Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizzi mogħtija b’kuntratti skaduti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka liema huma s-servizzi li bħalissa qed joperaw abbażi ta’ kuntratti skaduti u għaliex dawn is-servizzi qiegħdin jingħataw b’kuntratti skaduti? Jista’ jgħid ukoll meta ser ikunu qed jinħargu t-tenders għal dawn is-servizzi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jiżgura li s-servizz ta’ Prodotti ta’ Inkontinenza qed jkun provdut għal Ċittadini Anzjani u Persuni b’Diżabilità f’Malta fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità – Skema A u Skema B. Ninsab infurmat ukoll li t-tender kif ukoll il-proċedura ta’ negozjati qiegħda fi stadju ta’ appell għand il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi.

Meals for Homes — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti kollha relatati mal-‘Meals for Homes’ irreferuti fir-rapport maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika bl-isem Report by the Auditor General on the Public Accounts 2022 li saru permezz ta’ proċeduri nnegozjati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti mitluba ma jistgħux jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li fihom informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Domiciliary Services — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti kollha relatati mad-Domiciliary Services irreferuti fir-rapport maħrug mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika bl-isem Report by the Auditor General on the Public Accounts 2022 li saru permezz ta’ proċeduri nnegozjati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti mitluba ma jistgħux jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li fihom informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità — standard operating procedures

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) topera mingħajar ebda ‘standard operating procedures’ interni? Jista’ jgħid ukoll meta ser ikunu qed isiru dawn il-proċeduri sabiex jassigura li r-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku jiġu osservati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità topera bl-istandard operating procedures li jintużaw mid-Dipartiment tal-Kuntratti u ma’ kull tibdil f’dawn il-proċeduri li jiġu ppublikati matul is-sena.

Pulizija – Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14212 u jgħid kemm rapporti saru lill-Pulizija bejn l-2018 u l-2023, maqsuma sena b'sena minn ġenituri li allegatament ġew abbużati minn uliedhom jew wieħed jew waħda minn uliedhom? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-ġenituri kellhom 60 sena u aktar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi informazzjoni relatata mal-mistoqsija tal-Onorevoli Membru hija disponibbli mis-sena 2021 u tikkonsisti fin-numru ta’ vittmi, f’każi fejn kien hemm vjolenza domestika minn ulied kontra il-ġenituri tagħhom u għalhekk rapport jista’ jkun li jinkludi iktar minn vittma waħda. Mis-sena 2021 sal-aħħar ta’ Diċembru 2023 fis-sistema tal Pulizija hemm irreġistrati ħames mija u tmienja u sittin (568) rapport li jinvolvu sitt mija u tletin (630) persuna li huma ġenituri vittmi ta’ vjolenza domestika minn uliedhom. Min dawn, mitejn u ħamsa u għoxrin (225) persuna kienu missirijiet u erba’ mija u ħamsa (405) kienu ommijiet. Mija u ħamsa u sittin (165) mill-ommijiet u mija u ħamsin (150) mill-missirijiet kellhom sittin sena jew aktar. F’kull każ fejn kien hemm evidenza tar-reat irrapurtat, ittieħdu passi kriminali fil-Qorti kontra l-allegat aggressuri, tant li f’dan il-perjodu ttieħdet azzjoni kontra il-persuni nvoluti f’ erbgħa mija u wieħed u sittin (461) każ, mir-rapporti irreġistrati fis-sistema elettronika tal-Pulizija.

Persuni anzjani residenti fi djar tal-anzjani/nursing homes

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika li turi n-numru ta’ persuni anzjani residenti fi djar tal-anzjani jew f’nursing homes (kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk privati), f’Malta u f’Għawdex, jew fir-Residenza San Vinċenz de Paul, maqsuma sena b’sena mill-2010 sal-2023?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Żieda fil-positjiet residenzjali għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa pproġettat li jiżdiedu l-postijiet residenzjali għall-anzjani fil-ħames snin li ġejjin?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa stmat li l-Gvern jixtri madwar 200 sodda ġdida fis-sena meta wieħed jikkunsidra wkoll l-imwiet li jkun hemm fid-djar residenzjali għall-anzjani kull sena u ż-żieda fis-sodod ta’ kull sena, flimkien mad-domanda. Però s-sitwazzjoni tiġi evalwata l-ħin kollu sabiex ikun hemm rispons adegwat minnufih jekk ikun hemm xi problema, bħal meta tagħlaq xi dar tal-anzjani. Għalhekk id-dipartiment ikonċernat jimmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni.

Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul — Ventolin Solution for Nebulization

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13474, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm perjodu fejn il-Ventolin Solution for Nebulization kien out of stock? Jekk iva, jista’ jgħid meta kien dan il-perjodu u jekk huwiex in stock dan il-prodott illum?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm nuqqas temporanju ta’ Salbutamol 5mg/ml respiratory solution (Ventolin Solution for Nebulization). Madankollu hemm stocks fil-pajjiż li qed jiġu distribtwiti. Ta’ min wieħed jinnota li l-mediċini Aminophylline u Ipratroprium Bromide, li huma ta’ klassi differenti però li jintużaw għal skopijiet simili dejjem kienu in stock.

Residenza San Vinċenz de Paul — Problema ta’ internet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12014, jista’ l-Ministru jara li tissolva darba għal dejjem il-problema li teżisti fl-internet fil-blokka f’San Vinċenz de Paul fejn hemm is-swali St. Joseph 7, 8, 10 u 11 u dan peress li sa issa ma sssewwietx il-ħsara li kien hemm?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-problema tas-servizz ta’ internet issolviet u fis-swali msemmija, hemm servizz ta’ internet.

Pulizija – Rapporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm rapporti saru lill-Pulizija bejn l-2018 u l-2023, maqsuma sena b'sena minn ġenituri li allegatament ġew abbużati minn uliedhom jew wieħed jew waħda minn uliedhom? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-ġenituri kellhom 60 sena u aktar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Skema Carer at Home – Evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tagħmilx evalwazzjoni mill-ġdid tal-applikazzjoni għall-Iskema Carer at Home f’każ ta’ tibdil fil-carer? Jista’ jgħid ukoll x’obbligi jeżistu biex jiġi assigurat li l-carer ikun wieħed kwalifikat?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun każ ta’ tibdil ta’ carer ma ssirx evalwazzjoni mill-ġdid tal-applikazzjoni għall-Iskema Carer at Home. Iżda sabiex jiġi assigurat li l-carer ikun wieħed kwalifikat, nitolbu l-kwalifiki tal-carer il-ġdid u f’każ ta’ carer barrani nitolbu wkoll iċ-ċertifikat MQRIC li joħroġ mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni fejn jgħid jekk il kwalifika hijiex rikonoxxuta f’pajjiżna u trid tkun ta’ MQF livell 2 jew aħjar.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Każijiet ta’ abbuż

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13568 u jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta’ abbuż fuq anzjani fil-Faċilità San Vinċenz de Paul fis-sena 2022 u fis-sena 2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, separatament minn xulxin u x’azzjoni ttieħdet f’kull każ?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 5 każi rrappurtati bejn l-2022 u l-2023. Wara l-investigazzjonijiet li saru rriżulta li kien hemm każ wieħed biss ikkonfermat fl-2022. Dan sar minn carer tal-kuntrattur fil-konfront ta’ resident. Il-carer telaq minn Malta.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Tenders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 13378 u 13571 u jgħid x'tenders ħarġu mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment jew entità li jaqgħu taħt id-deskasteru tiegħu fis-sena 2022 u fis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, separatament minn xulxin u jagħti d-dettalji kollha dwarhom? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm tenderers għal kull tender u favur minn ġie aġġudikat kull tender?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed titlob għaliha tkun ippubblikata fil-gazzetta tal-Gvern perjodikament.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – Direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13379 u 13572 u jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment jew entità li jaqgħu taħt id-deskasteru tiegħu fis-sena 2022 u fis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, separatament minn xulxin u jagħti d-dettalji kollha dwarhom?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Ċentru ta’ Taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed imexxi ċ-Ċentru ta’ Taħriġ ġewwa l-Faċilità San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni b’kollox li jaħdmu f’dan iċ-Ċentru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentru tat-Taħriġ f’San Vinċenz de Paul, hemm 2 practice nurses li jmexxu d-dipartiment. B’kollox hemm 7 impjegati jaħdmu f’dan iċ-Ċentru.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Ċentru ta’ Taħriġ – Korsijiet lill-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’korsijiet ġew offruti miċ-Ċentru ta’ Taħriġ tal-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul lill-impjegati tal-Faċilità fis-snin 2021, 2022 u 2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Ċentru ta’ Taħriġ – Korsijiet lill-pubbliku ġenerali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’korsijiet ġew offruti miċ-Ċentru ta’ Taħriġ tal-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul lill-pubbliku ġenerali fis-snin 2021, 2022 u 2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sheltered Housing — Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti għandu bħala sheltered housing sabiex jgħinu lill-anzjani li jgħixu fil-komunità?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Awtorità tad-Djar.

Skema Carer at Home

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani f’Malta u f’Għawdex li għandhom carer id-dar u li qed jagħmlu użu mill-Iskema Carer at Home? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-carers huma Maltin jew Għawdxin u kemm minnhom huma barranin?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ anzjani f’Malta u Għawdex li għandhom carer id-dar u qed jagħmlu użu mill-Iskema Carer at Home huwa ta’ 842. In-numru ta’ carers Maltin u Għawdxin huwa ta’ 57 filwaqt li n-numru ta’ carers barranin huwa ta’ 785.

Carers — Kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kwalifiki li għandu bżonn carer sabiex jiġi ngaġġat bħala carer id-dar u l-anzjan ikun jista’ jibbenefika mill-benefiċċju għall-Iskema Carer at Home? Jista’ jgħid ukoll x’ekwivalenza hija meħtieġa meta l-kwalifika tkun ottenuta minn barra minn Malta?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwalifiki li għandu bżonn carer sabiex jiġi ingaġġat bħala carer id-dar u l-anzjan ikun jista’ jibbenefika mill-benefiċċju għall-Iskema Carer at Home jrid ikun ta’ livell MQF livel 2 jew aħjar, f’caregiving. Meta l-carer ikun kwalifikat minn barra minn Malta nitolbu ċertifikat mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni MQRIC li jirrikonoxxi l-kwalifika ta’ barra minn Malta u trid tkun ta’ livell MQF 2 jew aħjar.