Legislature:
Category:
Reset
Active:

Welfare Committee — Kont bankarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Welfare Committee għadux qed jopera mingħajr kont bankarju skont kif jirriżulta mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kontijiet pubbliċi 2022? Jekk għadu ma nfetaħx, jista’ jgħid għaliex għadu ma nfetaħx u fejn qed jinżammu l-cash u ċ-ċekkijiet li l-Kumitat għandu? Jekk infetaħ, jista’ jgħid kemm hemm ddepożitat f’dan il-kont?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li wara li ġew sodisfatti l-proċeduri kollha, fil-5 ta’ Awwissu 2023, il- Welfare Committee beda jopera kont bankarju mal- Bank Ċentrali ta’ Malta. Sat- 30 ta’ Jannar 2024 ġew iddepożitati €593,267.69.

Welfare Committee — Ċekkijiet skaduti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċekk skadut għandu f’idejh il-Welfare Committee li sal-lum ma jistax jissarraf jew jiġi ddepożitat? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont totali ta’ dawn iċ-ċekkijiet skaduti? Jista’ jgħid ukoll x’qed isir biex jiġu rkuprati dawn iċ-ċekkijiet skaduti li għandu f’idejh dan il-Kumitat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li meta sar l-audit ta’ l-NAO kien hemm 270 ċekk li kien skada. Eventwalment irriżulta li l-ammont ta’ dawn in-ċekkijiet kien jammonta għal €317,343.71 u mhux €520,721 kif imsemmi oriġinarjament fir-rapport. Dan minħabba l-fatt li l-ammont ta’ €203,777 kien meħud darbtejn mil-awdituri mil-listi pprovduti. L-Uffiċċju tal-Welfare Committee għaddej b’eżerċizzju intensiv fejn l-anzjani konċernat, jew direttament jew tramite il-qraba tagħhom, qed jiġu kkuntattjati biex il-valur ta’ dawn iċ-ċekkijiet jiġu rkuprati – jew billi tiġi rranġata d-data taċ-ċekk u ssir firma ħdejn id-data l-ġdida kif titlob il-prassi bankarja jew jinħareġ ċekk ieħor.

Welfare Committee — Nuqqasijiet li nstabu mill-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu dwar il-kontijiet pubbliċi 2022

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa sabiex in-nuqqasijiet kollha li nstabu mill-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu dwar il-kontijiet pubbliċi 2022 dwar il-Welfare Committee jiġu rranġati? Jista’ jsemmi liema mir-rakkomandazzjoni li għamel l-Awditur Ġenerali diġà twettqu u meta ser ikunu qed jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet kollha li sa issa għadhom ma twettqux?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fit-tweġibijiet tal-Welfare Committee, li kienu parti integrali tar-rapport, il-Welfare Committee saħaq li ser jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-Awdituri. Għaldaqstant ingħataw data indikattivi sa meta kellhom jitwettqu l-azzjonijet meħtieġa biex jiġu ndirizzati r-rakkomandazzjoniet u osservazzjonijiet li saru mil-NAO. Numru ta’ rakkomandazzjonijiet diġa ġew magħluqa, ewlenin fosthom: · Il-ftuħ ta-kont bankarju; · Depositi kemm f’ċekkijiet u flus kontanti issa qed isiru regolarment kull ġimgħa; · Dettalji tar-resident konċernat qed jitniżżel fuq formula li qed tkun annessa ma’ kull ‘deposit form’; · Fejn possibli qed isiru arranġamenti għal ‘direct debit mandates’ jew ċekk flok flus kontanti; · L-audited financial statements ta’ 2020 u 2021 issa ġew magħluqa u qed isir ix-xogħol meħtieġ fuq l-audited financial statements ta’ 2022 u 2023 rispettivament.

Birkirkara – Dar tal-Anzjani — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15442 u cjoè: Peress illi l-Gvern kien ħabbar proġett ta’ €12 miljun għal dar tal-anzjani f’Birkirkara ftit jiem biss qabel l-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett huwiex ser isir? Jekk iva, jista’ jgħid meta ser jibda dan il-proġett? Jekk le, jista’ jgħid għaliex ma hu qed isir l-ebda proġett ta’ din ix-xorta fil-lokalità ta’ Birkirkara?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant, li bi qbil bejn iż-żewġ Ministeri ikkonċernati, l-art identifikata għall-proġett għandha tgħaddi għand l-Awtoritá tad-Djar. Dan bl-iskop biex fil-proġett jinbnew sheltered homes affordabbli għall-anzjani.

Bormla — Dar tal-Anzjani – Rendikont tal-ispejjeż u l-ħlasijiet kollha

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż u l-ħlasijiet kollha li saru sa issa, relatati mad-Dar tal-Anzjani f’Bormla minn meta ingħalqet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż li saru sa issa, relatati mad-Dar tal-Anzjani f’Bormla minn meta ngħalqet, huma relatati mas-sigurtà tal-post li jammontaw għal €6,195, biex jiġi evitat vandaliżmu jew xi attività kriminali oħra.

L-Imsida — Dar tal-Anzjani - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet fuq id-Dar tal-Anzjani tal-Imsida li issa ilha mwaqqa’ għal kważi aktar minn sentejn? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender marbut ma’ din id-dar, jekk jeżisti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għal Disinjar, Bini, Żamma, Ġestjoni, u Operat tad-Dar tal-Anzjani tal-Imsida ser tiġi ppubblikata aktar tard din is-sena.

L-Imsida — Dar tal-Anzjani - Rendikont tal-ispejjeż u l-ħlasijiet kollha

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż u l-ħlasijiet kollha li saru sa issa relatati mad-Dar tal-Anzjani fl-Imsida minn meta ġiet imwaqqa’ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda spiża u ħlas relatata mad-Dar tal-Anzjani fl-Imsida minn meta ġiet imwaqqa’ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari.

Birkirkara – Dar tal-Anzjani — Proġett

Question

Peress illi l-Gvern kien ħabbar proġett ta’ €12 miljun għal dar tal-anzjani f’Birkirkara ftit jiem biss qabel l-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett huwiex ser isir? Jekk iva, jista’ jgħid meta ser jibda dan il-proġett? Jekk le, jista’ jgħid għaliex ma hu qed isir l-ebda proġett ta’ din ix-xorta fil-lokalità ta’ Birkirkara?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Faċilità San Vinċenz de Paul u fid-djar residenzjali tal-anzjani – Statistika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix statistika tan-numru ta’ anzjani li qegħdin fil-Faċilità San Vinċenz de Paul u fid-djar residenzjali tal-anzjani li ma jżurhom ħadd? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm anzjani li ma jżurhom ħadd fil-Faċilità San Vinċenz de Paul u f’kull dar tal-anzjani separatament minn xulxin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-djar residenzjali tal-anzjani li jaqgħu taħt l-iskema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ma tinżammx din l-istatistika. Ninsab infurmat li ġewwa San Vinċenz de Paul hemm 35 resident li ma jżurhom ħadd.

Welfare Committee – Rapport dwar il-kontijiet pubbliċi 2022 — Rakkomondazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid huwiex ser iwettaq ir-rakkomondazzjoni li għamel l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu dwar il-kontijiet pubbliċi 2022 sabiex il-Welfare Committee jkollu aktar impjegati fosthom ‘accounts officer’ sabiex ma jkunx biss l-Amministratur ta’ dan il-Kumitat li jkun responsabbli mill-operat kollu ta’ dan il-Kumitat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Welfare Committee – Kont bankarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Welfare Committee għadux qed jopera mingħajr kont bankarju skont kif jirriżulta mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kontijiet pubbliċi 2022? Jekk għadu ma nfetaħx, jista’ jgħid għaliex għadu ma nfetaħx u fejn qed jinżammu l-cash u ċ-ċekkijiet li l-Kumitat għandu? Jekk infetaħ, jista’ jgħid kemm hemm depożitat f’dan il-kont?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Welfare Committee – Ċekkijiet skaduti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċekk skadut għandu f’idejh il-Welfare Committee li sal-lum ma jistax jissarraf jew jiġi depożitat? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont totali ta’ dawn iċ-ċekkijiet skaduti u x’qed isir biex jiġu rkuprati dawn iċ-ċekkijiet skaduti li għandu f’idejh dan il-Kumitat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Welfare Committee – Nuqqasijiet li nstabu fir-rapport dwar il-kontijiet pubbliċi 2022

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa sabiex in-nuqqasijiet kollha li nstabu mill-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu dwar il-kontijiet pubbliċi 2022 dwar il-Welfare Committee jiġu rranġati? Jista’ jsemmi liema mir-rakkomandazzjonijiet li għamel l-Awditur Ġenerali diġà twettqu u meta ser ikunu qed jitwettqu r-rakkomondazzjonijiet kollha li sa issa għadhom ma twettqux?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Dar tal-Anzjani - Tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħariġx it-tender għat-twaqqigħ, id-disinn, il-bini, iż-żamma u l-ġestjoni tad-Dar tal-Anzjani f’Bormla? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din it-tender? Jekk le, jista’ jgħid għaliex għadu ma nħariġx u meta ser joħroġ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għat-twaqqigħ, id-disinn, il-bini, iż-żamma u l-ġestjoni tad-Dar tal-Anzjani f’Bormla jinsab fil-proċess biex jiġi ppubblikat u ser jinħareġ aktar tard din is-sena.

Faċilità San Vinċenz de Paul – Ħinijiet tal-viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra jestendi l-ħinijiet tal-viżitaturi fil-Faċilità San Vinċenz de Paul sabiex il-viżitaturi, partikolarment persuni anzjani jkunu jistgħu joqogħdu mal-pazjenti mingħajr ma jkollhom l-iskariġġ li jmorru u jerġgħu jiġu, u fl-istess ħin ikunu jistgħu jqattgħu aktar ħin mal-pazjenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-prijorità tagħna hija li niżguraw dak li huwa l-aħjar għar-residenti. Għaldaqstant, filgħodu naraw li jkun hemm biżżejjed ħin biex ir-residenti jingħataw il-kolazzjon u jiġu megħjuna biex jinħaslu qabel jibdew ġejjin il-viżitaturi. Il-ħin tal-viżitaturi huwa bejn l-10.30 a.m. u l-11.30 a.m. biex imbagħad, ir-residenti jkunu jistgħu jingħataw l-ikla ta’ nofsinhar. Wara nofsinhar, ikun hemm ħin ta’ mistrieħ u l-ħin tal-viżitaturi jibda mis-2.30 p.m. sas-7.30 p.m. Il-viżitaturi jistgħu joqogħdu ħdejn l-anzjani matul dan il-ħin kollu.

Carers barranin – Skills card

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser tkun qed taħdem l-iskema tal-iskills card għal carers barranin u jekk il-carers kollha barranin ser ikun jeħtieġ li jkollhom skills card? Jista’ jgħid ukoll minn meta ser tkun meħtieġa din l-iskills card?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Intepellanta li d-dettalji jitħabbru fi żmien adattat.

Carers barranin – Lingwa Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jassigura li l-carers barranin jitgħallmu l-lingwa Maltija kif ġie mħabbar minnu ftit tal-jiem ilu u x’korsijiet ser ikunu qed jingħataw, kemm ser ikunu twal u min ser ikun obbligat li jsegwi dawn il-korsijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk l-obbligu li l-carers ikunu jafu l-Malti huwiex wieħed mill-kundizzjonijiet sabiex carer ikollu skills card?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-awtoritajiet tar-Residenza ta’ San Vinċenz diġà ltaqgħu ma’ l-Università ta’ Malta u l-fornitur tal-carers. Id-dettalji jitħabbru fi ftit tal-ġimgħat oħra. Nieħu din l-opportunità biex nassigura li l-carers ser ikunu ggwidati b’mod preofessjonali u dan qed isir għall-ġid kemm tal-persuni li qed jieħdu ħsieb kif ukoll biex huma l-carers, jħossuhom aktar integrati fil-komunità.

Servizzi ta’ tindif — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti kollha relatati mas-servizzi ta’ tindif irreferuti fir-rapport maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika bl-isem Report by the Auditor General on the Public Accounts 2022 li saru permezz ta’ proċeduri nnegozjati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti mitluba ma jistgħux jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li fihom informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Servizzi mogħtija preżenzjalment

Question

Jista’ l-Ministru jelenka s-servizzi kollha li qed jingħataw preżenzjalment permezz ta’ proċeduri nnegozjati anke dawk li sal-lum għad ma hemm ebda kuntratt iffirmat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma s-servizzi li qed jingħataw preżenzjalment permezz ta’ proċeduri nnegozjati: AACC Servizz ta’ Infermiera u Carers Domiċiljari (Servizz ta’ CommCare) - Proċedura ta’ Negozjar tagħlaq fit-2 ta’ Frar 2024. Tender ġie ppubblikat u sejħa għall-offerti għalqet fit-12 ta’ Diċembru. Evalwazzjoni tal-offerti qiegħda fis-seħħ. AACC Servizz ta’ Għajnuna fid-Dar (Home Help Service) - Proċedura ta’ Negozjar tagħlaq fit-2 ta’ April 2024. - Sejħa tal-offerti ġiet aġġudikata. Peress li tender ħareġ bil-call-offs, tliet operaturi għaddew għat-tieni stadju. Jonqos wieħed mill-offerenti li jaċċetta l-għotja ħalli nkunu nistgħu nipproċedu bil-call-offs. L-operatur jonqos jipprovdi ċ-ċertifikat ta’ Konformità lid-dipartiment tal-kuntratti biex ikun jista’ jaċċetta l-offerta u jipproċedi għall-call-offs. AACC Servizz Meals on Wheels - Proċedura ta’ Negozjar tagħlaq fl-24 ta’ Frar 2024. - L-evalwazzjoni tat-tender tlestiet u l-perjodu ta’ oġġezzjoni għalaq fl-4 ta’ Diċembru 2023. L-AAKK għadu jistenna lid-Dipartiment tal-Kuntratti biex jibgħat il-kuntratt lill-kuntrattur magħżul. AACC Xiri ta’ Sodod għall-kura fit-tul f’Djar Residenzjali Privati - Din il-proċedura qiegħda tintuża bħalissa għall-xiri ta’ sodod f’Djar Residenzjali Privati minħabba n-natura tas-servizz. SVP Proċeduri negozjata għas-servizz tal-Care u Support Workers ġewwa San Vinċenz (SVP 26/2023) SVP Proċeduri negozjata għas-servizz tal-Provizzjoni ta’ servizzi għas-Sigurtà ġewwa San Vinċenz (SVP 48/2023)