Jista’ l-Ministru jgħid kif l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani qed tassigura li l-istaff tad-djar tal-anzjani li jaħdmu direttament mal-persuni li jgħixu bid-dimensja jkollhom taħriġ avvanzat dwar kif għandhom jagħtu appoġġ lill-persuni li jgħixu bid-dimensja? X’passi tieħu din l-Awtorità meta tinduna li dan l-istaff m’għandux it-taħriġ neċessarju? Jista’ jgħid ukoll jekk l-istess Awtorità għandhiex il-jedd li titlob li dan l-istaff ma jibqax jaħdem ma’ dawn l-anzjani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani tivverifika li l-istaff li jaħdem direttament ma’ u li jagħti appoġġ lil persuni li jgħixu bid-dimenzja fid-djar tal-anzjani, jkollu taħriġ avvanzat dwar kif persuni li jgħixu bid-dimenzja għandhom jingħataw appoġġ. L-Awtorità waqt il-proċess tal-liċenzjar tivverifika li l-istaff li jaħdem ma’ nies li jgħixu bid-demensja għandhom it-taħriġ neċessarju. F’każ li jinstabu dawn in-nuqqasijiet il-provditur tas-servizz ikun mitlub jirratifika b’mod immedjat. Dan issir billi jinbidel l-istaff sakemm jiġi mħarreġ.
Carer at Home – Anzjani li jagħmlu użu mill-iskema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid b’mod preċiż kemm huwa n-numru ta’ anzjani li llum qed jagħmlu użu mill-iskema ‘Carer at Home’? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ anjzani li għamlu użu minn din l-iskema fis-snin 2021, 2022 u 2023, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ anzjani li llum qed jagħmlu użu mill-iskema ‘Carer at Home’ huwa ta’1,097.
In-numru ta’ anzjani li għamlu użu minn din l-iskema fl-2021 kien ta’ 802, fis-sena 2022 kien ta’ 918 u fis-sena 2023 kien ta’ 1,121.
Il-Furjana – Dar il-Mistrieħ – Xogħol ta’ rinnovazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħol ta’ rinnovazzjoni f’Dar il-Mistrieħ, il-Furjana? Jista’ jgħid ukoll x’kien il-valur ta’ kull servizz li ngħata kif ukoll jekk dan is-servizz ingħatax b’direct order jew b’tender?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li r-risposta qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Il-Furjana – Dar il-Mistrieħ – Klinika Multidixxiplinarja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-klinika multidixxiplinarja f’Dar il-Mistrieħ, il-Furjana, bdietx tintuża? Jista’ jgħid ukoll min jista’ jagħmel użu minn din il-klinika?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-klinika multidixxiplinarja f’Dar il-Mistrieħ, il-Furjana, ilha tintuża minn meta ġiet inawgurata (fl-Inawgurazzjoni tax-Xogħlijiet ta’ Tisbieħ fid-Dar tal-Anzjani tal-Furjana fl-10 ta’ Mejju 2024). Din il-klinika tintuża minn diversi, fosthom tabib, ġerjatra, fiżjoterapista, occupational therapist, podoloġista, practice nurse tal-oftalmiku, psikoterapista u tintuża wkoll minn membri oħra tat-tim interdixxiplinarju skond il-bżonn tar-residenti ta’ Dar il-Mistrieħ.
B’referenza għat-tender CT2369/2023 (Tender to demolish, design, build, maintain, upkeep and the management and operations of Cospicua Care Home for Older Persons including high energy and environmental performance standards), jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm offerenti? Jista’ jagħti dettalji ta’ min kienu dawn l-offerenti u x’kien il-valur f’kull offerta li saret?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-informazzjoni mitluba hija fid-dominju pubbliku.
Kien hemm 4 offerti. L-offerenti u l-valur ta’ kull offerta huma kif ġej:
Offerent
Valur
Golden Ventures
€101,612,550
Carerise Ltd
€97,997,305.50
CareMalta Ltd
€86,469,285
Carewise Joint Venture
€78,820,950
B’referenza għat-tender CT2369/2023 (Tender to demolish, design, build, maintain, upkeep and the management and operations of Cospicua Care Home for Older Persons including high energy and environmental performance standards), jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proċess u meta se jkun qed jinbeda l-proġett?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li t-tender imsemmi qiegħed fil-fażi ta’ evalwazzjoni. Il-proġett jibda meta jiġi ffirmat il-kuntratt mill-kuntrattur li jkun rebaħ it-tender u l-awtorità kontraenti, bħal ma hemm indikat fid-dokument tat-tender li jinsab fid-dominju pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li qed jipprovdi l-prodotti ta’ kontinenza? Jista’ jpoġġi kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-kuntrattur li qed jipprovdi l-prodotti ta’ kontinenza huwa Drugsales Ltd. Dan il-ftehim jikkonsisti f’informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva, għaldaqstant ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-massimu ta’ nappies/pull-ups li l-anzjani huma intitolati għalihom? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex qed jikkunsidra li jżid dan il-massimu fil-futur qarib?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li min naħa tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, l-ħrieqi/pullups jingħataw skond il-ħtieġa tal-individwu wara assessjar minn infermiera speċjalizzati f’dan il-qasam, filwaqt li ġewwa San Vinċenz de Paul, ma hemm ebda massimu ta’ ħrieqi (‘capping’) li anzjani huma intitolati għalihom. L-anzjani jibdlulom il-ħrieqi skont il-bżonnijiet tagħhom.
Jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar il-pjanijiet li għandu sabiex l-Isptar Mount Carmel jiġi konvertit f’San Vincenz de Paul ieħor? Jista’ jgħid x’se jkun jikkomprendi l-isptar il-ġdid, x’servizzi se jkunu qed jingħataw lill-anzjani u meta ser jibdew ix-xogħlijiet biex isir dan it-tibdil?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ħin propizju nagħtu d-dettalji kollha.
Sptar Mater Dei – lista ta’ stennija għal post f’residenza tal-Anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Mater Dei li qed jistennew li jidħlu f’dar tal-anzjani? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-pazjenti ilhom:
a. anqas minn xahrejn jistennew;
b. aktar minn xahrejn jistennew;
c. aktar minn sitt xhur jistennew; u
d. aktar minn sena jistennew?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li riżultat ta’ numru ta’ inizjattivi wasslu għal tnaqqis rekord ta’ sodod imblukkati fl-Isptar Mater Dei. Bħalissa hemm 29 pazjent fl-Isptar Mater Dei li qed jistennew li jidħlu f’dar tal-anzjani. Pazjenta waħda ilha aktar minn xahrejn. Ebda pazzjent ma ilu jistenna aktar minn sitt xhur jew aktar minn sena.
Faċilità San Vincenz de Paul – Sala St Joseph 5 — Internet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun qed isir biex il-problema tal-internet fis-Sala St Joseph 5, fil-Faċilità San Vincenz de Paul tissolva darba għal dejjem? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-kawża ta’ dan in-nuqqas ta’ servizz, x’qed jagħmel biex tissolva din il-problema u għaliex dan id-dewmien kollu biex tissolva?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew, il-problema tal-internet fl-imsemmija sala ssolviet darba għal dejjem u llum, ir-residenti qegħdin igawdu minn dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta’ COVID fil-Faċilità San Vincenz de Paul illum? Jista’ jgħid ukoll fejn qegħdin jinżammu l-anzjani li jkunu morda bil-COVID?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’San Vinċenz de Paul bħalissa hemm 27 resident bil-Covid 19. Kull pazjent li jiġi pożittiv għall-Covid, jiġi iżolat f’sala identifikata apposta f’San Vinċenz de Paul u jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-età stabbilita sabiex persuna tkun tista' tibbenefika mis-servizzi tal-kura tad-dimensja? Fid-dawl li għandna aktar persuni żgħar fl-età li jintlaqtu minn din il-kundizzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jneħħi kwalunkwe limitazzjoni tal-età f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għas-servizzi tal-kura tad-dimensja? Jekk iva, jista' jgħid meta ser tkun qed titneħħa din il-limitazzjoni?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja, fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità, diġà joffri s-servizzi tiegħu lill-persuni bil-kundizzjoni li tissejjaħ ‘Early-onset dementia’ – jiġifieri tip ta’ dimensja li toħroġ f’età iktar bikrija.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jipprovdu servizzi u għajnuna fil-qasam tad-dimensja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li San Vinċenz de Paule għandu fteim mal-Malta Dementia Society u mas-Service Dogs Malta Foundation, li t-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom għal residenti bid-dimensja, filwaqt li fl-Anzjanitá Attiva u Kura fil-Kommunitá, bħalissa qed jiġi implimentat kuntratt mal-organizzazzjoni mhux governattiva ewlenija f'Malta fuq id-dimensja, u dawn qed jipprovdu sessjonijiet terapewtiċi fiċ-ċentri tal-attività tad-dimensja u fid-djar residenzjali tal-gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fl-iskejjel biex jinħoloq aktar għarfien fost it-tfal dwar id-dimensja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir xogħol biex jinħoloq materjal apposta sabiex tiġi spjegata l-kundizzjoni lit-tfal b'mod li jifhmu u li jagħmel sens mill-perspettiva tagħhom. L-għan se jkun li noħolqu iktar għarfien bl-użu ta’ materjal xieraq. Nisuġerixxu li din il-mistoqsija tiġi referuta lil Ministeru kkonċernat ukoll.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi twettqu s’issa mill-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja - Nilħqu Livelli Ġodda (2024 - 2031)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, kompla jaħdem sabiex isaħħaħ is-servizzi komunitarji attwali għall-persuni bid-dimensja, kif rakkomandat fl-Istrateġija f’5.2. Sar investiment f’aktar riżorsi umani fit-tim tad-‘Dementia Intervention Team’, sabiex tiġi offruta valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persuni li qed jgħixu bil-kundizzjoni ġewwa darhom. Dan it-tim qed jaħdem biex persuni li jieħdu ħsieb il-persuni bid-dimensja, jiġu involuti fl-ippjanar tal-kura, u qed tingħata attenzjoni li x-xewqat u l-preferenzi tal-persuni bid-dimensja u l-familji tagħhom. Kif rakkomandat fl-istrateġija f’1.2, kompla wkoll it-taħriġ għall-professjonisti u l-pubbliku ġenerali fuq il-kundizzjoni permezz ta' diskussjonijiet pubbliċi u taħriġ. Minn aspett ta’ prevenzjoni skond 2.2 tal-istrateġija, sar programm ta’ Taħriġ tal-Memorja bil-għan li potenzjalment, tiġi evitata l-kundizzjoni u jinkoraġġixxi l-anzjani biex jibqgħu attivi mentalment filwaqt li jgħin fil-benesseri ġenerali tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi qed jingħataw prijorità u li ser ikunu qed jitwettqu sal-aħħar ta' din is-sena mill-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja - Nilħqu Livelli Ġodda (2024-2031)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li se nibqgħu naħdmu biex inżidu l-għarfien dwar il-kundizzjoni u l-kura kif stipulat fl-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja. Kif irrakkomandat fl-istrateġija (4.1), se nkunu qed naħdmu biex min ikollu dijanjożi tad-dimensja se jkollu aċċess għall-person-centred care (kura ċċentrata fuq il-bżonnijiet tal-persuna).
Dimensja – Kura lill-impjegati li jaħdmu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ aġġornat u avvanzat dwar il-kura tad-dimensja qed tingħata lill-impjegati li jaħdmu fiċ-ċentri ta' matul il-jum?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li impjegati li jaħdmu fiċ-ċentri ta’ matul il-jum jiġu mħarrġa fil-kura tad-dimensja, minn professjonisti tad-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Filwaqt, li t-taħrig li jiġi offrut f’San Vinċenz de Paul huwa dak dwar il-Kura fid-Dimensja, li hu kors akkreditat mill-Universita’ ta’ Malta. Dan jiġi offrut mhux biss għall-ħaddiema li jaħdmu fiċ- Ċentru imma għall-impjegati kollha.
Jista' l-Ministru jgħid xi programmi ta' taħriġ qed isiru għall-ħaddiena tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil dawk il-persuni li jieħdu ħsieb lill-persuni bid-dimensja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li bħalissa SVP qed jipprovdi taħriġ lill-impjegati li għandhom kuntatt ma’ persuni bid-dimensja u qed jiġi offrut kemm l-impjegati tal-gvern kif ukoll lil dawk tal-kuntrattur. Dan it-taħriġ huwa akkreditat mill-Università ta’ Malta u normalment jiftaħ darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, qed jitfassal pjan biex jinfetaħ kors qasir għall-qraba tal-persuni bid-dimensja f’SVP. Il-pjan huwa li dan jibda jiġi offrut ukoll ġewwa ċ-Ċentru tat-Taħriġ.
Min naħa tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, id-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja joffri kors ta' taħriġ dwar il-kura tad-dimensja għall-ħaddiema li jaħdmu ma' persuni bid-dimensja.
Filwaqt li l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani tivverifika li l-istaff li jaħdem fid-djar tal-anzjani u jaħdem direttament ma u li jagħti appoġġ lill-persuni li jgħixu bid-dimensja fid-djar tal-anzjani jkollu taħriġ avvanzat dwar kif persuni li jgħixu bid-dimensja għandhom jingħataw appoġġ.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20290 u ċjoè: B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19893 u 20081, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali fuq proċessar, stampar u posta taċ-ċekkijiet li nħarġu fil-ġimgħat li għaddew?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-valur sħiħ taċ-ċekkijiet ta’ rifuzjoni tat-taxxa kien ta’ € 27.4 miljun, li minnhom gawdew 269,563 persuna.
Dan bħala parti mill-proċeduri li ddaħħlet snin ilu biex il-ħaddiema f’pajjizna jiġu kkumpensati, b’dawk li jaqilgħu l-inqas jieħdu l-akbar kumpens, li jvarja bejn €60 u €140 kull persuna.
Infurmat li l-ispiża totali fuq proċessar, stampar u posta kienet tammonta għal €256,895.17.