Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paul — Dementia Activity Centre - Tnaqqis fis-sigħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-familjari tal-anzjani li jattendu d-Dementia Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul humiex jintalbu biex il-membru tal-familja tagħhom li jbati mid-dimensja, jitnaqqsulu s-sigħat li fih jattendi dan iċ-Ċentru ? Jista’ jgħid għaliex qed issir din it-talba lill-familja u x’qiegħed isir biex dawn is-sigħat ma jitnaqqsux biex il-membri tal-familja jkunu jistgħu jmorru għax-xogħol rashom mistrieħa li l-membru tal-familja li jbati mid-dimensja, ikun qiegħed f’dan iċ-Ċentru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Aktar ċentri tad-dimensja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jinfetħu aktar ċentri tad-dimensja? Jista’ jgħid fejn huma l-postijiet ippjanati li jinfetħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir ix-xogħol meħtieġ biex jinfetaħ ċentru ġdid għall-persuni bid-dimensja, fir-reġjun tal-port tat-Tramuntana.

Anzjani — Nuqqas ta’ nappies/pullups

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-problema ta’ nuqqas ta’ nappies/pullups għall-anzjani ġietx solvuta? Jista’ jgħid jekk il-kuntrattur huwiex qiegħed jiġi ppenalizzat għan-nuqqas tiegħu li jipprovdi dawn in-nappies/pullups? Jista’ jgħid ukoll xi pjanijiet għandu biex jara li jkun hawn biżżejjed nappies/pullups għall-anzjani li jeħtieġuhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tinsab infurmata li l-kuntrattur ġab il-provvista tal-prodotti ta’ kontinenza u dawn se jkunu qed jitqassmu lill-benefiċjarji fil-jiem li ġejjin.

Sptar Karin Grech — Każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ilha rikoverata fl-Isptar Karin Grech minn Diċembru 2022 tistenna sodda f’dar tal-anzjani? Jista’ l-Ministru jara li din l-anzjana tingħata prijorità u sodda f’dar tal-anzjani minnufih peress li dan id-dewmien kollu qed ikun ta’ detriment għas-saħħa fiżika kif ukoll mentali tal-istess anzjana?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-pazjenta li qegħda ssir referenza għaliha, ġiet offruta li tmur San Vincenz. Infurmat li l-pazjenta rrifjutat li tmur. Dan l-aħħar reġa’ sar assesjar u ġie konkluż li tista’ tmur f’waħda mid-djar amministrati minn Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Il-pazjenta se tiġi trasferita fil-futur qrib.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Mediċina Tegretol 200

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-mediċina Tegretol 200 ġewwa l-Faċilità San Vinċenz de Paul qed titqassam bid-data tal-iskadenza mgħottija? Jista' jgħid ukoll jekk din il-mediċina hijiex waħda skaduta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani fl-Isptar Karin Grech li qed jistennew li jidħlu fil-Faċilità San Vinċenz de Paul?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-total ta’ pazjenti li qed jistennew biex imorru fil-Faċilità San Vinċenz de Paul jew ġewwa nursing homes huwa ta’ 97 pazjent. Huwa d-dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità li jiddeċiedi fejn jiġu allokati l-pazjenti wara li jkun sarilhom assessjar dettaljat.

Sptar Karin Grech — Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani fl-Isptar Karin Grech li ilhom fl-isptar sitt xhur, kif ukoll kemm hemm anzjani li ilhom sena jew aktar? Jista' jgħid ukoll x’inhi r-raġuni li dawn l-anzjani għadhom jinżammu hemm għal dan iż-żmien kollu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 41 pazjent li ilhom aktar minn sitt xhur u 26 li ilhom aktar minn sena. Uħud minn dawn il-pazjenti għaddejin bir-rijabilitazzjoni tagħhom li ħadet fit-tul, waqt li oħrajn qed jistennew li jiġu trasferiti ġewwa faċilità ta’ long-term care.

Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali — Djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma d-djar tal-anzjani li fihom se jkunu qed isiru l- elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali fl-1 ta' Ġunju 2024?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif qed jitpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

L-Isptar Mount Carmel — Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li preżentement jinsabu rikoverati fl-Isptar Mount Carmel huma anzjani? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 58 persuna li preżentament jinsabu rikoverati fl-isptar Monte Karmeli li huma anzjani u għandhom 61 jew aktar, li 25 minhomm huma rġiel u 33 huma nisa.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li preżentement jinsabu ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huma anzjani? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma barranin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi hemm total ta’ 18 persuna -il li għandhom l’ fuq minn 65 sena.

Djar tal-anzjani — Linji gwida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux kriterji jew linji gwida miktuba sabiex anzjani li jkollhom jidħlu f’dar tal-anzjani jiġu rikoverati fl-aktar dar tal-anzjani viċin id-dar fejn kienu jgħixu u dan sabiex kemm jista’ jkun l-anzjani jibqgħu fil-komunità li fiha kienu jgħixu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx kriterji jew linji gwida miktuba dwar dan iżda din hija prattika li tinżamm fejn hu possibli, jiddependi mis-sodod disponibbli u skont id-dipendenza tal-anzjan/i.

Faċilità San Vinċenz de Paule — Entitajiet li jipprovdu l-ikel lir-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18869 u jgħid min huma l-entitajiet li jipprovdu l-ikel lir-residenti fil-Faċilità San Vinċenz de Paule? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti relattivi u jgħid ukoll kemm hu l-valur ta’ kull kuntratt u t-terminu tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed tintalab, hija kumerċjalment sensittiva.

Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali — Djar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma d-djar tal-anzjani li fihom se jkunu qed isiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali fl-1 ta’ Ġunju 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant biex jindirizza din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Anzjani — Korsijiet tal-IT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-provvista ta’ korsijiet tal-IT lill-anzjani matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll min hu eliġibbli li jattendi għal dawn il-korsijiet u fejn qed isiru dawn il-korsijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena kien hemm diversi taħriġ tal-IT għall-anzjani, fosthom taħriġ mill-FITA u taħriġ mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità dwar l-użu tal-IT u s-Saħħa Mentali. Dan tal-aħħar ġie mġedded il-ftehim li kien ġie eżawrit fl-aħħar tas-sena l-oħra u qed titħejja skeda biex jibdew isiru l-programmi fil-ġimgħat li ġejjin. Matul din is-sena qed isiru wkoll korsijiet mill-FITA f’dawn il-lokalitajiet, uħud minnhom għadhom se jsiru sal-aħħar tas-sena: · Ċentru għall-Anzjanità Attiva Ħad Dingli · Ċentru għall-Anzjanità Attiva Birżebbuġa · Ċentru għall-Anzjanità Attiva Santa Luċija · Ċentru għall-Anzjanità Attiva San Pawl il-Baħar · Ċentru għall-Anzjanità Attiva Sta. Venera · Ċentru għall-Anzjanità Attiva Tas-Sliema · Ċentru għall-Anzjanità Attiva Birkirkara · Ċentru għall-Anzjanità Attiva Ħal Qormi · Ċentru għall-Anzjanità Attiva l-Marsa · Ċentru għall-Anzjanità Attiva ż-Żurrieq Dawn il-programmi huma miftuħa għall-anzjani kollha li għandhom ’il fuq minn 60 sena.

Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanita’ Attiva 2023 – 2030 — Kenn ta’ bil-lejl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se jkun qed iwettaq l-espansjoni tas-servizzi ta’ kenn ta’ bil-lejl imsemmija bħala waħda mill-miri fil-Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023 – 2030?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala inizjattiva biex jiżdiedu s-sodod għas-servizz ta’ kenn għal matul il-lejl, ma kull kuntratt ta’ xiri ta’ sodod fid-djar privati, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed tirriserva sodod biex jintużaw għal dan is-servizz.

Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023 – 2030 — Espert dwar l-anzjanità LGBTIQ+

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-inizjattiva mniżżla fil-Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023 – 2030 sabiex ikollna espert dwar l-anzjanità LGBTIQ+ fil-Kummissjoni Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva twettqitx? Jekk le, jista’ jgħid meta se tkun imwettqa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Anzjanita’ Attiva wasal biex jerġa' jiġi maħtur fl-aħħar ta dan ix-xahar. F’dan ir-rispett wieħed mil-membri li ħa jkun maħtur ser jkun espert dwar l-anzjanità LGBTIQ+.

Anzjani li jidħlu fi Djar tal-Anzjani — Servizzi u inċentivi finanzjarji u fiskali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjan li jagħti aktar servizzi u inċentivi finanzjarji u fiskali lil dawk l-anzjani li jidħlu fi djar tal-anzjani privati? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma dawn is-servizzi u inċentivi u minn meta se jibdew?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Respite fid-Dar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani għamlu użu mis-servizz ‘Respite fid-Dar’ fis-sena 2023 kif ukoll din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2023, 256 klijent għamlu użu mis-Servizz ta’ Respite fid-Dar. Minn Jannar 2024 sal-lum, 358 klijenti qed jagħmlu użu mill-istess servizz.

Respite Residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani għamlu użu mis-servizz ‘Respite Residenzjali’ fis-sena 2023 kif ukoll din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li is-sena 2023, 209 klijent għamlu użu mis-Servizz ta’ Respite Residenzjali. Minn Jannar 2024 sal-lum, 50 klijent għamlu użu mill-istess servizz.