Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sussidju fuq kera — residenzi privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sussidju fuq il-kera f'residenzi privati mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995 u li huma milquta minn żieda fil-kera stipulata minn sentenza tal-Qorti jingħatax direttament lis-sidien jew jingħatax lill-kerrejja wara li jkunu ħallsu huma lis-sidien? Jista' jgħid x'jiġri meta l-kerrejja ma jkollhomx flus biex iħallsu minn buthom il-kera l-ġdida u ma jistgħux joqogħdu jistennew ir-rifużjoni mill-Awtorità tad-Djar?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sussidju fuq il-kera f'residenzi privati mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995 jitħallas dirett lill-kerrejja sitt xhur bil-quddiem. Dan iffisser li f’Diċembru ta’ din is-sena ser jingħataw pagament li jkopri mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2023. B’hekk jiġi evitat li l-kerrejja jkunu f’diffikultà finanzjarja biex iħallsu l-kera l-ġdida.

Benefiċċju tal-Kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni ħadu benefiċċju tal-kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021, u 2022 (sal-lum), sena b'sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tinnota t-tabella t’hawn taħt li turi l-ammont ta’ persuni li ħadu benefiċċju tal-kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021, u 2022:- Sena Ammont ta’ Benefiċjarji 2017 2,653 2018 2,186 2019 2,898 2020 3,427 2021 4,040 2022* 3,700 *sal-10 ta’ Ottubru 2022

Sussidju tal-Kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja

Question

Jista' l-Ministru jelenka kull kategorija ta' applikanti li jistgħu japplikaw għal sussidju tal-kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja, id-dħul massimu taħt kull kategorija u l-ammont massimu ta' benefiċċju li kull applikant ikun intitolat għalih għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, separatament minn xulxin?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba għas-sena 2022 tinsab aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tad-Djar: housingauthority.gov.mt u l-istess informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – kuntratti ta’ kera għal skop residenzjali primarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ta' kera għal skop residenzjali primarju ġew irreġistrati mal-Awtorità tad-Djar mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum? Jista' jgħid kemm minnhom kellhom terminu ta' żmien ta' kirja ta' sitt xhur biss, kemm minnhom kellhom terminu ta' kirja ta' sena, u kemm minnhom kellhom terminu ta' żmien ta' aktar minn sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2020 sad-data li fiha qed titwieġeb din il-mistoqsija, l-ammont ta’ kuntratti residenzjali privati li ġew irreġistrati jammontaw għal 86,350. Minn dawn il-kuntratti 10,510 kellhom terminu ta’ 6 xhur, 37,713 kelhom terminu ta’ sena u 38,127 kellhom terminu ta’ aktar minn sena.

Anzjani — Servizz Respite fid-Dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li għamlu użu mis-servizz ‘Respite fid-Dar’ fis-snin 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), rispettivament? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx każijiet pendenti bħalissa li qed jistennew li jingħataw servizz mill-CommCare? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm dan id-dewmien?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjani fil-komunità li għamlu użu mis-servizz tar-Respite fid-dar kien hekk: Sena Benefiċjarji 2019 217 2020 234 2021 248 2022 sa Settembru 222 Bħalissa hemm 43 każ pendenti jistenna għas-servizz Respite fid-Dar. Ir-raġuni tal-każijiet pendenti hija n-nuqqas ta’ carers disponibbli fis-suq.

Anzjani — Silver-T Service

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani, li għamlu użu mis-‘Silver-T Service’, li jikkonsisti fi trasport lokali lill-anzjani sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom fil-komunità, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani kellhom bejn 70 sena u 80 sena u kemm minn dawn l-anzjani kellhom ’il fuq minn 81 sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz tas-Silver-T ġie mniedi f’Ottubru tal-2018 b’erbà lokalitajiet u baqa’ jiġi estiż f’aktar lokalitajiet tul is-snin. Fil-preżent qed jingħata f’25 lokalità. L-informazzjoni kif mitluba, kif ukoll it-total ta’ vjaġġi tidher fit-tabella. It-total ta’ benefiċjarji ma kinitx tinżamm mill-2018 sal-2020. Dan is-servizz bbenefikaw minnu anzjani li għandhom ’il fuq minn sittin sena. Informazzjoni ta’ kemm anzjani jużaw is-servizz li kellhom bejn 70 u 80 sena u dawk l-anzjani li kellhom ’il fuq minn 81 sena ma tinżammx. Sena Xhur Vjaġġi Benefiċjarji 2018 Ottubru - Diċembru 1,222 2019 Jannar - Diċembru 6,383 2020 Jannar - Marzu 1,473 April - Ġunju Temporanjament wieqaf minħabba Covid-19 Lulju - Diċembru 2,935 2021 Jannar – Diċembru (18-il lokalità 8,275 391 2022 Jannar – Settembru (25 lokalità) 8,292 471

Sussidju fuq il-Kera ta’ residenti privati — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm daħlu applikazzjonijiet għal sussidju fuq il-kera f'residenzi privati mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995 u li huma milquta minn żieda fil-kera stipulata minn sentenza tal-Qorti? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew ipproċessati diġà u kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet għadhom pendenti?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li s’issa daħlu 370 applikazzjoni għal sussidju fuq il-kera f'residenzi privati mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995 li huma milquta minn żieda fil-kera stipulata minn sentenza tal-Qorti. 343 applikazzjoni ġiet ipproċessata diġà. Minn dawn 314 kienu validi u approvati waqt li 29 oħra instabu invalidi. Bħalissa l-Awtorità tad-Djar għandha 27 applikazzjoni pendenti li jinsabu fi stat inizjali jew pendenti minħabba xi dokumenti nieqsa li ma ġewx sottomessi mal-applikazzjoni.

Awtorità tad-Djar – Skema ta’ Sussidju fuq il-Kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' sussidju li ngħata mill-1 ta' Ġunju 2021 sa issa mill-Awtorità tad-Djar fl-iskema ta' Sussidju fuq il-Kera f'residenzi privati mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995, u li huma milquta minn żieda fil-kera stipulata minn sentenza tal-Qorti?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-ispiża totali tan-nefqa fuq sussidju fuq il-kera f’residenzi privati mikrija qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 u li huma milquta minn żieda fil-kera stipulata minn sentenza tal-Qorti kienet ta’ €805,589.

Applikazzjonijiet għal sussidju fuq il-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-applikazzjonijiet għal sussidju fuq il-kera f'residenzi privati mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995 li ġew ippreżentati sa issa, ġejjin minn persuni li għandhom aktar minn 65 sena u kemm minnhom ġejjin minn persuni li għandhom anqas minn 65 sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li t-370 applikant li applikaw għal sussidju fuq il-kera f'residenzi privati mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995 kellhom età kif jidher hawn taħt:- Aktar minn 65 sena 286 Anqas minn 65 sena 84

Applikazzjonijiet għal sussidju fuq il-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm applikazzjonijiet għal sussidju fuq il-kera f'residenzi privati mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995 li minkejja li kellhom żieda fil-kera minn sentenza tal-Qorti u minkejja li l-kerrejja jissodisfaw il-kriterji tad-dħul u tal-kapital tat-test tal-mezzi skont ir-Regolamenti dwar it-Tkomplija tal-Kirja (Kriterji ta' test tal-mezzi) u l-Artikolu 4A tal-Ordinanza li Tirregola t-Tiġdid tal-Kiri ta’ Bini, Kap. 69, ma ġewx approvati? Jekk iva, jista' jgħid kemm kienu dawn l-applikazzjonijiet u jgħid ukoll għaliex dawn l-applikazzjonijiet ma ġewx approvati?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tad-Djar kellha 29 applikanti li applikaw għal sussidju fuq il-kera f'residenzi privati mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995 li ma ġewx approvati. Dawn ma ġewx approvati għaliex għadhom jaħdmu u l-kera awmentata hija anqas minn 25% tad-dħul annwu globali tagħhom. Din hija waħda mill-kundizzjonijiet tal-iskema ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta’ Awwissu 2021 (klawżola 10[a]).

Mediċina Golexin Implant 3.6mg

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2520 fejn ġie kkonfermat li bħalissa l-prodott imsemmi huwa disponibbli, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għal liema perjodi ma kienx disponibbli u jekk kienx hemm pazjenti li ġew milquta min-nuqqas tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 2520.

Anzjani — Servizz ta’ fiżjoterapija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li llum qed jagħmlu użu mis-servizz ta' fiżjoterapija? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma residenti fid-djar tagħhom u kemm minnhom huma residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet li għadhom pendenti u jekk iva, jista’ jgħid għaliex għadhom pendenti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew dawk id-Djar li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership hemm 3,100 resident. Kull resident li jiġi ammess f’dawn ir-residenzi jiġi assessjat mill-fiżjoterapisti. Jekk ir-resident ikollu bżonn it-terapija, jiġi segwit b’mod regolari. Jekk ma jkollux bżonn it-terapija jerġa jkun assessjat wara sitt xhur. Fil-komunità hemm 3,910 persuni li qed jieħdu s-servizz tal-fiżjoterapija fid-dar tagħhom. Fil-preżent hemm 53 applikazzjoni għall-fiżjoterapija li qed jistennew is-servizz. Dawn huma każijiet riċenti u qed jiġu trattati skont l-urġenza tagħhom.

Anzjani — Servizz ta’ Podjatrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li llum jagħmlu użu mis-servizz ta’ Podjatrija? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma residenti fi djar tagħhom u kemm minnhom huma residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet li għadhom pendenti u jekk iva, għaliex għadhom pendenti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew dawk fid-Djar li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership hemm 3,100 resident. Kull resident li jiġi ammess jiġi assessjat mill-podjatrista u jibqa’ jiġi segwit b’mod regolari skond il-bżonn li jkollu. Fil-komunità hemm 3,600 il-persuna li qed jieħdu s-servizz tal-podjatrija fid-dar tagħhom. Hemm 100 każ jistenna dan is-servizz. Dawn huma każijiet riċenti u qed jiġu trattati skont l-urġenza tagħhom.

Anzjani — Servizz “Telecare on the Move”

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għandhom djanjosi ta' dimensja li qed jagħmlu użu mis-servizz ta' Telecare on the Move? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-anzjani jibbenefikaw minn servizz u apparat b'xejn u kemm minn dawn l-anzjani jħallsu għal dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li preżentament hemm 106 persuna li qed jibbenefikaw mis-servizz ta’ Telecare on the Move. 96 minnhom qed iħallsu il-kirja ssussidjata ta’ €4.99 fix-xahar għax mhumiex fil-pussess tal-karta r-roża, fil-waqt li 10 klijenti qed jieħdu s-servizz kollu b’xejn. Tajjeb li nsemmu li kull min huwa eliġibbli għal dan is-servizz jiġi mogħti l-apparat b’xejn.

Anzjani — Servizz ta' Psikoterapija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz ta' Psikoterapija? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-anzjani jgħixu f'residenzi tal-anzjani u kemm minn dawn l-anzjani jgħixu fil-komunità? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm anzjani li jgħixu fil-komunità jattendu f'kull klinika tal-psikoterapisti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hemm 173 anzjan li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-psikoterapija, li minnhom 103 jgħixu fi djar residenzjali filwaqt li 70 jgħixu fil-komunità. Mis-70 anzjan li jgħixu fil-komunità, 56 minnhom qed jattendu fil-kliniċi rispettivi kif indikat hawn taħt: Birkirkara – 13 Paola – 19 Qormi – 9 Żurrieq – 8 Imtarfa – 7 Filwaqt 14-il anzjan jirċievu dan is-servizz fid-djar tagħhom, f’forom ta’ visti u anke sessjonijiet online. Tajjeb li nsemmu li dawn in-numri li ssemmew jistgħu ivvarjaw minn xahar għal xahar skont l-esiġenzi tal-klijent.

Kors dwar il-Kura tal-Anzjani: Teorija u Prattika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw biex jattendu għall-kors dwar il-Kura tal-Anzjani: Teorija u Prattika, akkreditat mill-Università ta' Malta u organizzat miċ-Ċentru ta' Taħriġ, San Vinċenz de Paul, (LAS1101) Award fil-Livell 5 (14ECTS) liema applikazzjonijiet għalqu fl-20 ta' Settembru li għadda?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li għall-kors dwar il-Kura tal-Anzjani: Teorija u Prattika, akkreditat mill-Università ta' Malta u organizzat miċ-Ċentru ta' Taħriġ, San Vinċenz de Paul, kien hemm 26 applikazzjoni għall-kors full time u 8 applikazzjoni għall-kors part time.

Anzjani li jgħixu fil-komunità – servizz ta’ internet b’xejn

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1986, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi u jekk sarx xi forma ta' ftehim mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni sabiex l-anzjani li jgħixu fil-komunità jibbenefikaw minn internet b'xejn jew minn offerti fuq pakketti li jinkludu wkoll l-internet? Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibda jipprovdi lill-anzjani li jgħixu fil-komunità b'internet b'xejn fin-nuqqas ta' xi forma ta' ftehim mal-operaturi?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif fil-fatt ġiet mwieġba l-Mistoqsija Parlamentari numru 1986, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħda tipprovdi faċilità ta’ internet b’xejn ġewwa ċ-ċentri tal-Anzjanità Attiva kif ukoll ħadmet mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni GO u EPIC biex jagħmlu parti mill-iskema “Skontijiet għall-Anzjani” fejn anzjani li għandhom ’il fuq minn 60 sena jistgħu jibbenefikaw minn offerti fuq pakketti li jinkludu l-internet.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – post ta’ supervisor

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għall-post ta' Supervisor li għalqet fis-26 ta' Settembru 2022 (HR/MFAA/015/2022)? Jista' jgħid jekk minkejja li l-vakanza kienet waħda interna u kienu eleġibbli li japplikaw uffiċjali pubbliċi fis-Servizz Pubbliku jew uffiċjali pubbliċi fis-Settur Pubbliku, intlaqgħux wkoll applikazzjonijiet esterni?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-vakanza għalqet fis-26 ta’ Settembru 2022. Għaldaqstant il-Bord tal-Għażla għadu fil-process ta’ evalwazzjoni.

Silver-T Service

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Silver-T Service jintużax f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz tas-Silver-T qed jingħata f’25 lokalità f’Malta, li huma ż-Żurrieq, Ħal Safi, Gudja, ir-Rabat, il-Baħrija, l-Imtarfa, Ħad Dingli, il-Mosta, Burmarrad, l-Imġarr, in-Naxxar, il-Għargħur, il-Gżira, l-Imsida, Ta’ Xbiex, Tal-Pietà, Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Tarxien, Santa Luċija, il-Mellieħa, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba u se jiġi provdut ukoll f’Għawdex fiż-żmien qarib. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħda fil-proċess li toħroġ tender sabiex dan is-servizz jiġi estiż fuq bażi nazzjonali.

Anzjani — Skont fuq il-kera tal-linja tat-telefown

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li jingħataw skont fuq il-kera tal-linja tat-telefown tar-residenza tal-anzjan? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-kriterji sabiex anzjan ikun eleġibbli għal dan l-iskont?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-mument hemm 1,955 klijenti li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz. Dawn huma l-kriterji għal dan is-servizz: · Persuni anzjani li għandhom 60 sena ’l fuq u li għandhom il-Karta r-Roża valida maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u; · L-applikant irid ikollu servizz ta’ linja fissa tat-telefown tal-Go plc. Dan is-servizz ma jridx ikun marbut b’xi kuntratt jew b’xi pakkett ta’ servizz ieħor tal-Go plc.