Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntrattur inkarigat mit-tindif

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-penali kollha li jimponu fuq il-kuntrattur ta' tindif, li l-isem tal-kumpanija tiegħu qed jintbagħat separatament, fir-Residenza San Vinċenz de Paule f'każ illi l-kuntrattur jonqos mill-obbligi tiegħu kuntrattwali? Jista' jgħid f'liema każijiet il-kuntrattur qiegħed jimponi dawn il-penali fuq l-impjegati tiegħu u jekk humiex qegħdin jitnaqqsu direttament mis-salarji ta' dawn l-impjegati?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-penali li jistgħu jiġu imponuti f'każ illi l-kuntrattur jonqos mill-obbligi tiegħu kuntrattwali huma skont it-tender CT 2374/2018 Artiklu 19 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-servizz li jingħata minn din il-kumpanija hija ta’ livell għoli u qatt ma ngħataw penali. San Vinċenz għandu kuntratt ma’ min jipprovdi s -servizz iżda ma jidħolx fuq is-salarji tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu.

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntrattur inkarigat mit-tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntrattur, li l-isem tal-kumpanija tiegħu qed jintbagħat separatament, reċentement żammx laqgħa fir-Residenza San Vinċenz de Paule għall-impjegati tiegħu sabiex jgħarrafhom dwar it-tnaqqis li se jkun qed isir direttament mis-salarji tagħhom għall-penali li jistgħu jiġu imposti fuqhom? Jista' jagħti aktar dettalji dwar din il-laqgħa u jekk l-impjegati tal-kuntrattur għandhomx ukoll l-istess proċedura ta' dixxiplina li teżisti għall-impjegati li jaħdmu mal-Gvern?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li San Vinċenz joffri l-faċilità biex kuntrattur ikun jista jiltaqa’ mal-ħaddiema tiegħu. San Vinċenz għandu kuntratt ma’ min jipprovdi s-servizz iżda ma jidħolx fuq il-ftehim u l-kundizzjonjiet tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu.

Anzjani li jgħixu fil-komunità – servizz ta’ internet b’xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qed jiġi offrut internet b'xejn lill-anzjani li jgħixu fil-komunità? Jekk iva, jista' jgħid kemm hawn anzjani jibbenefikaw minn dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed tipprovdi faċilità ta’ internet b’xejn ġewwa ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Anzjanità Attiva. Sadanittant l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qeda taħdem mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni biex jagħmlu parti mill-iskema “Skontijiet għall-Anzjani” sabiex persuni li għandhom ‘il fuq min 60 sena jkunu jistgħu jibbenefikaw minn offerti fuq pakketti li jinkludu wkoll l-internet. Bħalissa hemm żewġ operaturi ewlenin, li huma l-GO u l-EPIC, li joffru pakketti mraħħsa ta’ internet fuq mobile lill-anzjani. L-informazzjoni mingħand l-operaturi għadhom qed jgħadduha lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paule – Wi-Fi bla ħlas fis-swali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jipprovdix Wi-Fi bla ħlas fis-swali tar-Residenza San Vinċenz de Paule apparti fiż-żoni komuni u fid-day-room tas-swali u l-btieħi tar-Residenza? Jekk le, jista' jgħid meta se jkun qed jipprovdi Wi-Fi bla ħlas?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minbarra s-servizz ta’ wifi li diġa’ jeżisti fl-ispazji miftuħin ta’ San Vinċenz de Paul, kif ukoll fiż-żoni ta’ fejn jieklu r-residenti u ż-żoni komuni, riċentament is-servizz ġie estiż ukoll f’aktar postijiet. Dan wara li sar proġett pilota fejn iddaħħal is-servizz tal-wifi ġewwa l-kmamar tas-sodda f’żewġt iswali fuq perjodu ta’ sitt xhur. Dan il-proġett pilota kien suċċess u issa qed isir l-ippjanar biex il-wifi b’xejn jiġi estiż fis-swali kollha.

Djar residenzjali tal-anzjani – Wi-Fi bla ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jipprovdix Wi-Fi bla ħlas fid-djar residenzjali tal-anzjani tiegħu? Jekk iva, jista' jikkonferma li l-Wi-Fi bla ħlas jiġi pprovdut ukoll fil-kmamar tal-anzjani?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jipprovdi Wi-Fi bla ħlas fid-djar residenzjali tal-anzjani tal-gvern kollha. Dan is-servizz qed jiġi pprovdut ukoll fil-kmamar tal-anzjani.

Residenza San Vinċenz de Paule — Carers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm carers jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid kemm minnhom huma impjegati tal-Gvern u kemm minnhom huma impjegati mal-kuntrattur? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma barranin?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li n-numru ta’ carers li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paule huwa 223 li jinkludu Health Carer I, Health Carer II u Senior Health Carer. Dawn huma impjegati tal-Gvern u kollha Maltin. Il-carers tal-kuntrattur jammontaw għal 493. Minnhom, hemm 380 li huma barranin.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti kapitali li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew taħt xi entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu li għaddejjin bħalissa u wkoll dawk li se jkunu qed jinbdew f'din is-sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni ser titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra

Residenza San Vinċenz de Paule — anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paule fil-preżent? Jista' jgħid kemm minnhom huma residenti rġiel u kemm minnhom huma residenti nisa?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li n-numru ta’ residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paul huwa ta’ 1,338 resident. Minn dawn, 445 huma rġiel waqt li 893 huma nisa.

Senior Citizen Services Board

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1296 u 1518 u jgħid minn min hu kompost il-Foundation for Senior Citizen Services Board? Jista' jgħid x'inhuma r-remunerazzjoni, ħlas u benefiċċju li qed jirċievu dawn il-membri, jekk inhu l-każ?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpelanta li l-‘Foundation for Senior Citizen Services Board’ huwa kompost kif ġej: Chair: Sa Joyce Debono Membri: Is-Sur Julian Fearne Is-Sur Frank Masini Vento Sa Karen Schembri Is-Sur David Degiorgio Segretarju: Is-Sur Saviour Galea Ir-remunerazzjoni taċ-Chairperson hi € 2,366.42 fis-sena u tal-membri/segretarju hi €1,014.18 fis-sena. Dan hu skont il-‘Manual for Setting the Categorization and Remuneration of Government-Appointed Boards and Committees’.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – Chairpersons, membri tal-bordijiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 172 u 1517 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista taċ-Chairpersons, membri tal-bordijiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1871, 1872, 1873, 1874, 1875 li ngħataw fis-seduti 22 u 23. Għar-rigward tal-entità ‘Social Care Standards Authority, il-Bord hu kompost kif ġej: Chair: Dr Charles Gauci Viċi Chair: Is-Sur Joseph Calleja Membri: Is-Sur Jorgen Souness Is- Sur Matthew Vella Sa Philomena Meli Is-Sur Robert Mallia Dr Svetlana Sammut Segretarja: Sa Lisa Cassar

Dementia Activity Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna Dementia Activity Centres f'pajjiżna? Jista' jgħid liema huma dawn iċ-ċentri u kemm hemm persuni jattendu f'kull ċentru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta u Għawdex hemm erba’ Dementia Activity Centres li huma: Ċentru għall-persuni bid-dimensja Ħal Safi – jattendu 22 persuna li jgħixu bid-dimensja. Ċentru għall-persuni bid-dimensja Mtarfa – jattendu 30 persuna li jgħixu bid-dimensja. Ċentru għall-persuni bid-dimensja Dar Padova, Għajnsielem – jattendu 8 persuni li jgħixu bid-dimensja. Ċentru għall-persuni bid-dimensja San Vinċenz de Paul – jattendu 23 persuna li jgħixu bid-dimensja.

Dementia Activity Centres — Carers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm carers jaħdmu f'kull Dementia Activity Centre f'pajjiżna? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-carers għandhom kwalifiki fid-Dementia u tal-anqas għandhom l-Awards in Dementia Studies MQL4? Jista' jgħid f'liema ċentri jaħdmu dawn il-carers?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull ċentru għall-persuni bid-dimensja jkun hemm numru għoli ta’ carers. Dawn jeħtieġu kwalifiki u esperjenza sabiex tingħata l-aħjar kura lil dawk li jattendu. Saru numru ta’ korsijiet fuq id-dimensja matul is-snin u l-carers kollha huma imħeġġa biex jibqgħu jistudjaw fil-qasam. Ċentru għall-persuni bid-dimensja Ħal Safi: 10 Carers 5 għandhom Award in Dementia Care Level 4 4 għandhom Introduction to Dementia Care Course 1 għandha Dementia Knowledge Course li kien parti mill-programm tal-Capacity Building – ESF 4.24 . Ċentru għall-persuni bid-dimensja Mtarfa: 8 carers 8 għandhom Introduction to Dementia Care Course u Mental Health First Aide course. Ċentru għall-persuni bid-dimensja Dar Padova: 9 Carers 9 għandhom Award in Dementia Care Level 4. Ċentru għall-persuni bid-dimensja San Vinċenz de Paul: 12-il Carer 5 għandhom Dementia Care Practise Course LAS 1102 7 għandhom Dementia Knowledge Course li kien parti mill-programm tal- Capacity Building – ESF 4.24

Residenza San Vincenz de Paule – Anzjani fuq il-waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew fuq il-waiting list biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid jekk hemmx aktar minn waiting list waħda u jekk iva, jista' jgħid kemm hemm fuq il-waiting list f'kull kategorija?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk meqjusa mill-ispeċjalisti li huma ta’ Kategorija 1 (urġenti) fil-mument hemm 9 persuni fuq il-waiting list biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule. F’kategorija 2 (inqas urġenti), jirriżulta li hemm 20 persuna jistennew. Fiż-żewġ ċirkostanzi jsir kull sforz biex jiġu akkomodati kemm jista’ jkun malajr, perjodu li jista’ jvarja minn ftit jiem sa ftit ġimgħat. Dejjem jiddependi minn ħafna ċirkostanzi, inkluż id-disponibilità tas-sodod.

Djar Residenzjali tal-Anzjani tal-Gvern – Anzjani fuq il-waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew fuq il-waiting list biex jidħlu f'xi waħda mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani tal-Gvern? Jista' jgħid jekk hemmx aktar minn waiting list waħda u jekk iva, jista' jgħid kemm hemm fuq il-waiting list f'kull kategorija?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 1221 persuna li qegħdin fuq il-waiting list u għadhom qed jistennew biex jidħlu f’Dar Residenzjali tal-Anzjani. Minn dawn, 613 persuna applikaw fis-sena 2022. Hemm waiting list waħda u l-anzjani jidħlu f’Dar Residenzjali skont l-urġenza tal-każ u s-sodod disponibbli.

Għotja għaċ-ċittadin anzjan ta’ €300 – anzjani li jgħixu fil-komunità

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1596, jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-anzjani ta' bejn il-75 u t-80 sena li jgħixu fil-komunità u ċjoè fid-djar personali tagħhom li jirċievu l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta' €300 (dan peress li r-risposta tirreferi għad-djar residenzjali privati)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ anzjani li jgħixu fil-komunità li qed jingħataw l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €300 hu ta’ 18,237. L-Għotja ta’ €300 tingħata lil dawk l-anzjani li għandhom 75 sena imma li għadhom m’għalqux it-80 sena.

Adozzjoni — pajjiżi fejn hu permess issir adozzjoni

Question

B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 1354 u 1594, jista' l-Ministru jgħid kemm tfal ġew adottati minn kull pajjiż rispettivament mis-sena 2017 sal-lum?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsill għall-Anzjani li jgħin lill-Kummissarju għall-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1300 u 1593 u jgħid minn min hu kompost il-Kunsill għall-Anzjani li jgħin lill-Kummissarju għall-Anzjani? Jista' jgħid jekk apparti ċ-Chairperson u sitt membri oħra maħtura skont il-liġi, ġewx maħtura aktar membri mill-Kunsill? Jekk inhu l-każ, jista' jgħid min huma dawn il-membri?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

National Commission on Active Ageing

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1299 u 1521 u jgħid minn min hu kompost in-National Commission on Active Ageing? Jista' jgħid x'inhuma r-remunerazzjoni, ħlas u benefiċċju li qed jirċievu dawn il-membri, jekk inhu l-każ?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-‘National Commission on Active Ageing’ hija komposta kif ġej: Chair: Prof Marvin Formosa Membri: Is- Sur George Said Is- Sur Liam Pace Sa Joyce Debono Prof George Buttigieg Sa Georgina Attard Sa Silvana Civelli Membru/Segretarju: Is- Sur Martin Sultana Ir-remunerazzjoni taċ- Chairperson hi €18.07/hr u tal-membri hi €15.24/hr. Dan skont il-‘Manual for Setting the Categorization and Remuneration of Government-Appointed Boards and Committees’.

Management Committee of St. Vincent de Paule

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1298 u 1520 u jgħid minn min hu kompost il-Management Committee of St Vincent de Paule? Jista' jgħid x'inhuma r-remunerazzjoni, ħlas u benefiċċju li qed jirċievu dawn il-membri, jekk inhu l-każ?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l- ‘Management Committee of St. Vincent de Paule huwa kompost kif ġej: Chair: Dr. Antoine Vella Viċi Chair: Prof Stephen Montefort Membri: Dr. Michael Buttigieg Is-Sur Joseph Debono Prof Pierre Ellul Dr. Josianne Cutajar Dr Brian Farrugia Sa Suzanne Attard Sa Fabienne Grech Dr. Santosh Kumar Membri/Segretarja: Sa Isabella Aquilina Ir- remunerazzjoni taċ- Chairperson hi €4,732.84; tal-Viċi Chairperson hi €3,155.23, u tal-membri hi €2,366.42. Dan skont il-‘Manual for Setting the Categorization and Remuneration of Government-Appointed Boards and Committees’.

Home Help Appeals Bord

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1297 u 1519 u jgħid minn min hu kompost il-Home Help Appeals Board? Jista' jgħid x'inhuma r-remunerazzjoni, ħlas u benefiċċju li qed jirċievu dawn il-membri, jekk inhu l-każ?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li il- ‘Home Help Appeals Board’ huwa kompost kif ġej: Chair: Dr Kevin Mompalao Viċi Chair: Dr Anthony Dimech Membri: Is- Sur Aldrin Cassar Sa Angela Aguis Is- Sur Paul Vella Is- Sur Frank Masini Is- Sur David Schembri Wismayer Is- Sur Saviour Galea Sa Karen Schembri Sa Catherine Vella Segretarja: Sa Lara Azzopardi Ir- remunerazzjoni taċ- Chairperson hi €15.24/hr, tal-Viċi Chairperson hi €14.24/hr, u tal-membri/segretarja hi €13.34/hr. Dan skont il-‘Manual for Setting the Categorization and Remuneration of Government-Appointed Boards and Committees’.