Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippreżenta lista ta' rakkomandazzjonijiet li l-Kummissarju għall-Anzjani għamel lill-Gvern mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mill-każijiet riferuti lill-Kummissarju għall-Anzjani f'kull sena, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu jirrigwardaw allegat abbuż, negliġenza jew sfruttament finanzjarju ta' persuni anzjani? Jista' jgħid ukoll x'azzjoni ttieħdet f'dawn il-każijiet?
Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani – Ilmenti/każijiet ta’ ksur tad-drittijiet
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm irċieva lmenti jew każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-anzjani l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ingħalqu?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien il-baġit allokat lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani fl-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm effettivament intnefaq minn dawn l-allokazzjonijiet?
Djar tal-anzjani – Lista ta’ stennija – Anzjani fil-komunità
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1518, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega kif f'leġiżlaturi oħra dejjem kien jingħata n-numru ta’ anzjani fil-komunità li jkunu qed jistennew biex jidħlu fi djar tal-anzjani u issa dan in-numru mhux qed jingħata?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser tkun lesta d-Dar tal-Anzjani tal-Mosta? Jista' jgħid ukoll għaliex ix-xogħlijiet qed idumu daqshekk u meta ser jirritornaw lura l-anzjani li nħarġu mid-dar biex isiru dawn ix-xogħlijiet?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1087 u jgħid kemm hawn anzjani f’pajjiżna li ġew dijanjostikati bil-kundizzjoni tad-dimenzja? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani qed jirċievu servizzi speċjalizzati u x’tip ta’ servizzi qed jingħataw?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1088 u jgħid kemm għandna carers f’pajjiżna li rċevew taħriġ speċjalizzat fil-kura tad-dimenzja? Jista’ jgħid ukoll fiex jikkonsisti dan it-taħriġ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellanta li fir-rigward ta’ taħriġ speċjalizzat fil-kura tad-dimensja, 521 carer irċieva taħriġ provdut mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunita’ bejn l-2023 u l-2026. Dan it-taħriġ għandu l-għan li jsaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet prattiċi tal-parteċipanti sabiex ikunu jistgħu jipprovdu kura u appoġġ ta’ kwalità lill-persuni li jgħixu bid-dimensja, abbażi ta’ approċċi person-centred.
It-taħriġ jinkludi introduzzjoni għad-dimensja u l-aktar tipi komuni tagħha, l-għarfien tas-sinjali u s-sintomi tal-kundizzjoni, strateġiji effettivi ta’ komunikazzjoni verbali u mhux verbali, kif ukoll l-immaniġġjar ta’ mġiba li tista’ tkun ta’ sfida. Issir wkoll enfasi fuq l-importanza li jiġu mħarsa l-indipendenza, l-awtonomija u d-dinjità tal-persuna, kif ukoll fuq l-użu ta’ attivitajiet sinifikanti biex jiġu promossi l-involviment, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja.
Anzjani li jgħixu f’abitazzjonijiet mhux aċċessibbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għadhom jgħixu f’abitazzjonijiet mhux aċċessibbli minkejja li applikaw għal trasferiment?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-applikazzjonijiet pendenti għat-tpartit ta’ akkomodazzjoni minn persuni anzjani, ta’ aktar minn 60 sena, li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà u li r-raġuni ewlenija għat-talba tagħhom għat-tpartit hija l-preżenza ta’ turġien fl-akkomodazzjoni attwali tagħhom, it-total ta’ dawn l-applikazzjonijiet huwa ta’ 62.
Awtorità tad-Djar – Skemi ta’ downsizing volontarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex skemi ta’ downsizing volontarju biex anzjani li jgħixu f’akkomodazzjoni kbira jkunu jistgħu jmorru jgħixu f’residenzi iżgħar u aktar adattati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni anzjani li jixtiequ jnaqqsu d-daqs tal-akkomodazzjoni tagħhom u jmorru jgħixu f’akkomodazzjoni iżgħar jistgħu jagħmlu dan permezz tat-tpartit tal-akkomodazzjoni u jiġu inklużi fil-lista tat-tpartit.
It-talba għat-tpartit tkun ukoll determinata, fost l-oħrajn, mil-lokalità preferuta mill-applikant u xierqa għall-bżonnijiet tiegħu.
Sal-ġurnata li fiha qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari , hemm 41 applikazzjoni fuq il-lista tat-tpartit li jirrigwardjaw din ir-raġuni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju jew analiżi mill-Awtorità tad-Djar li fuqu bbaża l-politika tiegħu dwar l-akkomodazzjoni għall-anzjani?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li,
l-Istrateġija ta’ Riċerka tal-Awtorità tad-Djar għall-2026–2027 identifikat ir-residenti anzjani bħala wieħed mill-gruppi demografiċi ewlenin li għandhom jiġu mifhuma aħjar fir-rigward tal-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-akkomodazzjoni.
Link għall-Istrateġija ta’ Riċerka:
https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2026/03/Research-Strategy-2026-2027-1.pdf
Wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-Istrateġija, l-Awtorità tad-Djar ippubblikat stħarriġ dettaljat, il-Malta Housing Satisfaction Survey, sabiex tipprovdi valutazzjoni komprensiva u bbażata fuq l-evidenza dwar kif persuni differenti f’Malta jesperjenzaw il-kundizzjonijiet tad-djar tagħhom. L-istudju għandu wkoll l-għan li jistabbilixxi punt ta’ referenza sabiex jinftiehem kif dawn l-esperjenzi jkomplu jevolvu maż-żmien. Billi jibni fuq l-Istrateġija ta’ Riċerka, l-istħarriġ jaqsam il-kampjun f’diversi gruppi demografiċi, inkluż il-popolazzjoni anzjana.
Link għall-Istħarriġ:
https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2026/07/Malta-Housing-Satisfaction-Survey-2026.pdf
Il-pubblikazzjoni tal-Awtorità tad-Djar, “More than Just a Roof”, tiddokumenta inizjattivi riċenti għal mudelli alternattivi ta’ akkomodazzjoni mmirati lejn komunitajiet vulnerabbli, inkluż il-proġett ta’ akkomodazzjoni interġenerazzjonali fil-Belt Valletta. Dan tal-aħħar, li huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Malta, iġib flimkien residenti anzjani u adulti żgħażagħ fi ħdan l-istess komunità. Studju tekniku ieħor jiżviluppa għodda ta’ gwida għall-bini ta’ akkomodazzjoni interġenerazzjonali ta’ dan it-tip fil-futur.
Link għal “More Than Just a Roof”:
https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2025/11/More-Than-Just-a-Roof.pdf
Link għall-Għodda ta’ Politika dwar l-akkomodazzjoni interġenerazzjonali:
https://housingauthority.gov.mt/wp-content/uploads/2026/03/Building-a-Community-within-a-Community.pdf
Awtorità tad-Djar – Proġetti ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani – Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu fondi mill-Awtorità tad-Djar fuq proġetti ta’ akkomodazzjoni mfassla speċifikament għall-anzjani matul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar tipprovdi diversi forom ta’ assistenza li minnhom jibbenefikaw ukoll persuni anzjani, bil-għan li jingħataw l-appoġġ meħtieġ fir-rigward tal-akkomodazzjoni tagħhom.
Fil-fatt, matul il-ħames snin imsemmija, permezz tal-iskemi
Skema għal Persuni b’Diżabilità (
DIS),
Kirjiet Protetti ta’ Qabel l-1995 (
SKP),
Sussidju għal Xogħlijiet ta’ Adattament (
ADP),
Tiswija ta’ Strutturi Perikolużi (
SSP) u
Skema ta’ Benefiċċju għall-Akkomodazzjoni (
HBS), in-nefqa relatata ma’ assistenza li minnha bbenefikaw persuni anzjani kienet tammonta għal €50,895,009, filwaqt li n-numru ta’ benefiċjarji anzjani rreġistrati taħt dawn l-iskemi kien ta’ 5,715.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani ngħataw akkomodazzjoni soċjali matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn kienu anzjani li jgħixu waħedhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, matul l-aħħar ħames snin, ġew allokati 448 post lil persuni anzjani ta’ 60 sena jew aktar (jiġifieri persuni mwielda fl-1966 jew qabel). Minn dawn il-448 persuna, 90 kienu miżżewġin u 23 kienu ġenituri waħedhom, skont l-istat ċivili tagħhom fil-mument tal-applikazzjoni.
Nirreferi għat-Tabella 1 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi rendikont sena b’sena.
Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija – Anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom 60 sena jew aktar fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm anzjani fuq il-lista ta’ stennija f’kull lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 286 applikazzjoni ta’ persuni li għandhom 60 sena jew aktar fuq il-lista ta’ stennija għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Nirreferi għat-Tabella, li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi rendikont ta’ kull lokalità.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1013 u jgħid liema kategoriji ta’ anzjani huma intitolati li jkollhom carer?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità toffri s-servizz ta’ Carer fid-Dar u s-Servizz ta’ Respite fid-Dar.
Carer fid-Dar
Biex persuna tkun eliġibbli għas-servizz ta’ Carer fid Dar irid ikollha ’l fuq minn 60 sena u tkun persuna dipendenti.
Respite fid-Dar
Dan is-servizz joffri carer lill-persuna fid-dar tagħha waqt li jagħti ftit ħin ta’ mistrieħ lill-persuna li tkun qed iddur biha. Dan is-servizz japplika għal:
• Persuni li għandhom ’il fuq minn 60 sena, li huma dipendenti u li jgħixu f’residenza privata; jew
• Persuni li jbatu bid-dimensja u/jew għandhom problemi serji fl-imġieba; jew
• Persuni anzjani li għandhom diffikultà biex jiġu trasportati minn post għall-ieħor u/jew fejn ikun hemm diffikultà biex iħallu djarhom; jew
• Persuni anzjani li għandhom bżonn kura speċjali u li tali ma tistax tiġi pprovduta f’respite residenzjali; jew
• Persuni anzjani li għandhom xi problemi fis-sistema immunitarja jew li jeħtieġu kura ta’ iżolazzjoni.
Djar tal-anzjani – Lista ta’ stennija – Anzjani fil-komunità
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1015 u jgħid kemm hemm anzjani fil-komunità jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi peress li l-lista ta’ stennija hija dinamika u l-prijoritajiet jinbidlu skont il-kundizzjoni tal-applikanti, mhuwiex possibbli li tingħata figura statika li tirrifletti b’mod preċiż kemm hemm anzjani fil-komunità jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendent relatati mal-pensjonijiet, maqsuma skont it-tip ta’ pensjoni, u x’inhu l-ħin medju ta’ stennija biex jiġu deċiżi?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija miġbura fit-tabella t’hawn taħt. Il-perjodu ta’ applikazzjonijiet ikopri minn Jannar 2026 sa Lulju 2026.
Xorta ta’ Pensjoni
Total ta’ Applikazzjonijiet
Applikazzjonijiet Pendenti
Applikazzjonijiet Imħallsa
Applikazzjonijiet Miċħuda
Irtirar
2,296
208
2,018
70
Invalidita’
172
75
65
32
Romol
868
232
565
71
Pensjoni tal-Età
163
28
102
33