Legislature:
Category:
Reset
Active:

Informal caregivers – applikazzjonijiet għal residential respite

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-kondizzjonijiet sabiex informal caregivers ikunu jistgħu japplikaw għal Respite Residenzjali? Jekk iva, jista’ jgħid meta sar dan it-tibdil u għaliex sar? Jista’ jgħid ukoll kemm kien il-massimu ta’ ġranet li dawn l-informal caregivers setgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz u kif setgħu jieħduh u jgħid ukoll kemm hu l-massimu ta’ ġranet illum li jistgħu jieħdu u kif jista’ jittieħed?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-kundizzjonijiet sabiex informal caregivers ikunu jistgħu japplikaw għal Respite Residenzjali. Il-massimu tas-servizz huwa ta’ tliet ġimgħat u jkunu jistgħu jagħmlu użu minnu tliet darbiet fis-sena.

Residenza San Vinċenz de Paule – servizz b’xejn ta’ televiżjoni għar-residenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2008, jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx illi l-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul għandhomx igawdu minn servizz b’xejn tat-televiżjoni kullimkien u mhux fil-common areas tas-swali biss? Jista’ jgħid għaliex l-anzjani għandhom iħallsu huma għal dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġo kull sala r-residenti jistgħu jgawdu mis-servizz b’xejn tat-televiżjoni ġol-common areas bħalma kien għal bosta snin. Is-servizz ta’ free to air channels fejn kull sodda huwa provdut mill-kumpanija privata permezz tal-użu tal-antennae fejn dan l-aħħar ġimgħat qed isiru arranġamenti f’kull lokalità biex dan is-servizz ikompli jingħata. Dan qed isir ukoll ġewwa San Vinċenz de Paul (SVP). Barra minn hekk, kull resident jista’ jagħmel ftehim mal-kumpanija li tipprovdi s-servizz ġewwa SVP biex ikollu servizz tat-televiżjoni b’aktar stazzjonijiet ħdejn is-sodda.

Trasport provdut lill-anzjani biex ikunu jistgħu jaċċessaw ir-reverse vending machines

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx il-ftehim bejn BCRS Malta Limited u l-Active Ageing sabiex l-anzjani jiġu pprovduti trasport sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw ir-reverse vending machines u jiddepożitaw il-fliexken tagħhom? Jista’ jgħid meta se jibda jitħaddem dan is-servizz u jagħti dettalji ta’ kif se jibda jopera dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-taħditiet dwar il-ftehim mal-BCRS Malta Ltd waslu fil-fażi finali. Dan is-servizz jibda jitħaddem hekk kif il-karozzi jkunu disponibbli għand l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Dan is-servizz se jitħaddem billi l-anzjani jittieħdu biex jagħmlu x-xirja tagħhom mis-supermarkets li għandhom il-magna tal-iskema ta’ rifużjoni, biex fl-istess ħin huma jirritornaw il-kontenituri vojta li jkollhom. F’każ li l-ħanut li minnu jixtri l-anzjan/a m’għandux il-magna tar-rifużjoni, l-anzjani jittieħdu fl-eqreb hub ta’ din l-iskema u wara jibqgħu sejrin bihom biex jagħmlu x-xirja tagħhom. Barra milli jaqdu lill-anzjani fl-iskema tar-rifużjoni kif spjegat hawn fuq, il-vetturi sejrin jintużaw għas-servizz normali tas-Silver-T, fuq livell nazzjonali. Dan is-servizz ta’ trasport għall-anzjani, huwa bla ħlas u hu indirizzat sabiex jitnaqqas kull inkonvenjent għall-anzjani nieqsa minn mobilità.

Servizz ta’ trasport għal min ikun qed iżur ir-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jieħu ħsieb is-servizz ta’ trasport għal min ikun qed iżur ir-Residenza San Vinċenz de Paul sabiex jittieħed minn post għal post fl-istess Residenza? Jista’ jgħid kif jopera dan is-servizz, inkluż kemm jiswa u kemm qed jintużaw vannijiet?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz qed jiġi provdut mill-Kumitat tal-Welfare. Kuljum ġewwa San Vinċenz hemm servizz ta’shuttle service li waqt il-ħinijiet tad-dħul tal-viżitaturi, it-trasport iwassalhom fis-swali rispettivi. Għal dan is-servizz jintuża vann wieħed.

Il-Furjana – Dar il-Mistrieħ – anzjani residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li huma residenti bħalissa f’Dar il-Mistrieħ fil-Floriana u kemm hu n-numru ta’ anzjani li jridu jiġu rilokati sabiex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet ta’ rinnovar f’din id-dar residenzjali?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 36 resident u sabiex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet ta’ rinnovar hemm bżonn li jiġu rilokati sa massimu ta’ 15-il resident.

Floriana – Dar il-Mistrieħ – xogħlijiet ta’ rinnovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu qed jibdew ix-xogħlijiet ta’ rinnovar fid-dar residenzjali, Dar il-Mistrieħ fil-Floriana? Jista’ jgħid ukoll meta se jkunu lesti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ rinnovar diġà beda f’Dar il-Mistrieħ, Floriana u huwa skedat li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.

Awtorità għall-Istandards ta' Ħarsien Soċjali – ilmenti minn anzjani jew mill-familjari tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ilment tressaq fis-sena 2022 lill-Awtorità għall-Istandards ta' Ħarsien Soċjali minn anzjani u/jew mill-familjari tagħhom li jgħixu fid-djar residenzjali u fir-Residenza San Vinċenz de Paul dwar infermiera u carers li ma jkunux jitkellmu u jifhmu l-Malti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ lmenti li tressqu fis-sena 2022 lill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) minn anzjani u/jew mill-familjari tagħhom li jgħixu fid-djar residenzjali u fir-Residenza San Vinċenz de Paul dwar infermiera u carers li ma jkunux jitkellmu u jifhmu l-Malti huwa ta’ tnejn (2).

Korsijiet tal-Malti għal infermiera u carers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex il-problema ta' infermiera u carers li ma jitkellmux u ma jifhmux il-Malti tiġi indirizzata darba għal dejjem? Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet qed jingħataw bħalissa sabiex dawn jitgħallmu l-Malti u jgħid ukoll kemm huma twal dawn il-korsijiet?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġu offruti korsijiet tal-lingwa Maltija lill-infermiera u carers li ma jitkellmux u ma jifhmux il-Malti. Huwa obbligu li l-infermiera li jaħdmu mal-anzjani fid-djar governattivi jpoġġu għall-kors fil-Basic Medical Maltese for Health Professions li jikkonsisti f’ħames sigħat tagħlim. Dan il-kors huwa provdut mill-Università ta’ Malta. Il-carers barranin ukoll huma obbligati li jpoġġu għall-kors fil-‘Maltese Proficiency Test’. Dan huwa kors provdut minn entitajiet diversi u t-tul tal-ħin ivarja. Il-medja ta’ dan il-kors huwa ta’ 28 siegħa fuq medda ta’ seba’ ġimgħat.

Mellieħa – Dar tal-Anzjani – servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex se jkun jikkonsisti s-servizz tal-Electrocardiogram (ECG) u s-servizz tal-Palliative Care fid-Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa? Jista' jgħid ukoll kull meta ser ikunu qed jingħataw dawn is-servizzi, min se jkun jista' jagħmel użu minn dawn is-servizzi u kemm ħaddiema se jkunu qed jagħtu dawn is-servizzi?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu tal-Electrocardiogram (ECG) huwa importanti fl-evalwazzjoni u dijanjosi tal-mard tal-qalb. Dan it-tagħmir ser jintuża bħala għodda ta’ screening ta’ ċertu kundizzjonijiet tal-qalb kif ukoll sabiex tinħareġ dijanjosi tal-kundizzjonijiet mingħajr il-ħtieġa li l-anzjani jintbagħtu l-Isptar Mater Dei. Dan it-test se jingħata lil kull resident fid-dar residenzjali tal-Mellieħa, darba fis-sena, bħala eżami ta’ rutina u għalhekk se jgħin fil-ġlieda kontra l-mard tal-qalb u l-puplesiji, u allura l-opportunità li jiġu identifikati l-kundizzjonijiet u jiġu ttrattati se tiżdied, bl-għan li nipprovdu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-anzjani tagħna. Sar it-taħriġ neċessarju sabiex ikun jista’ jingħata dan is-servizz. Il-kura paljattiva hija kura li tingħata lir-residenti li jgħixu fid-djar tal-Gvern li jbatu minn mard serju jew kundizzjonijiet kroniċi u waslu fl-aħħar stadju ta’ ħajjithom. Din it-tip ta’ kura tiffoka fuq il-persuna b’mod ħolistiku aktar milli fuq il-marda, sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet fiżiċi, prattiċi, funzjonali, soċjali, emozzjonali u spiritwali tar-residenti u ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom. Dan jinvolvi tim multidixxiplinarju li ser jagħti dan is-servizz sabiex ir-resident jinżamm komdu fil-kura li qed jingħata.

Mellieħa – anzjani li għamlu użu mis-servizz ta’ night shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li għamlu użu mis-servizz ta' night shelter fil-Mellieħa fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ anzjani li għamlu użu mis-servizz tan-Night Shelter fil-Mellieħa kienu kif muri hawn taħt: 2020 – 4 2021 – 0 2022 – 0 2023 sal-lum – 0 Is-servizz ta’ Night shelter fil-Mellieħa kien wieqaf bejn it-13 ta’ Marzu 2020 u l-1 ta’ Lulju 2020 u bejn is-7 t’Awwissu 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 minħabba l-pandemija tal-COVID 19. Sussegwentement, f’Novembru tas-sena 2021, in-night shelter tal-Mellieħa beda jintuża bħala sala għall-pazjenti bid-dimensja sakemm is-sala tad-dimensja fid-Dar Madonna tal-Mellieħa ġiet rinovata u tlestiet fit-12 t’Ottubru ta’ 2022. Riċentament dan in-night shelter ġie rinovat u mis-6 ta’ Marzu 2023 kien lest biex jista’ jibda jingħata s-servizz ta’ Night Shelter għall-massimu ta’ sitt persuni.

Reġistru tal-Artijiet – applikazzjonijiet pendenti għat-titolu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6346 u jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti għat-titolu fir-Reġistru tal-Artijiet sal-aħħar ta' Jannar 2023?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Jannar ir-Reġistru kellu total ta’ 2,076 applikazzjoni li kienu pendenti u qed jiġu pproċessati. Hemm ukoll 3,182 applikazzjoni li huma sine die minħabba li ilhom għal ammont ta’ żmien jistennew kjarifikazzjonijiet jew korrezzjonijiet min-naħa tan-nutar.

Reġistru tal-Artijiet — applikazzjonijiet pendenti għal kawzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6347 u jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti għal kawzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet sal-aħħar ta' Jannar 2023?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Jannar kien hemm total ta' għaxar applikazzjonijiet għal kawzjoni pendenti fl-Uffiċċju tar-Reġistratur tal-Artijiet.

Residenza San Vinċenz de Paul — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjegati li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul intalbu jerġgħu jibdew jaħdmu mir-Residenza minflok jaħdmu remotely u dan minħabba tibdil fir-remote working policy kif ġew avżati l-istess impjegati? Jista’ jgħid ukoll x’kien dan it-tibdil maġġuri fir-remote working policy u għaliex kien deċiż li dawn l-impjegati jerġgħu jibdew jaħdmu mir-Residenza?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s’issa ma kien hemm l-ebda tibdil fir-remote working policy.

Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-ħidma tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali fis-sena 2022 u jelenka: (a) in-numru ta’ spezzjonijiet b’avviż li saru fid-djar kollha residenzjali tal-anzjani u f’liema djar residenzjali saru; (b) in-numru ta’ spezzjonijiet bla avviż li saru fid-djar kollha residenzjali tal-anzjani u f’liema djar residenzjali saru; (ċ) kemm saru interviews mal-management u l-istaff fid-djar kollha residenzjali tal-anzjani u f’liema djar residenzjali saru; u (d) kemm saru interviews mas-service users fid-djar kollha residenzjali tal-anzjani u f’liema djar residenzjali saru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għall-perjodu tal-2022 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjoni tar-Romol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5518 u jgħid illum kemm hawn nisa li jirċievu Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni kellhom dritt għall-pensjoni tagħhom, iżda minflok għażlu li jirċievu l-pensjoni tar-raġel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, n-numru ta’ nisa li jircievu Pensjoni għar-Romol jammonta għal 17,435. Minnhom hemm 2,656 illi għażlu li jirċievu l-pensjoni tar-raġel minflok il-pensjoni tagħhom.

Pensjoni tar-Romol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5519 u jgħid illum kemm hawn irġiel li jirċievu Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni kellhom dritt għall-pensjoni tagħhom, iżda minflok għażlu li jirċievu l-pensjoni tal-mara?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ rġiel li jircievu Pensjoni tar-Romol jammonta għal 495. Minnhom hemm 127 li għażlu li jirċievu l-pensjoni tal-mara minflok il-pensjoni tagħhom.

Belt Valletta – bini ta’ dar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jipprovdi Dar tal-Anzjani fil-Belt Valletta? Jekk iva, jista’ jgħid jekk ġiex identifikat xi post, fejn ser tkun qed tinbena u meta ser ikunu qed jibdew ix-xogħlijiet fuq din id-dar?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandux pjanijiet biex għalissa jibni dar tal-anzjani fil-Belt Valletta. Dan ma jfissirx li l-anzjani fil-Belt Valletta huma żvantaġġjata għax is-servizzi kollha li jinħtieġu xorta qed ikunu pprovduti lilhom.

Belt Valletta – bini ta’ ċentru ta’ matul il-jum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jipprovdi Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Belt Valletta? Jekk iva, jista’ jgħid jekk ġiex identifikat xi post, fejn qiegħed dan il-post u meta ser ikunu qed jibdew ix-xogħlijiet fuq dan iċ-ċentru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jorganizza attivitajiet għall-anzjani fil-Valletta Design Cluster. Saru żewġ programmi li kienu mmirati speċifikament għall-persuni anzjani li joqogħdu fil-Belt Valletta. Dawn il-programmi saru bejn Marzu u Ġunju 2022 u minn Settembru sa Diċembru 2022. Qed isiru tħejjijiet biex aktar attivitajiet għall-anzjani Beltin jsiru fil-futur qrib.