Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt Valletta — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet kollha li qed isiru bħalissa fil-Belt Valletta?  Jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser jitlestew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa mhu għaddej l-ebda xogħol minn Infrastructure Malta fit-toroq tal-Belt Valletta.

Il-Ħamrun — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet kollha li qed isiru bħalissa fil-Ħamrun?  Jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser jitlestew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol li għaddej bħalissa fil-lokalita’ tal-Ħamrun huwa s-segwenti: ·        Triq Notabile u Triq tal-Indjana, liema xogħol beda f’Diċembru 2024 u hu previst li jkun lest fl-aħħar kwart ta din is-sena. ·        Triq Lord Bryron, Triq il-Frangiskani, Triq il-Kappilan Mifsud, Triq Manuel Magri, Triq il-Kunċizzjoni, Triq Indri Cilia, Triq id-Duluri, Triq il-Ferrovija, Pjazza San Pawl, Triq is-Sorijiet iż-Żgħar tal-Fqar u Triq Roger Debattista, liema xogħol beda fi Frar 2025 u hu previst li jkun lest fl-aħħar kwart ta din is-sena . ·        Parti minn Triq is-Santissima Trinita’ mistennija wkoll tkun lesta sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar. ·        Ix-xogħol fi Triq Joe Gasan beda fil-bidu ta’ Ġunju 2025 u x-xogħol fi Triq San Gorġ Preca beda fl-aħħar ta’ Ġunju 2025. Dawn ix-xogħlijiet għandhom jitlestew sa Frar 2026. ·        Ix-xogħol ta’ quddiem l-iskola ta’ Saint Joseph ser ikun lest sa qabel tibda l-iskola.

Għajnuna medika mingħajr ħlas — Persuni li jużaw il-karta r-roża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni li bħalissa qed jieħdu għajnuna medika mingħajr ħlas (karta r-roża)? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa, kemm minnhom huma persuni impjegati u kemm minnhom huma pensjonanti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor.  Interpellant li l-informazzjoni dwar benefiċjarji tal-Karta r-Roża  kif mitluba minnha hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Persuni li bħalissa huma intitolati għal għajnuna medika mingħajr ħlas (Karta r-Roża) Irġiel Nisa Total Pensjonanti - Pensjoni Kontributorja 4,437 4620 9057 Pensjonanti - Pensjoni Kontributorja u qegħdin f'Impieg 159 48 207 Pensjonanti - Pensjoni Kontributorja u qegħdin f'Impieg 305 1726 2031 Persuni Impjegati 254 230 484 Persuni mhux pensjonanti u anqas impjegati 1786 6065 7851 Total 6,941 12,689 19,630 Fil-każ ta’ koppji eterosesswali li huma intitolati t-tnejn, fl-istatistika jidhru kemm taħt irġiel u kemm taħt nisa.  Fil-każ ta’ koppji tal-istess sess lit-tnejn huma intitolati, jidhru tnejn taħt irġiel jew nisa.

Carer at Home Scheme — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti għall-Carer at Home Scheme?  Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm pendenti u kemm ilhom pendenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-applikazzjonijiet kollha għall-iskema Carer at Home li waslu għand l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ġew proċessati u m’hemmx applikazzjonijiet pendenti.

Carer at Home — Sussidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li jieħdu s-sussidju għall-Carer at Home?  Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li n-numru ta’ anzjani li jieħdu s-sussidju għall-Carer at Home, sal-ġurnata li fiha qed tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari, hu ta’ 1,137, li minnhom ­­­360 huma rġiel u 777 huma nisa

Linji tat-telefonija — Rent rebate

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li jieħdu r-rent rebate fuq il-linja tat-telefonija tagħhom?  Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li bħalissa hemm 2,025 anzjani li qed jibbenefikaw mir-rent rebate fuq il-linja tat-telefonija tagħhom. Minn dawn, 1,004 huma rġiel u 1,021 huma nisa.

Sistema ta’ ġbir ta’ fliexken minn wara l-bibien — Persuni li għandhom blue badge

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inġabru fliexken minn wara l-bibien tal-anzjani u tal-persuni li għandhom Blue Badge sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm inġabru fliexken minn kull lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bejn l-1 ta’ Lulju 2025, minn meta daħal fis-seħħ il-proġett pilota tal-mobile RVMs għall-anzjani u persuni vulnerabbli, u s-27 ta’ Awwissu 2025, inġabru total ta’ 275,027 flixkun. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kumplament tal-informazzjoni miltuba.

Live-in Carers — Ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex lill-anzjani u l-familji tagħhom jiffaċilitalhom il-proċess tal-ingaġġ ta’ live-in carers?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tipprovdi lista ta’ aġenti liċenzjati li jimpjegaw carers sabiex l-anzjan ikun jista’ jagħmel kuntatt direttament magħhom u jagħżel min joffrilu l-aħjar servizz. L-anzjan jista’ jippreferi  li jixtri s-servizz ta’ carer direttament minn għand kumpaniji liċenzjati biex jimpjegaw carers, sabiex jevitaw il-proċess li jimpjegaw huma direttament.

Live-in Carers — Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal live-in carers, kemm mad-Dipartiment kif ukoll mal-kumpaniji privati li jipprovdu dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll kemm tmur lura l-aktar applikazzjoni antika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-applikazzjonijiet kollha għall-iskema Carer at Home li waslu għand l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ġew proċessati u m’hemmx applikazzjonijiet pendenti. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandhiex informazzjoni dwar kumpaniji privati li jipprovdu dan is-servizz.

L-Imsida — Proġett għal dar tal-anzjani

Question

Issa li l-proċess tat-tender għad-dar tal-anzjani fl-Imsida ġie konkluż, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet fuq din id-dar? Jista’ jgħid ukoll meta qed jipproġetta li dan il-proġett ikun lest?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li x-xogħlijiet fuq id-dar tal-anzjani fl-Imsida ser jibdew wara li jiġi ffirmat il-kuntratt. Il-kuntrattur huwa marbut li jlesti dan il-proġett fi żmien mija tmienja u sebgħin (178) ġimgħa mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt, sakem ma jkunx hemm xi affarijiet li m’hemmx kontrol fuqhom, u li jistgħu jitardjaw meta l-proġett ikun lest.

Bormla — Proġett għal dar tal-anzjani

Question

Issa li l-proċess tat-tender għad-dar tal-anzjani f’Bormla ġie konkluż, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet fuq din id-dar? Jista’ jgħid ukoll meta qed jipproġetta li dan il-proġett ikun lest?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kuntratt għall-proġett tad-dar tal-anzjani f’Bormla ġie ffirmat, u għaldaqstant il-proċessi u x-xogħlijiet issa ser jibdew. Il-kuntrattur huwa marbut li jlesti dan il-proġett fi żmien mija tmienja u sebgħin (178) ġimgħa mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi barra mill-kontroll tiegħu li jistgħu jikkawżaw dewmien fil-kunsinna tal-proġett.

Birkirkara — Triq Ganu - Żvilupp ta' Sit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sit maħsub biex fuqu tinbena dar tal-anzjani fi Triq Ganu, Birkirkara, ġiex mgħoddi lill-Awtorità tad-Djar biex jinbnew sheltered homes affordabbli għall-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellanta biex tireferi din il-mistoqsija parlamentari, lill-Ministeru ikonċernat.

Appuntament ma' dieticians — Lista ta' stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li qed jistennew appuntament ma’ dieticians? Jista’ jgħid ukoll għaliex l-appuntamenti li kienu għal Ottubru 2025 ġew posposti għal Awwissu 2026?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi ż-żmien ta’ stennija għall-appuntament ma’ dieticians bħalissa jvarja bejn minimu ta’ ġimagħtejn sa massimu ta’ 12-il xahar. Infurmat ukoll li xi appuntamenti li ġew posposti għall-Awwissu 2026, is-sitwazzjoni ġiet indirizzata, u l-appuntamenti reġgħu ġew skedati biex dawn il-pazjenti jiġu assistiti sa mhux aktar tard mill-aħħar t’Ottubru 2025.

Pilloli Isosorbide Mononitrate R 60MG – Out of Stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom out of stock il-pilloli Isosorbide Mononitrate R 60mg u jagħti r-raġuni? Jista’ jgħid ukoll meta dawn il-pilloli ser ikunu disponibbli?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li saru diversi sejħiet urġenti biex jinxtraw il-pilloli Isosorbide Mononitrate R 60MG. Sfortunatament sakemm jasal l-istokk tat-tender, dawn l-ordnijiet ġew kanċellati minħabba li hawn nuqqas tal-mediċina internazzjonalment. Huwa mistenni li fil-jiem li ġejjin għandha tasal ordni.

Mosta — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani - Xogħlijiet - Spejjeż tat-trasport għal ċentri oħra

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29494, jista’ l-Ministru jgħid min qed iħallas għall-ispejjeż tat-trasport sabiex l-anzjani jaslu f’ċentri oħra waqt li qed isiru x-xogħlijiet fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Mosta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-ispejjeż tat-trasport sabiex l-anzjani jaslu f’ċentri oħra waqt li qed isiru x-xogħlijiet fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Mosta qed jitħallsu mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Għawdex — Djar tal-Anzjani - Stennija għal dħul

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28271 u jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li qed jistennew biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani f’Għawdex sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29001.

CT40009/2025 — Tender for the Leasing of Accommodation Premises for Older Persons in Gozo for Gozo General Hospital within the Ministry for Health and Active Ageing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħarġet it-tender “CT40009/2025 - Tender for the Leasing of Accommodation Premises for Older Persons in Gozo for Gozo General Hospital within the Ministry for Health and Active Ageing”, meta bħalissa hemm Dar tal-Anzjani f’Għawdex li għadha mhix okkupata għalkollox?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tender "CT40009/2025 - Tender for the Leasing of Accommodation Premises for Older Persons in Gozo for Gozo General Hospital within the Ministry for Health and Active Ageing" għandu l-għan li jiffaċilita r-rilokazzjoni tar-residenti ġerjatriċi li bħalissa jinsabu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Din ir-rilokazzjoni hija element essenzjali biex jiġu implimentati l-iżviluppi preżenti u futuri tal-Isptar.

Mosta — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq ix-xogħlijiet li saru fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani fil-Mosta? Jista’ jgħid ukoll fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f’din il-binja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill Onor. Interpellanta għall-istqarrija li ħarġet fit-28 ta’ Marzu 2024: https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Pages/2024/03/28/pr240508.aspx

Mosta — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat żviluppaw fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani fil-Mosta wara li saru x-xogħlijiet f’dan iċ-Ċentru? Jista’ jgħid ukoll kemm ser ikunu qed idumu għaddejjin dawn ix-xogħlijiet u fejn ser jittieħdu l-anzjani sakemm isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Mosta żviluppat ħsara fis-sistema tad-drenaġġ u bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ tiswija. Sandanitant, l-anzjani qed jattendu fiċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva ta’ lokalitajiet oħra fil-viċinanzi.