Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani intitolati għas-servizz tal-Home Help li bħalissa mhumiex qed jieħdu dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-raġuni għal dan it-twaqqif?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tlieta u sebgħin anzjan (73) fil-proċess sabiex jiġu assenjati helper ieħor/oħra. Ir-raġunijiet għat-twaqqif ikunu varji, kemm min-naħa tal-anzjan u kemm min-naħa tal-helper.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani intitolati għas-servizz tal-Home Help li bħalissa qed jieħdu dan is-servizz ridott (b’nuqqas fis-sigħat)? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-raġuni għal dan is-servizz ridott?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li s-servizz tal-Home Help jingħata għal sagħtejn fil-ġimgħa. Ma hemm l-ebda klijent/a li għandu/ha inqas minn hekk.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li sal-25 ta’ Novembru 2024, kien hemm ħamsin applikazzjoni għall-Home Help pendenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ħamsin applikazzjoni għall-Home Help kienu pendenti għax kienu għaddejjin mill-proċess biex jingħatalhom is-servizz. Fix-xahar ta’ Novembru 2024, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità irċeviet mija, sebgħa u sittin (167) applikazzjoni ġdida għall-Home Help.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vjaġġ sar sa issa mis-Silver T sabiex iwasslu lill-anzjani biex jagħmlu użu mill-magni tal-BCRS?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bejn April 2023 u Diċembru 2024 is-Silver T għamel 221 vjaġġ f’Malta u 60 vjaġġ f’Għawdex sabiex iwasslu lill-anzjani biex jagħmlu użu mill-magni tal-BCRS.
Peress illi s-sit li fuqu kellha tinbena d-Dar tal-Anzjani tal-Imsida, qiegħed jintuża bħalissa mill-Infrastructure Malta bħala parkeġġ, jista’ l-Ministru jagħti dettalji meta ser jibdew ix-xogħlijiet għall-bini tad-dar tal-anzjani? Jista’ jagħti timeline ta’ meta din id-dar ser tkun qed titlesta u tintuża bħala dar tal-anzjani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet għall-bini tad-dar tal-anzjani tal-Imsida ser jibda wara li tiġi aġġudikata s-sejħa għall-offerti u jiġi ffirmat il-kuntratt. L-operatur għandu jlesti din id-dar fi żmien mija tmienja u sebgħin (178) ġimgħa bħalma hemm indikat fit-tender dettaljat li huwa fid-dominju pubbliku.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23226 u jgħid x’azzjonijiet ser ikunu qed jittieħdu fil-konfront ta’ Chief Nursing Manager fil-Faċilità San Vincenz de Paul minħabba l-attitudini ta’ theddid u abbuż li din il-persuna qed tuża fil-konfront tan-nurses li jaħdmu fl-istess faċilità u li l-MUMN irreġistrat tilwima f’dawn l-aħħar jiem?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi l-maniġment ta’ SVP jieħu l-azzjoni neċessarja ġaladarba ssir investigazzjoni u jkun hemm lok għal azzjoni ulterjuri.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vjaġġ sar bis-servizz tas-Silver T minn meta beda dan is-servizz sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn il-vjaġġi u kemm kien in-numru ta’ vjaġġi għal kull talba li saret?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li minn meta beda s-servizz tas-Silver T fl-2018 sal-20 ta’ Novembru 2024 saru 111,578-il vjaġġ. Dawn il-vjaġġi saru biex jitwasslu l-anzjani fiċ-ċentri tas-saħħa, banek, biex jagħmlu x-xirjiet tagħhom, li tinkludi wkoll l-iskema tal-BCRS u postijiet oħra skont il-bżonnijiet tal-anzjani. Ġeneralment isiru 2 vjaġġi għal kull talba minħabba li persuna titwassal fejn ikollha bżonn u wara titwassal lura d-dar.
SVP 41/2024 — Provision of a Hearse to Transport Cadavers Services for SVP - Dewmien
Question
B’referenza għall-kuntratt SVP 41/2024 – Provision of a Hearse to Transport Cadavers Services for SVP, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġie msejjaħ il-hearse mill-uffiċjal tal-Faċilità San Vincenz de Paul (SVP) u ma kienx on site fi żmien sagħtejn minn meta ġie msejjaħ? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba s-service provider weħel penali għal dan id-dewmien?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-34 impjegat li jaħdmu fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fil-Faċilità San Vincenz de Paul, hemmx impjegati li huma nurses jew carers? Jekk iva, jista’ jgħid kemm minnhom huma nurses u kemm minnhom huma carers?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda Nurse jew Carer fis-Sezzjoni tar-Riżorsi Umani.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet ser ikunu qed jittieħdu fil-konfront ta’ Chief Nursing Manager fil-Faċilità San Vincenz de Paul minħabba l-attitudini ta’ theddid u abbuż li din il-persuna qed tuża fil-konfront tan-nurses li jaħdmu fl-istess faċilità u li l-MUMN irreġistrat tilwima f’dawn l-aħħar jiem?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Djar residenzjali tal-Gvern — Ħlas mill-anzjani għal servizzi u prodotti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema servizzi u prodotti jridu jħallsu l-anzjani li qegħdin fid-djar residenzjali tal-Gvern u dawk li qegħdin taħt l-iskema ta’ xiri ta’ sodod fid-djar privati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li r-residenti fid-djar residenzjali tal-Gvern u dawk taħt l-iskema ta’ xiri ta’ sodod fid-djar privati huma meħtieġa jħallsu għal dawn is-servizzi u prodotti:
1. Mediċini li mhumiex inklużi fil-formularju tal-POYC.
2. Servizzi jew prodotti li ma humiex koperti taħt il-pakkett ta’ servizzi li jingħata mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, kif diġà speċifikat fir-risposta għall-PQ 18872 tas-seduta 237 datata 30/04/2024.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti bħalissa għall-Home Help? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti u r-raġuni ta’ dawn il-pendenzi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li hemm (50) ħamsin applikazzjoni għall-Home Help li huma għaddejjin mill-proċess tal-assessjar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22255 u 22488 u ċjoè: Wara li l-Information and Data Protection Appeals Tribunal ordnat lill-Ministeru u l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, sabiex jagħmlu aċċessibbli l-kuntratti kollha li l-Ministeru għandu mad-djar tal-anzjani fuq xiri ta’ sodod, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-kuntratti kollha?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li huwa importanti li wieħed jinnota li peress li l-kuntratti saru fi snin differenti, il-prezz imniżżel fil-kuntratt jiġi aġġustat kull sena biż-żieda tal-indiċi tal prezzijiet. Dan huwa stipulat fil-kuntratt. Għalhekk biex wieħed iqabbel il-prezzijiet iridu jiġu aġġustati skont meta sar il-kuntratt. Kif wieħed jista’ jara ma hemm l-ebda kuntratt ta’ €120 kull sodda.
Il-prezzijiet ivarjaw ftit minħabba diversi fatturi li jittieħdu f’kunsiderazzjoni meta jsir il-kuntratt, għax kull dar hija differenti minn oħra. Fatturi bħal kemm ilha mibnija l-proprjetà u kemm sar rinovar fiha; il-lokalità ta’ fejn hi mibnija d-dar; is-servizzi anċillari jew infrastrutturali li toffri d-dar - bħal postijiet ta’ rikreazzjoni fuq barra, pixxina, kmamar interni mdaqqsa fejn l-anzjani jkunu jistgħu jagħmlu xi attivitajiet u jiltaqgħu flimkien; amenitajiet elettroniċi bħal sistemi ta’ sorveljanza elettronika tar-resident permezz ta’ tracking; faċilità li għandha rekords mediċi kompjuterizzati; postijiet li għandhom closed areas b’sigurtà u kura għola li jkunu adattati għal resident vulnerabbli.
Wieħed irid isemmi wkoll li r-regoli tax-xiri tal-gvern, jagħtu eżenzjoni fejn jidħol is-soċjal. Nitkellmu ħafna fuq kemm ir-residenza tiġi d-dar tal-anzjan, u kemm issir ħsara meta jkun hemm rilokazzjonijiet sfurzati. Wieħed għalhekk jista’ jara kemm sistema ta’ tender f’dan is-settur tkun tfisser li l-anzjani joqogħdu jbiddlu d-dar residenzjali skont l-irħas offerent kull darba li jispiċċa t-tender ta’ dik id-dar u l-offerta li tiġi sottomessa fit-tender ma tkunx l-irħas. Dan barra l-fatt li l-kuntratti jkun fihom diversi sodod u allura qegħdin nitkellmu li mijiet ta’ anzjani jkunu jridu jiġu rilokati f’każijiet hekk. Żgur mhux sitwazzjoni aċċettabbli għall-benessere tal-anzjani. Din il-proċedura u dawn il-kuntratti dejjem saru skont ir-regoli tad-dipartiment tal-kuntratti minħabba r-raġuni soċjali, kif ukoll bl-approvazzjoni tal-fondi mill-Ministeru tal-Finanzi.
Dawn l-istess kuntratti qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Girl Guides Groups li m’għandhomx sit fejn jiltaqgħu
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi ftehim mal-Girl Guides Groups li m’għandhomx sit fejn jiltaqgħu? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi ftehim ma’ dawn il-gruppi biex jinstabilhom post fejn jiltaqgħu u jaħżnu l-equipment tagħhom?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmata li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO) m’għandux tali informazzjoni. Din hija informazzjoni li tista’ tintalab mill-għaqdiet rispettivi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu bil-ħsara l-boiler tal-Imtarfa Home? Jista’ jgħid ukoll għaliex għadhom ma sarux it-tiswijiet u meta ser ikun lest sabiex l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-ilma sħun fil-kmamar tagħhom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-boiler tal-Imtarfa Home kien bil-ħsara mill-21 ta’ Ottubru u ġie msewwi fil-31 ta’ Ottubru 2024. Id-dewmien fit-tiswija kien dovut għal nuqqas ta’ parti speċifika min-naħa tal-kuntrattur. Matul dan iż-żmien, xorta kien hemm provvista ta’ ilma sħun permezz ta’ boilers iżgħar alternattivi. Barra minn hekk, tender għall-boiler ġdid biex iservi għall-kontinġenza, diġà ġie ppubblikat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każijiet ta’ salmonella fid-djar tal-anzjani matul din is-sena? Jekk iva, jista’ jgħid fejn u kemm persuni kellhom din l-infezzjoni? Jista’ jgħid ukoll x’azzjoni u prekawzjonijiet ittieħdu f’kull każ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li permezz tal-Anzjanitá Attiva u Kura fil-Kommunita u l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani instab li kien hemm każ wieħed ta’ salmonella matul din is-sena. Dan il-każ instab fid-dar tal-anzjani Dar il-Madonna tal-Mellieħa. L-Infection Control Nurse tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità flimkien mad-Dipartiment għar-Regolamenti tas-Saħħa, ħadu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni. Fost l-oħrajn, sar enfasi fuq l-importanza ta’ proċeduri rigorużi ta’ kontroll tal-infezzjoni mal-ħaddiema. Ir-resident ġie iżolat minn mar-residenti l-oħra u ttieħdu kampjuni ta’ ppurgar biex tiġi identifikata l-kawża tal-infezzjoni. Dan il-każ baqa jiġi segwit mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
Min naħa ta’ San Vinċenz de Paul, kien hemm każ wieħed biss fejn ir-residenta ma tħallietx toħroġ mill-kamra sakemm fieqet. Barra minn hekk, l-impjegati ħadu l-prekawzjonijiet kollha kontra l-kuntatt, fosthom:
· Ilbies ta’ fradal tal-plastik;
· Iġene tal-idejn;
· Ilbies ta’ ingwanti;
· Użu ta’ kontenituri għal skart kliniku;
· Żieda fil-frekwenza ta’ tindif tal-kamra;
· Intuża apparat mediku għar-residenta biss;
· Ħwejjeġ, lożor u investi intbagħtu għall-ħasil f’boroż apposta;
· Ġiet notifikata d-Disease Surveillance Unit fi ħdan d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22472 u jgħid min qiegħed jipprovdi l-hearse sabiex iġorr l-anzjani li jkunu mietu fis-swali tal-Faċilità San Vincenz de Paul għall-kamra mortwarja tal-istess Faċilità? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ servizz u jgħid kemm jitħallas għal kull vjaġġ li jsir?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li s-servizz qed jiġi provvdut minn Paul Tonna Son of Santu Funeral Services u l-ħlas għal kull vjaġġ huwa ta’ € 60 (ewro). Il-kopja tal-kuntratt ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22477 u jgħid kemm hu n-numru attwali ta’ carers li jaħdmu fil-Faċilità San Vincenz de Paul? Kemm minnhom jaħdmu mal-Gvern u kemm minnhom jaħdmu mal-kuntrattur? Kemm minnhom huma Maltin u kemm huma barranin? Fil-każ ta’ carers barranin jista’ jgħid ukoll mil-liema pajjiżi ġejjin dawn il-carers?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li hemm (663) sitt mija u tlieta u sittin carer li jaħdmu ġewwa San Vinċenz de Paul, li minnhom (204) mitejn u erbgħa jaħdmu mal-gvern, filwaqt li (459) erba’ mija u disa’ u ħamsin jaħdmu mal-kuntrattur. Minn dawn, (418) erba’ mija u tmintax huma Maltin, filwaqt li (245) mitejn ħamsa u erbgħin huma barranin.
Carers barranin — Kors ta’ taħriġ fil-lingwa Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li kull carer barrani li qed jiġi ingaġġat biex jaħdem fil-qasam tal-anzjani, qed ikollu joqgħod għal kors ta’ taħriġ fil-lingwa Maltija?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-carers barranin impjegati tal-kuntrattur li jaħdmu fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jagħmlu l-kors ta’ taħriġ fil-lingwa Maltija jew qegħdin fil-proċess li jagħmluh.
Ġewwa San Vinċenz de Paul f’kollaborazzjoni mal-Universitá ta’ Malta, qed tiġi offruta l-possibilitá sabiex impjegati barranin fil-qasam tas-saħħa (infermieri kif ukoll carers) jiġu mħarrġa fil-lingwa Maltija fl-aspett Mediku ġewwa San Vinċenz de Paul. Matul is-sena 2024, lestew dan il-kors b’suċċess (53) tlieta u ħamsin impjegat.
Finalment, l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani tivverifika li l-istaff li jaħdem fid-djar tal-anzjani u ma jitkellimx bil-lingwa Maltija qed jiġi mħarreġ fil-lingwa Maltija għas-settur.