Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar tal-anzjani — Screening tal-Oftalmoloġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema djar tal-anzjani qed joffru s-servizz ta’ screening tal-Oftalmoloġija u x’jikkomprendi dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll jekk l-anzjani jridux jiġu riferuti għal dan l-iscreening jew jekk dan isirx kull tant żmien għall-anzjani kollha?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li s-servizz ta' screening tal-Oftalmoloġija qed jiġi offrut fid-djar residenzjali tal-gvern, djar tal-PPP, u djar fejn il-gvern jixtri s-sodod. Dan is-servizz jinkludi tliet tipi ta' testijiet: akutezza tal-viżta (Visual Acuity), livell ta’ pressjoni fl-għajnejn (Intra Ocular Pressure), u ritratti ta’ wara l-għajn (Screening with Retinal Camera). L-iskop huwa li jiġu identifikati mard bħad-dijabete, deġenerazzjoni tal-makula, u l-glawkoma, anke mingħajr sintomi preżenti. Ir-residenti kollha fid-djar tal-anzjani hawn fuq imsemmija huma eliġibbli għas-servizz, ħlief għal dawk li diġà għandhom appuntament jew qed jiġu segwiti mill-klinika tal- oftalmoloġija tal-Isptar Mater Dei jew taċ-Ċentri tas-Saħħa. L-iscreening isir permezz ta' sistema ta' appuntamenti organizzat mid-djar infushom, u fejn ikun hemm bżonn ta' aktar kura, ir-residenti jiġu riferuti għand speċjalista tal-għajnejn ġewwa l-Isptar Mater Dei.

Djar residenzjali tal-anzjani — Inċentivi u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inċentivi u x'benefiċċji għandhom anzjani li jagħżlu li jidħlu fid-djar residenzjali privati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li anzjani li jagħżlu li jidħlu fid-djar residenzjali privati fejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ma tixtrix sodod, jibbenefikaw minn servizzi b’xejn bħal dawk ta' social work, terapija tal-familja, u servizz ta’ tissue viability li jingħataw fl-istess djar residenzjali privati.

Djar residenzjali tal-anzjani — Waiting list

Question

Jista' l-MInistru jgħid x'inhu l-pjan tal-Gvern biex jara li l-waiting list twila li teżisti għad-dħul fid-djar residenzjali tal-anzjani, tonqos?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm diversi pjanijiet biex tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija għad-dħul fid-djar residenzjali tal-anzjani. Kull sena, il-Gvern qed jixtri iktar sodod fi djar residenzjali privati, biex ikun jista’ jakkomoda aktar anzjani. Barra minn hekk, qed jissaħħu u jiżdiedu s-servizzi fil-komunità sabiex ngħinu lill-anzjani jibqgħu jgħixu fid-djar tagħhom għal perjodu itwal. Dan jgħinhom biex jibqgħu indipendenti u jkollhom kwalità ta’ ħajja għolja.

Sptar Mater Dei – pazjenti li qed jistennew biex jidħlu f’Residenza tal-anzjani – tnaqqis fil-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21381 u jgħid minn meta jibda t-tnaqqis fil-pensjoni tal-anzjani li jkunu qegħdin fl-Isptar Mater Dei jistennew li jidħlu jew f’dar residenzjali jew fir-Residenza San Vincenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-rata ta’ tnaqqis fil-pensjoni ta’ dawn l-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tnaqqis tal-pensjoni relatata, jidħol fis-seħħ mid-data li l-professjonisti mediċi jiddikjaraw li l-persuna tikkwalifika għal-residenza fit-tul, f’waħda mill-istituzjonijiet apposta u allura ma tkunx iktar titqies bħala pazjent/a ġewwa l-Isptar. Ir-rata applikabbli mid-data msemmija aktar qabel f’din-ir-risposta, f’każ ta’ trattament tat-tieni livell, hija dik ta’ 80% minn kull pensjoni, u 60% ta’ kull qliegħ ieħor li jsir matul is-sena kalendarja. Il-kontribuzzjoni li ssir mir-resident, m’għandiex tkun waħda tali li tħalli r-resident b’inqas minn €1397.62 fis-sena għad-dispozizzjoni tiegħu.

Il-Furjana – Dar il-Mistrieħ – Xogħol ta’ rinnovazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21463 u jgħid min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħol ta’ rinnovazzjoni f’Dar il-Mistrieħ, il-Furjana? Jista’ jgħid ukoll x’kien il-valur ta’ kull servizz li ngħata kif ukoll jekk dan is-servizz ingħatax b’direct order jew b’tender?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — Krozzi

Question

Jista' l-Ministru jwie[eb il-mistoqsija parlamentari 21558 u jgħid jekk fl-Isptar Mater Dei hemmx nuqqas ta' krozzi li jistgħu jinkrew? Jista' jgħid ukoll għaliex qed jingħad lil persuni li għandhom bżonn il-krozzi biex imorru jixtruhom minflok?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm krozzi fl-isptar Mater Dei.

Santa Venera — Dar Apap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'għajnuna qed joffri lill-anzjani li jinsabu f’Dar Apap, f'Santa Venera, li jridu jsibu post ieħor fejn imorru jekk din id-Dar ser tingħalaq sal-aħħar tas-sena, kif tħabbar lilhom ftit ġranet ilu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ser tipprovdi lill-anzjani li jinsabu f’Apap Institute rilokazzjoni f'dar tal-anzjani oħra. Qed jiġi ffinalizzat l-assessjar mit-tim multidixxiplinarju fuq dawn ir-residenti biex ikun żġurat li tingħatalhom il-kura fit-tul meħtieġa għalihom. Qed ikun hemm ukoll appoġġ psikoloġiku u soċjali biex jgħinuhom jaddattaw għat-transizzjoni, kif ukoll monitoraġġ tal-proċess ta' trasferiment biex jiġi assigurat li dan isir b'mod effiċjenti. Dan kollu jgħin biex l-anzjani u l-familjari tagħhom jirċievu l-appoġġ meħtieġ f'dan il-mument ta' bidla.

Djar residenzjali tal-anzjani — Sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet biex jixtri aktar sodod fi djar residenzjali oħra tal-anzjani li s'issa m’għandux ftehim magħhom? Jekk iva, jista' jgħid liema huma dawn id-djar u meta ser ikun qed jagħmel dan il-ftehim ġdid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tkun kontinwament qed tevalwa u tikkonsidra s-sottomissjonijiet u ċ-ċirkostanzi neċessarji.

Tender għad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21374 rigward it-tender CT2369/2023 (Tender to demolish, design, build, maintain, upkeep and the management and operations of Cospicua Care Home for Older Persons including high energy and environmental performance standards), jista’ l-Ministru jgħid minn min huwa kompost l-offerent Carewise Joint Venture? Jista' jinkludi wkoll lista tal-individwi, kumpaniji u entitajiet li jifformaw parti minn dan il-consortium/venture?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li din l-informazzjoni hija fid-dominju pubbliku u aċċessibbli tramite www.etenders.gov.mt. Il-Carewise Joint Venture huwa kompost minn Schembri Barbros Ltd u Archway Operators Ltd. Prova ta’ dan qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħrieqi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21377, jista' l-Ministru jgħid jekk fir-rigward ta’ individwi, x'inhu l-massimu (capping) ta' ħrieqi u dan peress illi fit-tweġiba ngħad li dawn jingħataw skont il-ħtieġa tal-individwu u ma ntqalx kemm hu l-massimu (capping)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-ħrieqi jingħataw skont il-ħtieġa u l-bżonnijiet ta’ kull klijent individwali.

Djar residenzjali privati tal-anzjani — Benefiċċji jew sussidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'benefiċċji qed jingħataw b'xejn jew issussidjati lill-anzjani li qegħdin fi djar residenzjali privati tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Telephone Rent Rebate – Applikabbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskema tat-Telephone Rent Rebate li permezz tagħha jingħata skont fuq il-kera tal-linja tat-telefon, tapplikax għal kull anzjan/a li għandhom 60 sena jew aktar? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kriterji sabiex anzjan/a jkunu intitolati għal dan is-sussidju?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-iskema tat-Telephone Rent Rebate tapplika għall-anzjani minn 60 sittin sena ’l fuq u li għandhom il-Karta r-Roża valida maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-applikant irid ikollu servizz ta’ linja fissa tat-telefown tal-GO plc. Dan is-servizz ma jridx ikun marbut b’xi kuntratt jew b’xi pakkett ta’ servizz ieħor tal-GO plc.

Silver-T Service – Applikabbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tas-Silver-T li permezz tiegħu jiġi offrut trasport bla ħlas, ġiex estiż għall-anzjani kollha, indipendentement minn fejn jirrisjedu? Jista’ jgħid ukoll jekk dan is-servizz japplikax anke għall-anzjani li jkunu jridu jmorru jużaw is-servizz tal-BCRS?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15791. Għat-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li dan is-servizz japplika wkoll għall-anzjani li jkunu jridu jmorru jużaw is-servizz tal-BCRS.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Servizz ta’ constant watch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex anzjani li kellhom constant watch fil-Faċilità San Vinċenz de Paul tneħħilhom dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll x'kienet ir-raġuni li wasslet għal din id-deċiżjoni u x'qed jagħmel biex jara li dawn l-anzjani tingħatalhom l-attenzjoni kollha li għandhom bżonn sabiex ikunu protetti u wkoll sabiex ma jkunux ta' periklu għal anzjani oħra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li hija fid-diskrezzjoni/ responsabbiltà tal-konsulent li jiddeċiedi jekk resident għandux bżonn ‘constant watch’. Il-konsulent jiddeċiedi wkoll il-perjodu ta’ żmien li l-pazjent ikun jeħtieġ il-‘constant watch’. Din il-proċedura tiġi implimentata minħabba numru ta’ indikazzjonijiet fl-imġieba tal-pazjent, pero’ dan ma jfissrix li għandha tibqa’ fis-seħħ għal dejjem. Jekk il-pazjent juri titjib, il-konsulent jista’ jħoss il-ħtieġa li din il-proċedura titneħħa. M’hemmx proċedura waħda għal kulħadd, iżda din tiġi deċiża skond il-każ.

Faċilità San Vinċenz de Paul – Servizz ta’ Constant watch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid illum kemm hemm anzjani fil-Faċilità San Vinċenz de Paul li għandhom constant watch? Jista’ jgħid ukoll f'liema wards qegħdin dawn l-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 168 resident taħt ‘constant watch’ f’San Vinċenz de Paul.

Faċilità San Vinċenz de Paul – Servizz ta’ Constant watch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani fil-Faċilità San Vinċenz de Paul li kellhom constant watch fis-snin 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f'liema wards kienu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fis-sena 2022 kien hemm 74 resident bħala medja f’San Vinċenz li kienu taħt ‘constant’ watch’ u fis-sena 2023, kien hemm 142 resident.

Sptar Mater Dei — Krozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-Isptar Mater Dei hemmx nuqqas ta' krozzi li jistgħu jinkrew? Jista' jgħid ukoll għaliex qed jingħad lil persuni li għandhom bżonn il-krozzi biex imorru jixtruhom minflok?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Sptar Mater Dei – lista ta’ stennija għal post fir-Residenza San Vincenz de Paul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Mater Dei li qed jistennew li jidħlu fir-Residenza San Vincenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-pazjenti ilhom: a. anqas minn xahrejn jistennew; b. aktar minn xahrejn jistennew; c. aktar minn sitt xhur jistennew; u d. aktar minn sena jistennew?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 14-il pazjent fl-Isptar Mater Dei li qed jitennew li jidħlu fir-Residenza San Vinċenz. Minn dawn, 4 huma rilokazzjonijiet, 2 għandhom l-applikazzjoni pendent u 2 oħra mhux f’kundizzjoni li jiġu trasferiti għal SVP.

Sptar Mater Dei – pazjenti li qed jistennew biex jidħlu f’Residenza tal-anzjani – tnaqqis fil-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta jibda t-tnaqqis fil-pensjoni tal-anzjani li jkunu qegħdin fl-Isptar Mater Dei jistennew li jidħlu jew f’dar residenzjali jew fir-Residenza San Vincenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-rata ta’ tnaqqis fil-pensjoni ta’ dawn l-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.