Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissjoni Elettorali — Building data capture exercise

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif ġiet ingaġġata l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Kummissjoni Elettorali biex tagħmel 'building data capture exercise' ta' Malta kollha? Jista' jgħid ukoll x'valur għandu dan il-kuntratt, x'inhuma t-termini u l-kundizzjonijiet ta' dan il-kuntratt u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-kumpanija imsemmija ġiet ingaġġata wara proċess ta' tender pubbliku bin-numru ta' referenza CT3014/2023 — 'Creation of an Address-Based Geolocated Image Capture of Maltese Building Units, using Zero Emission Vehicles, as part of an Address Management Solution within the Electoral Office'. II-valur tal-kuntratt huwa ta' €900,210 (€725,210 minnhom huma kkofinanzjati mill-fond RRF) u l-proġett jaqa’ taħt ir-responsabilità tal-Unit tal-Immaniġjar tal-Indirizzi fi ħdan l-Uffiċċju Elettorali u mhux mal-Kummissjoni Elettorali. Permezz ta' dan il-proġett ser jinġabru d-dettalji tal-bibien ta' kull binja li hawn fil-gżejjer Maltin u l-ġeolokazzjoni tagħhom biex dik l-informazzjoni tintuża bħala bażi għar-Reġistru tal-Indirizzi li se jkun qed jiġi żviluppat u implimentat fis-snin li ġejjin. Kull binja se tiġi mmeppjata fuq il-basemap nazzjonali u mhux ser tkun qed tinġabar data ta’ natura personali. Dan l-eżerċizzju kellu l-bidu tiegħu f'Jannar 2025 u huwa maħsub li jkun lest sa Awwissu tal-2025. L-istess kuntratt jaħseb għall-perjodu ta' 5 snin ta’ manutenzjoni.

Kummissjoni Elettorali — Building data capture exercise

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji ta' fiex jikkonsisti l-proġett li qed tagħmel il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li ġiet ingaġġata mill-Kummissjoni Elettorali u x'inhu l-iskop li jsir dan il-'building data capture exercise' ta' Malta? Jista' jgħid ukoll meta beda dan l-eżerċizzju u meta ser ikun qed jitlesta?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26234.

Faċilità San Vincenz de Paul — ECG technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ECG technicians fil-Faċilità San Vincenz de Paul? Jista' jgħid ukoll xi kwalifiki għandhom dawn it-technicians?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li f’San Vinċenz de Paul ma hemm ebda impjegat fil-grad ta’ ECG technician.

Faċilità San Vincenz de Paul — Impjegati li jaħdmu mal-kuntrattur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjegati li jaħdmu mal-kuntrattur fil-Faċilità San Vincenz de Paul humiex qed jirċievu l-istess remunerazzjoni, salarji, benefiċċji bħall-impjegati kollha l-oħra li jaħdmu mal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Faċilità San Vincenz de Paul — Vannijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il passiġġier għamel użu mill-vannijiet tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fil-Faċilità San Vincenz de Paul minn meta ilu jagħti dan is-servizz sal-lum? Jista' jgħid ukoll x'kien in-numru ta' passiġġiera maqsuma xahar b'xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Faċilità San Vincenz de Paul — Trasport ta’ anzjani li jkunu mietu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Faċilità San Vincenz de Paul huwiex qed isir trasport ta' anzjani li jkunu mietu permezz ta' vetturi, ambulanzi jew vannijiet li mhumiex liċenzjati biex jintużaw għall-ġarr tal-mejtin ma' Transport Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li is-sewwieqa tal-ambulanzi u tal-hearse irid ikollhom liċenzja tat-tip B biex ikunu jistgħu jġorru persuni mejtin. Għaldaqstant, dawn il-vetturi li joperaw f’San Vinċenz de Paul, kemm jekk huma tal-Gvern, jew tal-kuntrattur, huma kollha liċenzjati minn Transport Malta taħt din il kategorija.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Tiġrif ta’ ħajt tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġġarraf il-ħajt tas-sejjieħ li hemm wara l-ispiżerija fil-Faċilità San Vincenz de Paul u x'kienet il-kawża ta' dan it-tiġrif? Peress illi dan il-ħajt huwa ta' periklu, jista' l-Ministru jgħid jekk ittieħdux miżuri biex dan jiġi rranġat minnufih?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-inħawi madwar il-ħajt mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku peress li l-bini tal-imsemmi ħajt għadu għaddej. Fil-post fejn qed isir dan ix-xogħol twaħħlu sinjali li jindikaw li jista’ jkun ta’ periklu f’dak l-inħawi. Infurmat li waqt il-bini tal-parti ta’ fuq, xi partijiet minn fuq waqgħu wara li ntlaqtu mill-makkinarju. Madankollu, l-istruttura mhijiex ikkunsidrata bħala perikoluża.

Birkirkara — Dar tal-Anzjani

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15871, jista' l-Ministru jgħid jekk is-sit fejn kellha tinbena d-dar tal-anzjani f'Birkirkara għaddietx għand l-Awtorità tad-Djar kif intqal mill-Ministru fl-istess tweġiba, u dan bl-iskop li jsiru sheltered homes għall-anzjani? F'każ li din l-art għadha m’għaddietx, jista' jgħid meta ser tkun qed tgħaddi għand l-Awtorità tad-Djar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari 15871.

Servizz tal-Home Help

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna anzjani illum li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help)? Jista' jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, illi hemm 7,777 anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) u hemm 60 applikazzjoni pendenti.

Servizz tat-Telecare

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna anzjani illum li qed jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare? Jista' jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi hemm 5,832 anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare. Hemm 258 applikazzjoni ġodda li qed jiġu proċessati biex jingħataw is-servizz. Nota Addizzjonali Bejn is-7 u s-16 ta’ Frar 2025 l-AAKK rċeviet 197 applikazzjoni u mis-17 sat-18 ta’ Frar (fi żmien jumejn) l-AAKK rċeviet 61 applikazzjoni. Dawn iridu jiġu proċessati u verifikati qabel ma jingħataw is-servizz.

Servizz tat-Telecare on the Move

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna anzjani illum li qed jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare on the Move? Jista' jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li anzjani li llum qed jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare on the Move huma 173. Bħalissa hemm 9 applikazzjonijiet li għaddejjin mill-assessjar meħtieġ.

Servizz tal-Meals on Wheels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna anzjani illum li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels? Jista' jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi bħalissa għandna 1,425 persuna li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels. M’hemmx applikazzjonijiet pendenti.

Servizz ta’ handyman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li s-servizz tal-handyman jingħata fl-indirizz tal-anzjan fejn jirresjedi biss minkejja li l-indirizz fuq il-karta tal-identità jkun differenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-servizz tal-handyman jingħata fl-indirizz tar-residenza tal-anzjan/a skont kif jidher fuq il-Karta tal-Identità.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Proġetti u xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25093 u jgħid xi proġetti u xogħlijiet għaddejjin bħalissa fil-Faċilità San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll min qed iwettaq dawn il-proġetti u xogħlijiet u meta ser ikunu qegħdin jiġu ffinalizzati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Telecare — Backup batteries

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25091, peress li ma baqax fornitur wieħed tat-telefonija li s-servizz tiegħu jibqa’ jaħdem mingħajr elettriku, jista’ l-Ministru jikkunsidra li mas-sistema tat-Telecare tiġi installata backup battery biex ikunu jistgħu jsiru telefonati bi kwalunkwe fornitur?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi l-fornitur tas-servizz baqa’ l-istess bħal qabel imma għandu arranġamenti mal-kumpaniji tat-telefonija kollha, u l-apparat tat-telecare jaħdem permezz ta’ linja telefonika. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandux kontroll fuq ħsarat jew qtugħ ta’ servizz tal-linji telefoniċi.

Anzjani li jgħixu f’residenza b'kera — Servizz ta’ handyman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk anzjan li jgħix f’residenza b'kera huwiex intitolat għas-servizz ta’ handyman f'dik l-istess dar fejn jgħix minkejja li għandu dar oħra fuq ismu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-servizz tal-handyman jingħata fl-indirizz tar-residenza tal-anzjan/a skont kif jidher fuq il-Karta tal-Identità.

Telecare — Qtugħ ta’ dawl

Question

Peress li fil-każ ta’ min għandu s-sistema tat-telefon bil-fibre optic, it-telefon ma jaħdimx meta jinqata’ d-dawl, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir sabiex it-Telecare għall-anzjani jibqa’ jaħdem meta jinqata’ d-dawl?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, illi mil-1 ta’ Ottubru 2024, is-servizz tat-telecare ġie estiż sabiex issa qed jinkludi l-fornituri kollha tat-telefonija. Għalhekk hija prerogattiva tal-anzjan li jagħmel użu mis-servizz tat-telecare, sabiex jagħżel il-fornitur tat-telefonija li jista’ jaqdih bl-aħjar mod possibbli.

Il-Mosta — Dar tal-anzjani - Xogħlijiet ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikunu qegħdin jitlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta? Jista’ jgħid ukoll min qed jagħmel dan ix-xogħol u jagħti wkoll rendikont tal-flus kollha li ntefqu s’issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ tisbieħ fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta qed isiru mit-tim tal-proġetti tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, filwaqt li x-xogħol fuq l-appoġġi, il-btieħi interni u s-sistema tal-CCTV saru mill-kuntratturi. Ninforma lill-Onor Interpellant li preżentament għadu għaddej ix-xogħol fuq il-pjanijiet finali. Għalhekk huwa kkalkulat li x-xogħlijiet jitlestew fi żmien sentejn. Sa issa, infurmat illi x-xogħlijiet swew total ta’ €31,210.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Proġetti u xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti u xogħlijiet għaddejjin bħalissa fil-Faċilità San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll min qed iwettaq dawn il-proġetti u xogħlijiet u meta ser ikunu qegħdin jiġu ffinalizzati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.