Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla – dar residenzjali tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-investiment li sar mill-Gvern fid-dar residenzjali tal-anzjani f’Bormla fis-snin 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti dan l-investiment u kemm kienet in-nefqa għal kull proġett?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Waqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ investimenti li saru fid-dar residenzjali tal-anzjani f’Bormla fil-perjodu msemmi, ninforma lill-Onor. Interpellanta li tali investimenti se jinżammu meta d-dar inkwistjoni tgħaddi mir-refurbishment li teħtieġ biex tilħaq l-istandards neċessarji.

Bormla – Ċentru ta’ Matul il-Jum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li jattendu kuljum fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Bormla?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Bormla jattendu madwar 50 membru b’kollox, imqassma fuq ħamest ijiem. Minn dawn 5 biss huma mill-komunità, il-kumplament huma residenti fid-dar residenzjali ta’ Bormla. Kull ġurnata jkun hemm madwar 3 persuni mill-komunità peress li dawn ma jattendux kuljum.

Bormla – Ċentru ta’ Matul il-Jum — Għeluq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jiġri mill-anzjani li jattendu ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Bormla ġaladarba l-Gvern se jkun qed jagħlaq dan iċ-ċentru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-anzjani li jattendu ċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Bormla se jkunu rilokati f’ċentru ieħor viċin ta’ Bormla u se jkun ipprovdut t-trasport. Madanakollu l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se tkun qed tiddiskuti mal-kunsill lokali u tesplora possibbiltajiet oħra biex jinfetaħ ċentru ieħor fil-Kottonera biex jakkomoda persuni li jgħixu f’dawn l-inħawi.

Bormla – Ċentru ta’ Matul il-Jum — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema jaħdmu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Bormla? Jista’ jgħid x’inhu r-rwol u l-grad ta’ kull persuna li taħdem f’dan iċ-Ċentru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Bormla hemm jaħdmu supervisor u tliet social assistants.

Djar residenzjali – persuni li qed jagħmlu mistoqsijiet lill-anzjani dwar votazzjoni fl-elezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed imorru jagħmlu assessment/interview/mistoqsijiet lill-anzjani fid-djar residenzjali sabiex jivverifikaw jekk dawn humiex kapaċi jivvotaw fl-elezzjonijiet li ġejjin? Jista’ jgħid kif qed isir dan l-assessment u ċjoè jekk hux l-anzjani kollha jridu joqogħdu għal dan l-assessment/interview/mistoqsijiet, fejn qed isir u kif qed jiġi ddeterminat jekk dawn l-anzjani humiex kapaċi jivvotaw jew le? Jista’ jgħid ukoll jekk din id-deċiżjoni tal-panel għandhiex tkun waħda unanima biex jiġi ddeterminat jekk l-anzjani humiex kapaċi jivvotaw u wkoll jekk id-deċiżjoni ta’ dan il-panel hijiex waħda finali?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tireferri għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 3044.

Pensjonanti – tnaqqis ta’ taxxa mill-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8695 u jgħid kemm hu n-numru ta’ pensjonanti li titnaqqsilhom it-taxxa mill-pensjoni tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 7,628 taxpayer li ddikjaraw li fl-2021 kellhom dħul biss minn pensjoni u li din il-pensjoni eċċediet l-ammont li fuqu hemm ir-rimborż tat-taxxa fuq il-pensjoni; filwaqt li kien hemm 13,211 taxpayer li ddikjaraw dħul min pensjoni fl-2021 u rċevew iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa peress li kienu għadhom qed jaħdmu fl-2021.

Ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża kollha relatata maċ-ċekkijiet li ntbagħtu fl-aħħar ġimgħat relatati mar-rifużjoni tat-taxxa? Jista’ jagħti rendikont ta’ kull spiża involuta li tikkomprendi wkoll il-ħlasijiet li saru sabiex jiġu pproċessati u jitwasslu dawn iċ-ċekkijiet u wkoll l-ispiża relatata maċ-ċekkijiet u l-ittri li ntbagħtu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-valur sħiħ taċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa kien ta’ €26.2 miljun, li minnhom gawdew mal-250,000 persuna bbażat fuq it-taxxa li ħallsu fis-sena 2021. Dan bħala parti mill-proċedura li ddaħħlet snin ilu biex il-ħaddiema f’pajjiżna jiġu kkumpensati, b’dawk li jaqilgħu l-inqas jieħdu l-akbar kumpens, li jvarja bejn €60 u €140 kull persuna. Infurmat li l-ispiża totali fuq proċessar, stampar u posta kienet tammonta għal €222,966.43.

Ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-rifużjoni ta’ taxxa li ngħatat fl-aħħar ġimgħat mhijiex qed tingħata lil kull min ħallas it-taxxa fl-2021? Jekk iċ-ċekkijiet li ntbagħtu huma rifużjoni ta’ taxxa skont kif ġie mħabbar mill-Gvern stess, għaliex din ir-rifużjoni mhijiex tingħata lil kull minn ħallas it-taxxa?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġibiet mogħtija f’PQs 8694 u 8918.

Rapporti dwar każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta’ abbuż fuq anzjani fis-sena 2022? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-natura ta’ dawn ir-reati kriminali u kemm kienu dawn ir-reati kriminali skont in-natura tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi kif ingħad fi tweġibiet għall-mistoqsijiet simili, fis-sistema kompjuteriżżata tal-pulizija li tiġbor ir-rapporti kollha, ma hemmx kategorija speċifika għal reati kriminali fuq persuni anzjani jew fuq bażi ta’ età. Il-kategoriji huma bbażati fuq it-tip ta’ reat imwettaq. It-tabella hawn taħt turi n-numru ta’ rapporti fis-sena 2022, fil-kategorija ta’ reati meqjusa bħala abbużivi fin-natura tagħhom, miġbura fuq persuni ta’ sittin sena jew aktar li huma reġistrati bħala vittmi ta’ reati. L-informazzjoni ma tirriflettix fin-numru ta’ vittmi, peress li rapport wieħed jista’ jinkludi aktar minn persuna waħda u għalkemm persuna anzjana tkun imniżżla bħala vittma f’rapport, tista ma’ tkunx il-persuna prinċipali fil-mira diretta tal-aggressur. Rapporti li jinvolvu persuna/i ta eta’ 60 sena jew aktar Tip ta' rapport 2022 Omiċidju volontarju 1 Feriti fuq il-persuni 78 Vjolenza domestika 180 Serq b'armi 1 Mugging 2 Snatch and Grab 8 Stupru 1

Dementia Activity Day Centres – Servizz tas-Silver T

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tas-Silver T, issa li ġie estiż fuq livell nazzjonali, huwiex qed jingħata diġà lil dawk il-persuni li jattendu d-Dementia Activity Day Centres? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm persuni li jattendu d-Dementia Activity Day Centres li jużaw dan is-servizz u f’liema ċentri jattendu? Jekk le, jista’ jgħid jekk dan is-servizz huwiex se jibda jingħata lil kull min jixtiequ u li qed jattendi xi wieħed minn dawn iċ-ċentri?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tas-Silver-T bħalissa mhux qiegħed jintuża mid-Dementia Activity Centres minħabba raġunijiet ta’ sigurtà li huma assoċjati mal-fażijiet avvanzati tal-kundizzjoni tad-Dimensja. Bħalissa l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed taħdem biex fil-futur jibda jingħata servizz ta’ trasport maħsub apposta għal dawn iċ-ċentri.

Bormla – Dar Residenzjali tal-Anzjani – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu għad-dar residenzjali tal-anzjani ta’ Bormla? Jista’ jgħid jekk din id-dar hijiex se tkun qed tingħalaq temporanjament sakemm isiru x-xogħlijiet fiha jew jekk hux ser tingħalaq b’mod permanenti? Fi kwalunkwe każ, jista’ jagħti aktar dettalji dwar x’ser ikun qed jiġri mill-anzjani li jirrisjedu f’din id-dar kif ukoll mill-ħaddiema kollha li jagħtu servizz f’din id-dar?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din id-dar qiegħda fi stat li mhux konformi mal-istandards dinjitużi u għoljin li l-Gvern qed jesiġi fil-preżent. Hemm bżonn li l-infrastruttura qadima (inkluż bini, elettriċità u plumbing, kif ukoll id-drenaġġ) tiġi mibdula f’faċilità kompletament ġdida u moderna, kif maqbul f’laqghat tal-Kabinett tal-Ministri. Ir-residenti ser ikunu rilokati b’mod prattiku u sigur, kif diġà ġara f’ċirkostanzi simili. Mil-lum it-Tnejn 29 ta’ Mejju, uffiċjali mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità bdew jiltaqgħu mal-anzjani u l-qraba tagħhom u ser jiġi spjegat il-proċess. Il-ħaddiema li jagħtu servizz f’din id-dar huma tal-privat.

Rifużjoni tat-taxxa permezz ta’ ċekkijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għażel li jagħti r-rifużjoni tat-taxxa permezz ta’ ċekkijiet minflok għamel il-pagament direttament f’kont bankarju tal-persuni, meta tqis illi d-dipartimenti kollha tal-Gvern għamlu drive qawwija sabiex kull persuna titħallas f’kont bankarju u dan minħabba d-diversi vantaġġi, fosthom aċċess immedjat għall-flus, iffrankar ta’ kjuwijiet biex jissarraf iċ-ċekk u wkoll minħabba sigurtà?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rifużjoni tat-taxxa ngħatat permezz ta’ ċekkijiet minħabba illi l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi ma jkollux id-dettalji tal-kontijiet bankarji tal-persuni eliġibbli.

Residenza San Vinċenz de Paul – taħriġ lill-carers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8588, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-taħriġ li ġie elenkat jingħatax ukoll lill-carers li jaħdmu mal-kuntrattur? Jekk le, jista’ jgħid jekk jingħatax xi forma ta’ taħriġ lill-carers li jaħdmu mal-kuntrattur? Jista’ jgħid fiex jikkonsisti dan it-taħriġ?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva dan it-taħriġ jingħata wkoll lill-carers tal-kuntrattur u jikkonsisti f’taħriġ bażiku ta’ kompetenzi meħtieġa biex carer ikun jista’ jassisti lil anzjani fil-ħtiġijiet ta’ kuljum u taħriġ ieħor, kemm bħala refresher course u anke courses speċjalizzati ta’ kura għal residenti bid-dimensja.

San Vinċenz de Paul – St Joseph Ward 1 – xogħol ta’ rinovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol ta’ rinovar li tlesta reċentement fis-sala St Joseph Ward 1, fil-faċilità tal-kura tal-anzjani San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ kmamar għall-koppji f’din is-sala?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li biż-żmien l-infrastruttura ta’ din is-sala ma baqgħetx tajba u allura kellu jsir tibdil strutturali importanti. Dan wassal għal tneħħija ta’ kuriduri u b’hekk infetħu aktar spazji komuni, kmamar tal-anzjani akbar u aperturi li jagħtu aktar dawl naturali. F’din is-sala nsibu kmamar b’medja ta’ 20 metru kwadru. Apparti li ssebbħet id-dehra ġenerali tas-sala, b’ambjenti u kuluri aktar moderni, sar titjib konsiderevoli u nqalgħu s-servizzi kollha, bħal servizzi ta’ ilma, elettriku, drenaġġ, pavimentar ta’ vinyl aktar iġeniku, sistemi ta’ nurse call, dawl, sistemi ta’ alarm tan-nirien u ta’ emerġenza, sistemi ta’ Public Address u ġie introdott ossiġenu mediku fil-kmamar. Ġew ristrutturati kompletament il-kmamar tal-banju u l-post kollu ġie adattat għall-persuni bid-dimensja. Saru wkoll sistemi tal-arja kundizzjunata u ventilazzjoni ġodda permezz ta’ fondi ta’ ERDF. Anke l-purtieri saru ġodda kif ukoll aperturi ġodda tal-aluminjum bi ħġieġ doppju, aperturi tal-injam u għamara ġdida. Ġiet mibdula wkoll il-bitħa ta’ din is-sala għal waħda aktar aċċessibbli u sigura. Inbidel ukoll it-tagħmir kollhu mediku, minn sodod ġodda tal-elettriku għal lifters, trolleys u oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-kura diretta tal-anzjani.

San Vinċenz de Paul – St Joseph Ward 1 – xogħol ta’ rinovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min għamel ix-xogħol kollu ta’ rinovar fuq is-sala St Joseph Ward 1 fil-faċilità tal-kura tal-anzjani San Vinċenz de Paul? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni/entitajiet/kumpaniji kollha li kienu involuti f’dan ix-xogħol kif ukoll tal-ħlasijiet li saru lil kull persuna/entità/kumpanija li ħadmet fuq dan ix-xogħol ta’ rinovar?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-lista ta’ kumpaniji li kienu involuti f’dan ix-xogħol ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammont ta’ kemm intefaq fuq ix-xogħol minn dawn il-kumpaniji jammonta għal €638,261.36. Magħhom hemm ukoll il-kuntratt tas-sistema tal-ventilazzjoni u l-arja kkundizzjonata li kienu parti mill-proġett b’fondi Ewropej, ERDF, fl-ammont ta’ €102,498.18. Barra minn hekk, sar xogħol mill-ħaddiema fir-Residenza San Vinċenz de Paul. B’kollox ħadmu 39 ħaddiem u l-materjal użat jammonta għal €270,028.

San Vinċenz de Paul – St Joseph Ward 1 – plakka kommemorattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn tpoġġiet l-ewwel plakka kommemorattiva tal-ftuħ oriġinali tas-sala St Joseph Ward 1 fil-faċilità tal-kura tal-anzjani San Vinċenz de Paul u dan peress illi m’għadhiex imwaħħla fil-post fejn kienet qabel ma sar ix-xogħol ta’ rinovar?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li waqt li kienu qed isiru alterazzjonijiet strutturali, din il-plakka kellha tinqala’. Peress li din ma kenitx imwaħħla sew, ġarrbet xi ħsara. Għaldaqstant se ssir replika ta’ din il-plakka u din ser tkun lesta fil-ġimgħat li ġejjiin.

Residenza San Vinċenz de Paul – applikazzjoni għal-leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi prassi tintuża sabiex impjegat li jaħdem fir-Residenza f’San Vinċenz de Paul japplika għal-leave? Jista’ jgħid kemm jiem qabel l-impjegat irid japplika għal leave kif ukoll jekk l-impjegat jintalabx isib sostitut biex jidħol minfloku sabiex ikun jista’ jieħu dan il-leave?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull impjegat li jaħdem f’San Vinċenz De Paul irid japplika għal-leave permezz tas-sistema onlajn ‘My Portal’ u dan jiġi approvat mill-head of unit jew line manager rispettiv. Leave għal perjodu qasir għandu jiġi applikat mhux anqas minn tlett (3) ijiem qabel u leave fit-tul għandu jiġi applikat mhux anqas minn ħamest ijiem qabel. Din il-proċedura hi stipulata fil-Public Service Management Code, Sezzjoni 3.1.6. L-impjegat qatt ma jiġi mitlub isib sostitut minfloku meta japplika għal-leave.

Ċentru Servizz Anzjan — ħaddiema f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8474 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8307 jista' l-Ministru jkun aktar ċar u jgħid kemm qed jiswa s-servizz li qed jingħata mit-tliet kuntratturi fiċ-Ċentru Servizz Anzjan fi Triq ir-Repubblika, fir-Rabat, Għawdex?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma r-rati fis-siegħa li qed jiġu mħallsa lill-kuntratturi tas-servizz kif spjegat hawn taħt: Servizz ta’ tindif – €12.42 fis-siegħa Servizz ta’ Clerks – €10.31 fis-siegħa Security Services – €10.31 fis-siegħa NB: Ir-rata tas-servizz ta’ tindif tinkludi kull apparat/makkinarju u materjal bħal deterġenti li l-kuntrattur obbligat jipprovdi kif meħtieġ.

Pensjonanti — Rifużjoni tat-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-rifużjoni tat-taxxa li ġiet mogħtija matul dawn l-aħħar ġranet ma ngħatatx ukoll lil dawk il-pensjonanti li ħallsu t-taxxa fuq il-pensjoni tagħhom fl-2021? Jekk iċ-cheque li ntbagħat huwa rifużjoni ta’ taxxa skont l-istess stqarrija maħruġa mill-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid għaliex dawn il-pensjonanti qed jiġu ddiskriminati?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan iċ-ċekk, li issa tqassam għas-sitt darba, dejjem ħareġ lil ħaddiema full-time jew part-time, li jaqilgħu anqas minn €60,000. Persuni, li apparti l-pensjoni, kellhom ukoll impjieg matul l-2021 irċevew dan iċ-ċekk ukoll.