Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità San Vinċenz de Paule - Gwardjan tas-sigurtà - Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar fil-konfront tal-gwardjan tas-sigurtà li jaħdem fil-Faċilità San Vinċenz de Paule li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li qed ikollu ħafna inċidenti kemm mal-istaff kif ukoll mal-familjari tar-residenti fl-istess faċilità? Jista’ jgħid ukoll x’investigazzjoni saret fuq dawn ir-rapporti u x’azzjonijiet ittieħdu jew ser jittieħdu fil-konfront ta’ din il-persuna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija kienet impjegata ta’ kumpanija tas-sigurtà li kienet qed tipprovdi s-servizz fil-Faċilità San Vinċenz de Paul u nista’ nikkonferma li llum il-ġurnata m’għadhiex taħdem hemmhekk.

Carers allowances - Pensjoni kontributorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni li kienu jirċievu l-carer’s allowance humiex intitolati għall-pensjoni kontributorja meta jagħlqu l-età tal-pensjoni?  Jista’ jgħid ukoll jekk tagħmilx differenza jekk il-carer kienx jaħdem jew le qabel ma beda jaħdem bħala carer?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor.  Interpellanta, illi bħalma kont spjegajt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33178, sabiex persuna tikkwalifika għall-Pensjoni Minima Nazzjonali, waħda mill-kundizzjonijiet statutorji hija dik li trid tkun ħallset mhux anqas  minn 156 kontribuzzjoni tas-Sigurta` Soċjali.  Dan minbarra kundizzjonijiet oħrajn, fosthom li l-persuna irid ikollha mill-anqas medja ta’ 20 kontribuzzjoni kull sena minn meta tkun għalqet 18-il sena sal-eta’ tal-irtirar.  Alternattivament sabiex persuna tikkwalifika għal Pensjoni taż-Żewġ terzi ridotta, trid tkun ħallset mill-anqas 10 snin ta’ kontribuzzjonijiet. Meta persuna qabel tibda tieħu l-Allowance tal-Carers, ikollha biżżejjed kontribuzzjonijiet biex tilħaq medja ta’ 15-il kontribuzzjoni fis-sena minn 18-il sena sa meta bdiet tieħu l-Allowance tal-Carers, kemm iddum fuq din l-Allowance tkun koperta bil-kontribuzzjonijiet akkreditati.  Irid jingħad li din il-medja tnaqqset ftit snin ilu minn 20, sabiex tagħmilha eħfef għal dawn il-persuni li jingħtaw il-kontribuzzjonijiet akkreditati u jikkwalifikaw għall-pensjoni kontributorja. Ta’ min jgħid però li b’miżura riċenti li kienet iddaħħlet, meta l-carer ma tkunx ħadmet qabel bdiet tieħu l-allowance għall-carer jew ma jkollhiex il-medja ta’ mill-nqas 15-il kontribuzzjoni li semmejt aktar qabel, xorta jkollha dritt għal 4 snin ta’ kontribuzzjonijiet akkreditati.  Kemm-il darba fil-futur il-persuna ma tibqax fuq l-Allowance tal-Carers u tibda taħdem, jekk tħallas il-kontribuzzjonijiet li għandha bżonn biex tikkwalifika għall-pensjoni kif spjegajt, dawn il-krediti jiżdiedu mat-total u bihom il-persuna jista’ jkollha pensjoni, jew pensjoni ogħla.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Appelli pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34384, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi għall-aħħar tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 34383.

Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni Internazzjonali - Membri tal-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex maħtur iċ-chairperson tat-Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni Internazzjonali? Jekk iva, jista' jgħid min huwa ċ-Chairperson il-ġdid u min huma l-membri ta' dan il-Bord?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li wara li Dr Claudio Zammit ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Maġistrat tal-Qrati Inferjuri ta’ Malta u Għawdex, ċ-Chairperson tat-Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni Internazzjonali ġie effettivament maħtur. Iċ-Chairperson huwa Dr Charlton Cacscun, filwaqt li l-membri tat-Tribunal huma Dr Benjamin Valenzia, Dr Ryan Ellul u Dr Christian Camilleri.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Deċiżjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni qed jiġu mqassma mir-reception tal-istess Bord u mhux waqt seduta normali? Jista’ jgħid ukoll f’każ li d-deċiżjoni tkun negattiva, għaliex ikun hemm il-pulizija tal-Immigrazzjoni fir-reception li jieħdu d-dokument tal-ivvjaġġar f'idejhom u jitolbu lill-appellant sabiex jirraporta għand il-pulizija tal-Immigrazzjoni fi żmien stipulat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fir-rigward ta’ każijiet fejn id-deċiżjoni tkun negattiva, il-preżenza tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni fir-reception hija intiża sabiex tiżgura l-implimentazzjoni immedjata tal-konsegwenzi legali tad-deċiżjoni, inkluż il-verifika u, fejn applikabbli, it-teħid tad-dokument tal-ivvjaġġar. It-teħid tad-dokument tal-ivvjaġġar kif ukoll it-talba lill-appellant sabiex jirrapporta għand il-Pulizija tal-Immigrazzjoni fi żmien stipulat jifformaw parti mill-proċess ta’ monitoraġġ in segwitu tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-eżami tal-pożizzjoni legali tal-persuna, l-obbligi tagħha skont il-liġi tal-immigrazzjoni, u kwalunkwe passi ulterjuri li jistgħu jkunu meħtieġa, inkluż l-organizzazzjoni tad-deportazzjoni jew tar-ritorn volontarju skont il-każ, jew miżuri oħra kif meħtieġ. Ninsab infurmat li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni qed jiġu nnotifikati lill-appellanti permezz tar-reception tal-Bord bħala parti minn proċedura amministrattiva stabbilita, maħsuba biex tiżgura notifika aktar rapida, strutturata u effiċjenti tad-deċiżjonijiet, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn ma tkunx meħtieġa seduta formali jew fejn il-każ ikun diġà ġie ttrattat u deċiż fuq il-bażi tal-atti ppreżentati. Ninsab infurmat li din il-modalità ta’ notifika ma taffettwax id-drittijiet proċedurali tal-appellanti u lanqas il-validità tad-deċiżjoni, peress li d-deċiżjoni tibqa’ tittieħed mill-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni skont il-liġi applikabbli u tkun debitament iffirmata mill-membri tiegħu.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Seduti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm inżammu seduti fis-sena 2025 u fis-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li s-seduti tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni jissejħu u jinżammu b’mod regolari, skont il-ħtiġijiet operattivi u n-natura tal-każijiet pendenti quddiem kull Diviżjoni. Ninsab ukoll infurmat li numru ta’ deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta’ sottomissjonijiet bil-miktub li jkunu tressqu mill-appellant u mill-entità kkonċernata.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Appelli deċiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm ġew deċiżi appelli fis-sena 2025 u fis-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li mill-bidu tas-sena 2025 sat-18 ta’ Frar 2026, il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni ħareġ total ta’ 3,889 deċiżjoni ta’ appell.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm hemm appelli pendenti quddiem kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li is-sena li għaddiet, il-Gvern daħħal emendi legali biex itejjeb l-effiċjenza tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni. Ġiet istitwita diviżjoni ġdida, immexxija minn Chairperson impenjat fuq bażi full-time, u l-liġi issa tipprovdi proċedura aktar ċara u effiċjenti għas-sottomissjonijiet bil-miktub. Mill-ħruġ ta’ dawn l-emendi f-Awwissu 2025, diġà rajna tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ appelli pendenti, u fejn aktar minn nofs l-appelli pendenti ġew sottomessi fl-2025 u fl-2026. Dan l-impatt inizjali juri li r-riformi qed iġibu riżultati tanġibbli u jikkonferma l-effettività tal-bidliet strutturali u proċedurali introdotti.Dan hekk ninsab infurmat li, sat-18 ta’ Frar 2026, hemm total ta’ 4,446 appell pendenti quddiem il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni, li dan jirrizulta tnaqqis fuq l-ammont ta’ 5,027 ta’ Lulju tas-sena 2025.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-remunerazzjoni finanzjarja ta’ kull persuna li tpoġġi fuq kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li  ċ-Chairpersons u Membri tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni jirċievu remunerazzjoni skont kif deċiż mill-Amministrazzjoni Pubblika.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Kompożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhuma komposti l-erba’ bordijiet tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè, Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4? Jista' jgħid ukoll min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta' kull Bord?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-kompożizzjoni ta’ dawn id-diviżjonijiet huma kif ippubblikati fil-gazzetta tal-Gvern, li qed npoġġi wkoll fuq il-mejda tal-kamra.

Servizz tas-Silver T - Konfini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jwessa’ l-konfini tar-reġjuni li fihom jingħata s-servizz tas-Silver T u dan minħabba diversi ilmenti li s-servizz mhux qed jingħata jekk ikun meħtieġ barra l-konfini?  Jekk iva, jista’ jgħid meta u kif ser ikunu qegħdin jitwessgħu dawn il-konfini?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità kontinwament tevalwa s-servizzi tagħha biex tassigura li huma skont il-ħtiġijiet tal-anzjani. Is-Servizz tas-Silver T huwa maqsum f’reġjuni li huma mfassla biex jiżguraw servizz effiċjenti, li jippermetti li jintlaħaq l-ogħla numru ta’ anzjani fi żmien raġjonevoli, filwaqt li jiġi evitat dewmien mhux meħtieġ. L-għan tas-Servizz tas-Silver T mhux li  jidduplika  jew  jieħu post servizzi  oħra tat-trasport diġà eżistenti, bħalma huma dawk offruti mill-Kunsilli Lokali, sptarijiet u entitajiet oħra, iżda li jkun ta’ għajnuna għall-anzjani fil-qadi tagħhom fil-komunità fejn jgħixu.

Coeliac Voucher Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi tibdil dwar il-mod ta’ kif persuni li huma coeliac jirċievu l-vouchers taħt is-Coeliac Voucher Scheme?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sar titjib importanti fl-appoġġ mogħti lil individwi li għandhom il- kundizzjoni magħrufa bħala Coeliac , fejn għandna aktar minn 2000 pazjent reġistrat . Fl-isforzi kontinwi biex innaqqsu l-burokrazija żejda u ntejbu l-aċċess għall-kura, b’effett minn din is-sena, kif fil-fatt tħabbar fil-Bagit 2026, l-iSkema tal-Vawċers tal-POYC ġiet trasformata  għall-mudell ta' Ħlas Dirett fil-kont bankarju tal- individwi. B'dan l-aġġornament, l-individwi rispettivi m’humiex aktar ristretti li jsarrfu vawċers  fi prodotti mingħajr glutina minn ħwienet speċifiċi. Minflok, issa għandhom il-libertà kollha li jagħżlu minn fejn u kif jużaw il-benefiċċju, inkluż fuq ikel naturali mingħajr glutina, li jista' joffri għażliet aktar b'saħħithom. Barra minn hekk, l-individwi issa m’għandhomx limitu ta’ meta jistgħu jużaw il-benefiċċju bħal ma kellhom bis-sistema tal-vawċers. Titjib ieħor importanti marbut ma dan il-benefiċċju tħabbar ukoll fil-Baġit 2026 u jirriggwaqrda ż-żieda ta’ € 20 fix-xahar lil kull individwu mal-ammont li kien jirċievi qabel.

Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani – Laqgħat tal-Kunsill

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba jiltaqa' l-Kunsill għall-Anzjani maħtur taħt l-Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani? Jista' jgħid ukoll meta saret l-aħħar laqgħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellanta, biex tirefferi għall-Mistoqsija Parlamentari 34026.

Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani – Membri tal-Kunsill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kunsill għall-Anzjani li nħatru taħt l-Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-ħatra tal-membri tal-Kunsill għall-Anzjani għas-snin 2026 – 2027, maħtura taħt l-Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani, se tiġi kkomunikata uffiċjalment ladarba l-proċess ikun konkluż skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi u mill-amministrazzjoni pubblika.

Birkirkara - Triq Ganu - Akkomodazzjoni affordabbli - Proġett

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 33691 u 33817 u jgħid fiex wasal il-proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli (affordable housing) għall-anzjani fi Triq Ganu, Birkirkara?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-art fi Triq Ganu, Birkirkara ġiet trasferita lill-Awtorità tad-Djar mingħand l-Awtorità tal-Artijiet is-sena li għaddiet. Rigward il-proġett is-Segretarju Parlamentari għadu qed jevalwa liema direzzjoni l-aħjar li jieħu.

Birkirkara - Triq Ganu - Akkomodazzjoni affordabbli - Proġett

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33691 u jgħid fiex wasal il-proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli (affordable housing) għall-anzjani fi Triq Ganu, Birkirkara?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Anzjani u ħaddiema trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-anzjani u l-ħaddiema li kienu u qed jiġu trasferiti minn Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul ser jerġgħu lura fl-istess ward meta din titlesta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li ladarba din is-sala titlesta, il‑ħaddiema u r‑residenti li ġew trasferiti ser jirritornaw lura fl‑istess ward. Fir‑rigward tal‑pazjenti, kull deċiżjoni tittieħed skont il‑pjan ta’ kura individwali tagħhom, kif stabbilit mill‑konsulent responsabbli.

San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-impjegati li jaħdmu f’Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul ġew infurmati li l-ward ser tkun qed tingħalaq għax-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk ġewx infurmati fejn ser ikunu qed jiġu trasferiti fil-frattemp?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-impjegati ġew infurmati bil-għeluq temporanju tal-ward qabel ma beda t-trasferiment tar-residenti. Huma ġew ukoll avżati li matul dan il-perjodu kienu ser jiġu assenjati biex jaħdmu fi swali tad-dimenzja, peress li l-ispeċjalizzazzjoni u l-esperjenza tagħhom tinsab f’dan il-qasam.

San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Anzjani trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-anzjani u l-familjari tagħhom ġew infurmati li ser jiġu trasferiti minn Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-anzjani u l-familjari tagħhom ġew infurmati dwar it-trasferiment qabel ma dan beda jitwettaq, bl-istess mod kif kienu infurmati minn qabel il-ħaddiema.