal offerti li kienet saret mill-Awtorità Marittima ta' Malta u li kienet għalqet nhar il-Ġimgħa 29 t’Awwissu 2008 liema sejħa kienet iġġib l-isem Architectural/Engineering Consultancy for Repair Works to Msida/Pietà Quays intrebħitx? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min rebaħ din l-offerta? Jista' jgħid jekk ix-xogħol ta’ riparazzjoni fuq il-moll ta’ l-Imsida/Pietà sarx u jekk fl-affermattiv kemm ġie jiswa? Jista' jgħid kemm tħallsu drittijiet professjonali relatati ma l-istess xogħol u lill min tħallsu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet pendenti quddiem il-bordijiet tal-appell
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li bħalissa jinsabu pendenti quddiem il-Bordijiet tal-Appell? Jista' jgħid kemm minn dawn eżawrixxew il-proċess ta' l-appell u qegħdin sempliċiment jistennew id-deċizjoni/sentenza min-naħa tal-Bord tal-Appell? Jista' jagħti rendikont ta’ dawk l-appelli li qed jistennew deċizjoni/sentenza? Kemm-il xahar ilhom jistennew din id-deċizjoni/sentenza?
Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ — allegazzjonijiet fuq is-Sindku
Question
B’referenza għal dak li deher f’sezzjoni tal-media fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet rigward il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn qed jigi allegat li s-Sindku ta’ l-istess kunsill lokali abbuża mill-poter tiegħu, jista' l-Prim Ministru jgħid:
1. Jekk id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali hux infurmat b’dawn l-allegazzjonijiet?
2. Jekk fl-affermattiv, x’tip ta’ informazzjoni daħlet lid-Dipartiment?
3. X’qed jagħmel id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali rigward dawn l-allegazzjonijiet?
4. X’inhi l-pożizzjoni tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali fuq din il-kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapport dwar l-allegati abbużi mill-ħaddiema tal- Industrial Projects Services Ltd (IPSL) assenjati mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ sar direttament lill-IPSL u mhux lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Malli dawn l-allegazzjonijiet ġew verifikati bħala fondati, ittieħdu passi immedjati biex it-tliet ħaddiema li kienu assenjati mal-istess Kunsill jitneħħew minn miegħu u jintbgħatu ma’ Kunsilli oħrajn.
Id-Dipartiment qed jiġbor l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha relatati mal-każ. L-allegat abbuż qed jiġi investigat mill-Pulizija. Malli jiġu konklużi l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, id-Dipartiment ikun f’pożizzjoni jiddeċiedi jekk ikunx hemm lok ta’ xi azzjoni ulterjuri.
ipparkjar ta' vetturi li jġorru materjal perikoluż
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tiddentifikax żoni apposta fejn individwu (jew entità) ikun jista' jissottometti applikazzjoni sabiex jipparkja vetturi li normalment jintużaw sabiex iġorru materjal li jista' jkun perikoluż (bħalma hu l-fuel)? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid dawn iż-żoni liema huma?
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5710 u 7737, jista' l-Ministru jgħid każ b’każ (mingħajr ma jidħol fid-dettalji tal-individwi) l-24 persuna li qed jistennew sabiex jiksbu liċenzja ta' driving instructor kemm ilhom li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom? Jista' jgħid jekk hux minnu li bħalissa hemm dewmien sabiex dawn l-individwi jpoġġu għall-eżami? Jista' jassigura li jiġi eliminat kull dewmien li jista' jkun hemm?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4192 u 5889 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti sabiex jinxtraw oqbra fiċ-ċimiterju ta' l-Imġarr?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal xiri t'oqbra fiċ-ċimiterji ta' l-Imġarr huwa ta' 49 bħalissa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa reġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura? Jista' jiddistingwixxi bejn bdiewa part-time u bdiewa full-time? Jista' jagħti din l-informazzjoni lokalità b’lokalità?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir ix-xogħol ta' asflatar għall-ewwel darba fil-parti ta’ Triq Santa Maria , Mġarr (li tmiss ma' Triq San Pietru) liema parti mit-triq qatt ma kienet asfaltata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għalkemm din it-triq imsemmija hija nkluża fil-lista ta' toroq residenzjali li jridu jinbnew mill-ADT, ix-xogħol irid isir skond il-prijoritajiet u l-finanzi għad-dispożizzjoni tal-ADT.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-istima għax-xogħol sabiex isir devjazzjoni ta' drenaġġ fl-Imtarfa? Id-dettalji ta' dan ix-xogħol qed jintbagħat b'mod separat.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-istima tax-xogħol sabiex isir devjazzjoni tad-drenaġġ fl-Imtarfa hija ta' bejn wieħed u ieħor €36,000.
Ħidma fuq iz-zuntier tal-Knisja tal-Imġarr — rendikont
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret mill-istess Ministeru fuq iz-zuntier tal-Knisja tal-Imġarr? Jista' jgħid meta dan l-istess xogħol ser ikun lest?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li dan huwa proġett maħdum bejn il-Kunsill Lokali ta’ l-Imgarr u t-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Ir-responsabbiltà tal-Kunsill f’dan il-proġett hi l-ingaġġar tal-privat biex iwettaq ix-xogħol ta’ lavur u balavostrar, filwaqt dik tat-Taqsima tax-Xogħlijiet, kienet il-preparament tad-disinn, u s-superviżjoni tax-xogħol li qed isir mill-privat, kif ukoll it-tqegħid tax-xogħol tal-lavur mill-ħaddiema tat-Taqsima.
Kull meta kien hemm xogħol lest mill-privat li seta’ jitqiegħed mill-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet, dan tqiegħed kollu. Kif appena l-Kunsill Lokali jipprovdi l-kumplament tax-xogħol, it-Taqsima tkun pronta tibgħat il-ħaddiema biex jitlesta dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għas-siġra li tinsab fi Triq l-Imdina (int u sejjer lejn ir-Rabat) u li b’mod naturali ffurmat fuqha xbieha tal-kurċifiss, liema siġra issa mietet? Jista' jgħid x’se jsir minn din is-siġra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li kif is-siġra bdiet turi li qegħda tbatti, l-MELP kien talab lill-ELC sabiex jagħmel minn kollox biex issalvaha. Però kull tentattiv falla. Għalhekk l-MELP talbet permess lill-MEPA sabiex din is-siġra, tinqala’, titnaddaf u titqiegħed bħala monument fl-istess triq, ftit l-isfel f’wesgħa ta’ ħamrija li diġà teżisti.
Il-permess inħareġ nhar is 7 ta’ Settembru 2009 u l-MELP tat struzzjonijiet lill-ELC sabiex jitwettaq ix-xogħol minnufih.
Jista' l-Ministru jagħti raġuni għaliex ix-xogħol fuq iz-zuntier ta’ l-Imgarr ilu wieqaf numru ta xhur u għaldaqstant qed jirriżulta li dan il-proġett qed jieħu fit-tul wisq? Jista' jassigura li x-xogħol jitkompla kemm jista jkun malajr? Jista' jagħti data definittiva ta’ meta dan il-proġett ser ikun lest?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija nru 10747.
Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Applikazzjoni għall-għajnuna lill-bdiewa
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħabbar ir-riżultat ta' l-applikazzjonijiet li numru ta' bdiewa kienu għamlu mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura taħt Miżura 121? Jista' jassigura li dan ir-riżultat jitħabbar kemm jista' jkun malajr sabiex dawk il-bdiewa li jikkwalifikaw jkomplu jimmodernizzaw l-operat tagħhom kemm jista' jkun malajr?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ir-riżultat ta’ l-applikazzjonijiet tal-Miżura 121 tħabbar nhar is-Sibt 26 ta’ Settembru 2009 u l-ittri lill-applikanti ntbagħtu llum.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 5222 u 5890 u jagħti rendikont sena b’sena, tax-xogħlijiet infrastrutturali kollha (inkluż toroq) li saru mill-Gvern Ċentrali f’Ħaż-Żebbuġ, mill-2005 sal-2008? Jista' jagħti lista tax-xogħlijiet infrastrutturali li huma fil-programm tal-Gvern Ċentrali u jagħti l-ordni ta' prijorità tal-istess xogħlijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif tikkonċerna l-ADT, l-Enemalta Corporation u l-WSC.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Outline Development Permits
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew approvati Outline Development Permits mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mis-sena 2005 'l hawn? Jista' jagħti rendikont ta' dawn il-permessi sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5199 u 5888 u jassigura li l-culvert tal-ilma tax-xita li hemm fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ b’mod partikolari l-bokok tiegħu li ħafna minnhom huma miksura, issirlu l-manutenzjoni meħtieġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-istima għax-xogħol sabiex isir devjazzjoni ta' drenaġġ fl-Imtarfa? Id-dettalji ta' dan ix-xogħol qed jintbagħat b'mod separat.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.