Tista' l-Ministru tgħid x'korsijiet ġodda infetħu fl-Università ta' Malta mill-1987 'l hawn? X'fakultajiet/istituti ġodda infetħu fl-Università ta' Malta mill-1987 'l hawn?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-listi tal-korsijiet ġodda li nfetħu fl-Università ta' Malta bejn l-2001/2 u l-2012/3 qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ix-xogħol biex tinġabar l-informazzjoni rigward is-snin bejn l-1986/7 u l-2000/1 għadu għaddej għax din l-informazzjoni tinstab biss f’kotba ppubblikati u mhux f’
database
.
Il-fakultajiet/istituti/ċentri ġodda li nfetħu ġodda jew li nbidlilhom isimhom fl-Università ta' Malta mill-1987 'l hawn qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell ġdid daħal quddiem il-Bord tal-Appelli tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar/Environment and Planning Review Tribunal tul dawn l-aħħar għaxar snin, jiġifieri bejn is-sena 2002 u s-sena 2011? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b’sena?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
L-ammont ta’ appelli fl-2011 żdiedu meta mqabbla mas-snin preċedenti għaliex fl-2011 ma baqax aktar id-dritt ta’ rikonsiderazzjoni ħlief minn kondizzjonijiet maħruġa f’każ ta’ approvazzjoni ta’ applikazzjoni, u għalhekk filwaqt li qabel f’każ ta’ rifjut ta’ applikazzjoni kien hemm żewġ rimedji: ir-rikonsiderazzjoni jew appell, issa r-rimedju huwa biss dak ta’ appell.
Ħaż-Żebbuġ — resurfacing ta' toroq fiż-żona ta' Ħal Mula
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34674 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta beda x-xogħol ta' resurfacing ta' toroq fiż-żona magħrufa bħala Ħal Mula f'Ħaż-Żebbuġ Malta? Jista' jgħid meta dan ix-xogħol kien skedat li jitlesta? Jista' jagħti r-raġuni għaliex ix-xogħol ilu tant wieqaf b'inkonvenjent kbir għar-residenti taż-żona? Jista' jgħid x'azzjoni ħa jew qed jieħu l-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ fil-konfront tal-kuntrattur ikkonċernat? Jista' jgħid jekk il-kuntrattur għandux penali minħabba dewmien, kemm huma l-penali u jekk dawn il-penali hux qed jiġu nfurzati? Jista' jinforma l-Kamra dwar jekk hemmx pjan ta' kontinġenza u jekk ittieħdetx deċiżjoni jekk ix-xogħol hux se jitkompla mill-istess kuntrattur jew le? Hemm data definita ta' meta x-xogħol se jitlesta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ li x-xogħol ta’ resurfacing ta’ toroq fiż-żona magħrufa bħala Ħal Mula f'Ħaż Żebbuġ beda f’Lulju 2011 u skedat li jitlesta dan ix-xahar (Ġunju 2012).
Jirriżulta li l-kuntrattur waqaf mix-xogħol minn jeddu minn tal-anqas tliet darbiet. Dan ġara f’Diċembru 2011, f’Jannar 2012 u anke fi Frar 2012. Il-kuntrattur waqqaf ix-xogħolijiet tiegħu fis-16 ta’ Marzu 2012. Fl-ebda mument ma kien il-Kunsill Lokali li waqqaf ix-xogħolijiet. Il-Kunsill Lokali kiteb uffiċjalment lill-kuntrattur minnufih wara l-ewwel waqfien fl-14 ta’ Diċembru 2011.
F’laqgħa li saret bejn il-Kunsill u rappreżentant tal-kuntrattur fit-28 ta’ Marzu 2012, dan informa lill-Kunsill li, b’deċiżjoni tad-diretturi tal-kumpanija, r-riżorsi tal-kumpanija li kienu qed jintużaw f’Ħaż-Żebbuġ kienu se jiġu trasferiti fuq proġetti oħrajn li, skont il-kuntrattur, kellhom
deadlines
aktar stretti u multi aktar għoljin u li ma kienx se jkompli bix-xogħol qabel l-aħħar ta’ Mejju 2012. Ir-rappreżentanti tal-Kunsill f’din il-laqgħa mill-ewwel informaw lill-kuntrattur li dan ma kienx aċċettabli.
Dan kien mill-ġdid konfermat b’mod unanimu mill-Kunsillieri kollha, fil-laqgħa tat-12 ta’ April 2012. Għalhekk il-Kunsill ddeċieda li jipproċedi kontra l-kuntrattur skont il-kuntratt tax-xogħolijiet. F’dan id-dawl allura li l-kuntrattur kien naqas milli jonora l-ftehim fil-kuntratt, il-Kunsill b’mod unanimu ddeċieda li jsarraf il-
performance guarantee
fuq il-kuntratt.
Il-kuntratt jipprevedi wkoll penali ta’ tnejn fil-mija (2%) tal-valur tax-xogħol li jkun għadu mhux lest għal kull ġurnata li l-kuntrattur idum aktar mid-data stabbilita għat-tmiem tax-xogħolijiet. Din il-penali għada ma ġietx implimentata.
Biex jitnaqqas l-inkonvenjent, il-Kunsill b’mod regolari qiegħed ixarrab it-toroq permezz ta’ bowżer tal-ilma.
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ltaqa’ l-aħħar mal-kuntrattur nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju 2012. Waqt din il-laqgħa kien miftiehem li l-kuntrattur jgħaddi lill-Kunsill
programme of works
ta’ kif fi ħsiebu jkompli x-xogħolijiet. Dan il-
programme of works
se jiġi diskuss waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali għada t-Tlieta 5 ta’ Ġunju 2012.
Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien — sejħa għall-offerti pubblika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il offerent kien hemm għal sejħa għall-offerti pubblika mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jgħid x'offerta tefa kull offerent (inkluż il-valur tal-offerta)? Jista' jgħid min kien l-offerent li rebaħ l-offerta u fuq liema kriterji rebaħ din l-offerta? Jista' jara jekk il-proċess użat fl-ipproċessar ta' din is-sejħa għall-offerti kienx wieħed pubbliku u traspartenti jew le?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 7 (seba’) kumpaniji li tefgħu l-offerta tagħhom għas-sejħa imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Il-Kumpanija li rebħet l-offerta hija Femi Consultancy Ltd., u dan wara li l-Kunsill iddiskuta u analizza l-offerti kollha li daħlulu, kif ukoll fuq parir tal-Perit tal-Kunsill.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ l-avviżi tal-offerta kif ukoll lista tal-offerti kollha bil-valur ta’ kull offerta.
Ħaż-Żebbuġ — resurfacing ta' toroq fiż-żona ta' Ħal Mula
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol ta' resurfacing ta' toroq fiż-żona magħrufa bħala Ħal Mula f'Ħaż-Żebbuġ Malta? Jista' jgħid meta dan ix-xogħol kien skedat li jitlesta? Jista' jagħti r-raġuni għaliex ix-xogħol ilu tant wieqaf b'inkonvenjent kbir għar-residenti taż-żona? Jista' jgħid x'azzjoni ħa jew qed jieħu l-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ fil-konfront tal-kuntrattur ikkonċernat? Jista' jgħid jekk il-kuntrattur għandux penali minħabba dewmien, kemm huma l-penali u jekk dawn il-penali hux qed jiġu nfurzati? Jista' jinforma l-Kamra dwar jekk hemmx pjan ta' kontinġenza u jekk ittieħdetx deċiżjoni jekk ix-xogħol hux se jitkompla mill-istess kuntrattur jew le? Hemm data definita ta' meta x-xogħol se jitlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li peress li l-proġett in kwistjoni ma jaqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30697, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plans li juru eżatt ix-xogħlijiet ikkwotati? Jista' jgħid meta nħarġu t-tenders tax-xogħlijiet relattivi u jagħti r-referenza tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ħaż-Żebbuġ — Żona tar-Remel - provista tal-elettriku three-phase
Question
Jista' l-Ministru jara li l-provista tal-elettriku fiż-żona magħrufa bħala Tar-Remel f’Ħaż-Żebbuġ u li tidher fuq is-site plan li d-dettalji dwarha qed jitnbagħtu separatament, titjieb u tiġi eleveta minn dik preżenti jiġifieri minn single phase għal three-phase?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret ma jirriżultax li fl-inħawi msemmija hemm bżonn li jgħaddi it-3 phase biex tissaħħah is-sistema tal-elettriku.
MEPA — informazzjoni dwar planning control applications
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-ipproċessar ta' żewġ planning control applications li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar issottomettiet magħha stess u li jġibu n-numru PC 00054/10 u PC 00055/10? Jista' l-Ministru jagħti terminu definit ta' meta dawn iż-żewġ applikazzjonijiet se jiġu deċiżi? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il PA application li jaqgħu fil-konfini ta' PC 00054/10 u PC 00055/10 hemm pendenti quddiem l-awtorità? Jista' jagħti rendikont ta' meta (liema sena) dawn l-applikazzjonijiet ġew validati? Jista' jgħid jekk iħossx li l-awtorità hi ġustifikata li qed tagħti parir lill-applikanti tal-applikazzjonijiet riferuti sabiex jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ Planning Control applications li jġibu n-numru PC 00054/10 u PC 00055/10 ikopru żewġ Areas of Containment li jinsabu fi Triq l-Imdina, Żebbuġ rispettivament. L-applikazzjonijiet infetħu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabiex jiġi determinat it-tip ta' żvilupp, il-limitu ta' għoli permissibli u l-alignment taż-żoni rispettivi. Il-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet inbeda f'Diċembru 2010, fejn inkludew żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi rispettivi għaż-żewġ każijiet.
L-applikazzjoni PC 55/10 għaddiet mill-istadji kollha tal-ipproċessar u ġiet deċiża mill-bord tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar waqt laqgħa pubblika fit-13 ta' Ottubru 2011. Id-deċiżjoni ġiet mgħoddija lill-Ministru responsabli sabiex japprova din id-deċiżjoni.
Fil-waqt li l-applikazzjoni PC 54/10 waslet fl-istadju finali tal-ipproċessar u l-abbozz finali ser jiġi publiċizzat għall-attenzzjoni tal-pubbliku qabel ma jiġi diskuss quddiem il-bord tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għad-deċiżjoni finali. Din l-aħħar fażi hija proċedura ġdida li fil-preżent qed tiġi formulata sabiex tingħata iktar opportunita' lill-pubbliku sabiex ikun konxju tal-abbozz finali tal-pjan qabel jiġi diskuss għad-deċiżjoni finali.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-konfini ta' PC 0054/10 u PC 0055/1, hemm 9 applikazzjonijiet pendenti. 4 minn dawn l-applikazzjonijet ġew validati fl-2010, tnejn ġew validati fl-2009 u l-bqija ġew validati fis-snin 2007, 2008 u 2011 rispettivament. Minn dawn d-9 applikazzjonijiet pendenti, f'waħda biss ġie ssuġerit illi minħabba li l-applikazzjoni hija waħda tas-sena 2009 , (li allura ila tistenna madwar tlett snin u minħabba l-fatt li l-parametri għall-iżvillupp jistgħu biss jiġu stabbiliti wara li ssir revisjoni tal-Pjan ta' Struttura), l-applikazzjoni tiġi irtirata. Madankollu fl-istess ittra l-MEPA avżat lill-appliakant ili hu seta ukoll jibqa' jiproċedi b'din l-applikazzjoni mingħajr ma' jistenna li l-parametri tal-ipjjanar ġol-
Area of Containment
jiġu stabbiliti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm b'kollox allotments fil-Crafts Village f'Ta' Qali? Jista' jgħid kemm minn dawn huma okkupati u kemm minn dawn huma vakanti?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi f’Ta’ Qali Crafts Village hemm 46 allotment li minnhom 20 huma okkupati minn operaturi tal-artiġjanat filwaqt li is-26 l-oħra huma vakanti.
Jista' l-Ministru jara li kopja tad-dokument ‘Development Control within Urban Conservation Areas – Design Guidelines 1995’ li tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tiġi emendata sabiex tibda tippermetti l-istampar tal-istess dokument peress li s'issa d-dokument jista' jitniżżel minn mingħandu interess fih iżda ma jistax ikun stampat u dan kuntrarju għal numru ta' dokumenti oħra li jippermettu li wara li jitniżżlu jiġu stampati?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit elettroniku tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ġiet aġġornata u d-dokument ‘Development Control within Urban Conservation Areas – Design Guidelines 1995’ jista’ jiġi stampat .
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-binja jew binjiet li jidhru mmarkati fuq is-site plan li qed tintbagħat separatament, jikkostitwixxux proprjetà pubblika jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hemmx xi individwi jew entitajiet li għandhom xi forma ta' titlu fuq l-istess proprjetà u fl-istess każ jagħti d-dettalji tat-titlu/i?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li l-binja jew binjiet indikati fuq is-site-plan li ntbagħtet separatament, huma proprjetà tal-gvern. Fil-fatt dawn il-binjiet jifformaw parti minn art akbar li hija reġistrata fid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern bħala tenement no. 50940. L-art kollha hija soġġetta għal kirja agrikola, iżda bħalissa l-Qbiela fuq din l-art mhix qed tiġi aċċettata peress li hemm il-ħsieb li parti minn din il-proprjetà se tgħaddi f’idejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u għadu qed jiġi deċiż liema parti se tiġi tterminata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il request for screening irċeviet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul is-sena 2011?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-istess awtorità rċeviet tliet elef disa' mija u erbatax-il request for screening (3,914) matul is-sena 2011.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell ġdid daħal quddiem il-Bord tal-Appelli tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar/Environment and Planning Review Tribunal tul dawn l-aħħar għaxar snin, jiġifieri bejn is-sena 2002 u s-sena 2011? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b’sena?
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2011 kemm-il appell ġie konkluż mill-Bord tal-Appelli tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar/Environment and Planning Review Tribunal? Jista' jgħid kemm kien hemm appelli pendenti fl-1 ta' Jannar 2011 u kemm kien hemm appelli pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2011?
Response (DEMARCO, MARIO)
Infurmat illi matul is-sena 2011 kienu ġew finalizzati sittin (60) il-appell mill-Bord tal-Appelli tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar presedut minn Dr. Ian Spiteri Bailey. Il-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar presedut minn Dr. Robert Tufigno iddeċieda 106 appell (u madwar 51 il-appell għad iridu jiġu deċiżi) filwaqt illi l-Environment and Planning Review Tribunal (EPRT) presedut mill-Perit Chris Falzon iffinalizza 294 l-appell.
Fl-1 ta' Jannar 2011, in-numru ta’ appelli pendenti kien kif spjegat hawn taħt :-
- 1195 (jinkludi
sine die
, aċċessi u qed jistennew smiegħ);
- 60 (sabiex jiġu deċiżi mill-bord presedut minn Dr. Spiteri Bailey);
- 157 (sabiex jiġu deċiżi mill-bord presedut minn Dr. Tufigno).
Fil-31 ta’ Diċembru 2011 l-ammont ta’ appelli pendenti kien kif ġej:
- 1046 (jinkludi
sine die
, aċċessi u qed jistennew smiegħ);
- 51 (sabiex jiġu deċiżi mill-Bord presedut minn Dr. Tufigno);
- 610 (sabiex jiġu deċiżi mit-Tribunal (EPRT).
MEPA — applikazzjonijiet għal warehouses/storage spaces - rekwiżit ta' parkeġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal warehouses/storage spaces, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tqisx ir-rekwiżit ta' parkeġġ utillizzat għal dawn l-aħħar snin, jiġifieri post ta’ parkeġġ għal kull 50 metru kwadru, bħala wieħed adattat jew inkella tassattiv iż-żejjed?
Response (DEMARCO, MARIO)
Il-MEPA bħalissa tibbaża l-parking standards fuq dawk li jinsabu fl-Explanatory Memorandum tal-Pjan ta' Struttura għall-gzejjer Maltin. Il-MEPA qed tevalwa l-possibilità li l-parking standards fir-rigward tal-warehousing u parking standards oħrajn jiġu reveduti biex jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tal-lum u kif din tista’ ssir flimkien mal-aġenziji rilevanti oħra.
Jista' l-Ministru jassigura li l-ilment li ġie mressaq ripetutament ma' Transport Malta u li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament jingħata attenzjoni immedjata? Jista' jassigura li x-xogħol li ġie mwiegħed li se jsir mill-uffiċjal ta' Transport Malta fl-email datata 18 ta' Novembru, 2011 isir kemm jista' jkun malajr?
Jista' l-Ministru jgħid x’qed iwassal sabiex f’partijiet minn Ħ’Attard u partikolarment fi Triq iż-Żagħfran qed ikun hemm riħa qawwija ta' renaġġ? Jista' jgħid x'miżuri qed jittieħdu sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li iżjed kmieni din is-sena, il-korporazzjoni kienet ħadet azzjoni biex jinbidlu xi manhole covers tad-drenaġġ li kienu difettużi fit-tarf t’isfel ta’ Triq Żagħfran kantuniera ma’ Triq Nutar Zarb, kif ukoll kien issewwa suffun privat fi sqaq qrib ta’ Beldiam Jewellers li minnu setgħet kienet ħierġa r-riħa. F’dawk li huma rapporti formali, minn dak inhar ir-rapporti ta’ rwejjaħ f’dak l-inħawi kienu waqfu. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddi iżjed detallji ta’ fejn eżatt hemm complaints fi Triq iż-Żagħfran lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tkun tista’ tinvestiga l-każ.
tfal li jkunu jridu jaqilbu minn klabb sportiv għal ieħor
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern għandux xi liġijiet, regolamenti, policies u/jew linji gwida li jirrigwardaw trasferimenti ta’ tfal taħt l-età minn ma' klabb għal ieħor ta’ xi dixxiplina sportiva partikolari, eżempju l-futbol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li trasferimenti ta’ atleti ta’ kull età minn klabb għall-ieħor, f’kull dixxiplina sportiva, jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-għaqdiet sportivi nazzjonali rispettivi u r-regolamenti rispettivi tagħhom.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — ftehim mal-kunsill lokali
Question
B'referenza għall-ftehim li ssemma fil-mistoqsija parlamentari 29153, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30817 u jgħid x'tip ta’ ftehim għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mal-kunsilli lokali rigward reinstatement b’hot asphalt ta’ trinek li jkunu saru mill-korporazzjoni jew kuntratturi mqabbda minnha għal tiswijiet ta' servizzi jew xi xogħol ieħor relatat? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim hux ma' kunsilli lokali indipendenti jew inkella jekk hux mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali direttament? Jista' jgħid minn meta beda jiffunzjona dan il-ftehim u kemm għaddiet fondi lill-kunsilli lokali l-korporazzjoni permezz ta' dan il-ftehim? Jista' l-Ministru jagħti l-ammonti ta' fondi sena b’sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-ftehim jispeċifika li wara li tlesti x-xogħol tagħha fuq il-pajpijiet fit-toroq, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tagħmel reinstatement temporanju. Il-Kunsilli Lokali mbagħad jagħmlu r-reinstatement permanenti permezz tal-kuntratturi tagħhom. Il-Kunsilli jitħallsu għal kull biċċa xogħol li jagħmlu. Il-ftehim sar mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) u ġie ffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2010. Dan il-ftehim kien jinkludi li l- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tagħti arretrati fuq xogħolijiet tal-istess korporazzjoni li saru mill-2007 sal-aħħar ta’ Awwissu 2010. Dawn l-arretrati tħallsu kif ġej:
Fl-2010 tħallsu €519,800 fir-rigward ta’ xogħlijiet li saru fl-2007.
Fl-2011 tħallsu €709,800 għal xogħolijiet li saru fl-2008, kif ukoll għal xogħlijiet li saru fl-2010 (sal-aħħar ta’ Lulju).
Barra minn hekk, skond il-ftehim ukoll, hu ppjanat li fl-2012 jingħataw l-arretrati dwar xogħlijiet tal-2009.
Peress li l-Kunsilli għadhom m’għamlux ir-reinstatement li kellhom jagħmlu minn Awwissu 2010 ‘l hawn, il-KSI għadha m’għaddiet l-ebda ammont ta’ flus għal dan il-perjodu (jiġifieri Awwissu 2010 s’issa). Madanakollu qiegħda f’diskussjonijiet mal-AKL biex dan ix-xogħol jsir kemm jista’ jkun malajr. Fil-fatt, fil-ġranet li għaddew, l-AKL bagħtet ċirkulari lill-Kunsilli kollha biex isir dan ix-xogħol fi żmien qasir.