Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għamlu użu mis-servizz Respite Residenzjali fis-sena 2024 kif ukoll matul din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2024, 242 anzjan (mitejn u tnejn u erbgħin) għamlu użu mis-Servizz Respite Residenzjali. Minn naħa l-oħra, sa d-data li fiha qed tingħata risposta għal din il-mistoqsija Parlamentari, hemm 195 anzjan (mija u ħamsa u disgħin) li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx każijiet pendenti bħalissa li qed jistennew li jingħataw servizz Respite fid-Dar? Jekk iva, kemm hemm każijiet pendenti u għaliex jeżisti dan id-dewmien?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħalissa m’hemmx applikazzjonijiet pendenti għas-servizz ta’ respite fid-dar.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal x’ħidma saret sa issa biex tiġi implimentata l-istrateġija l-ġdida dwar id-dimensja? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus sa issa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jaħdem biex jimplimenta t-tieni strateġija nazzjonali tad-dimensja. Sar investiment fis-servizzi tal-kommunità u fid-
Dementia Intervention Team
, li joffri sapport lill-persuni bid-dimensja u lill-familji tagħhom. Ġew organizzati żewġ konferenzi nazzjonali dwar id-dimensja, u kompla t-taħriġ għall-professjonisti u kif ukoll lill-pubbliku. Ġie introdott programm ta’ Taħriġ tal-Memorja u ġiet aġġornata l-informazzjoni
online
fuq il -website uffiċjal ta’ l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Sar ftehim mal-
Malta Dementia Society
u mal-Kurja biex jiġu offruti attivitajiet u spazji adattati għall-persuni bid-dimensja. Qed jiġi provdut ukoll servizz ta’ trasport u sessjonijiet terapewtiċi fid-
dementia activity centres
.
Skema tal-Għajnuna għal kiri ta’ sodod motorizzati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna biex jikru sodod motorizzati? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li sal-lum kien hemm 113 anzjan li qed jibbenefikaw mill-iskema tal-għajnuna għall-kiri ta’ sodod motorizzati. Minn dawn 71 huma nisa u 42 huma rġiel.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jattendu anzjani fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Isla? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista’ jgħid ukoll mil-liema lokalitajiet ġejjin dawn l-anzjani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Isla jattendu 54 anzjan. Minn dawn, 47 huma nisa u 7 huma rġiel, dawn ġejjien mill-lokalitajiet tal-Isla, Fgura, Marsascala, Bormla u Ħaż-Żabbar.
Anzjani li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha u li qed jirċievu l-pensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27525 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li għandhom bejn il-61 sena u l-64 sena li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha tas-sigurtà soċjali u li qed jirċievu l-pensjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa n-numru għal kull sena (jiġifieri 61, 62, 63, 64 sena) u kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment
ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Anzjani li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha - Pjan biex jibqħu jaħdmu filwaqt li jirċievu l-pensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27526 u jgħid xi pjanijiet għandu biex jara li dawk l-anzjani li għalqu l-61 sena u aktar u li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha tas-sigurtà soċjali jkunu jistgħu jibqgħu fid-dinja tax-xogħol filwaqt li jirċievu l-pensjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-aħħar Gvern li-ġħolla l-eta tal-irtirar kien Gvern Nazzjonalista bir-riforma li kienet saret fl-2006, kważi 20 sena ilu, meta l-eta’ tal-irtirar kienet żdiedet minn 61 sena għall-irġiel u 60 sena għan-nisa, għal 65 sena għal kulħadd.
Tajjeb li nżid iżda li fl-2016 konna daħħalna inċentiv sabiex persuni li jkunu ħallsu biżżejjed kontribuzzjonijiet biex jekk iridu jirtiraw kmieni, iżda jagħżlu li jkomplu jaħdmu jew ikunu jixtieq jaħdmu, għal kull sena li jkomplu jaħdmu u ma jieħdux il-pensjoni, ikollhom żieda addizzjonali fil-pensjoni. Tali żieda addizzonali illum tista’ titla’ sa 29% tar-rata tal-pensjoni li l-persuna tieħu mal-irtirar.
Tista’ l-Ministru telenka liema huma ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li jilqgħu fihom anzjani b’diżabilità? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu aktar? Jekk iva, tista’ tgħid fejn u meta?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bħalissa hemm madwar 35 persuna meqjusa bħala anzjani imqassma fost iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum kollha li tipprovdi l-Aġenzija. Ser jinfetaħ ukoll ċentru ġdid fil-Gżira biex jilqa’ lil dawn l-istess anzjani. Din l-azzjoni hija konsistenti mal-istrateġija tal-Aġenzija u mal-aħħar baġit. L-intenzjoni hi li l-persuni li jużaw dawn iċ-Ċentri jitqassmu skont l-età, l-abbiltajiet u l-bżonnijiet tagħhom.
Anjzani li jirċievu l-għajnuna supplimentari - Internet b’xejn
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tkun qed tiġi implimentata l-wegħda elettorali tal-Partit Laburista biex dawk l-anjzani li jirċievu l-għajnuna supplimentari jkunu jistgħu japplikaw għal servizz tal-internet b’xejn?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor Interpellanta li għaddejja l-ħidma fuq l-implimentazzjoni ta' din il-miżura u d-dettalji dwarha jitħabbru fil-mument propizju. Inserrħilha rasha li dan huwa Gvern li jwettaq dak li jkun jwiegħed u din il-proposta ser tkun waħda mill-ħafna proposti implimentati biex itejjbu l-kwalita tal-ħajja tal-anzjani tagħna.
Jista’ l-Ministru jelenka liema huma ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li jilqgħu fihom anzjani b’diżabilità? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu aktar? Jekk iva, jista’ jgħid fejn u meta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernata.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun kienx involut fid-diskussjonijiet dwar il-proġett li qed isir bħalissa fi Triq San Ġorġ Preca, il-Ħamrun? Jekk iva, x’kien l-involviment tiegħu? Jekk le, għaliex ma kienx parteċipi f’dawn id-diskussjonijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett ġie ppublikat fil-medja lokali fl-2023 u li saret
launch
għall-proġett fejn il-pjanti u l-ħsibijiet ta’ Infrastructure Malta ġew anke ppublikati fuq il-medja soċjali. Saret konsultazzjoni u preżentazzjoni lil diversi entitajiet pubbliċi fosthom Transport Malta, Kunsilli Lokali u anke l-NGO Rota, fejn ittieħdu l-kummenti ta’ dawn u l-pjanti ġew ammeljorati.
Qabel ma beda jiġi implimentat il-proġett fuq is-sit, saru xi bidliet oħrajn fid-disinn wara kunsultazzjoniet addizjonali mal-Kunsilli tal-Ħamrun u tal-Pietà.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fi Triq San Ġorġ Preca, il-Ħamrun u min ħa d-deċiżjoni li ssir lane għar-roti f’din it-triq? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett hux ser jaffettwa lill-istudenti li jattendu l-iskola li hemm f’din it-triq, kif ukoll lir-residenti li għandhom id-djar u l-garaxxijiet fl-istess naħa fejn se ssir il-lane għar-roti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa jikkonsistu fi tqegħid ta’ cables tad-dawl, sistema għall-ilma tax-xorb u tad-drenaġġ, sistemi tat-telekomunikazzjoni, bini ta’ sistema tal-ġbir tal-ilma, bini ta’ bankini u bini mill-ġdid tat-triq.
Ic-
cycle lane
ġo Triq Dun Gorg Preca hi waħda minn sensiela ta’
cycle lanes
li jiffurmaw parti mill-proġett tas-CSAM kif imħabbar u spjegat f’diversi fora u maqbul ukoll ma’ NGO ROTA, TM u diversi entitajiet pubbliċi oħrajn.
Qed jingħata l-asfalt quddiem il-parti tal-iskola biex b’hekk l-istudenti ma jiġux affettwati, kif ukoll qed inħallu aċċess għad-djar u garaxxijiet waqt li għaddejjin bix-xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji sabiex ġenituri li wliedhom ikomplu jistudjaw f’livell post-sekondarju, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-allowance speċjali ta’ €500? Jista’ jgħid ukoll għal kemm żmien titħallas din l-allowance?
Response (FALZON, MICHAEL)
Dan huwa Gvern li jwettaq dak li jwiegħed. Bl-implimentazzjoni tal-miżura mħabbra fil-budget 2024 mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Allowance Speċjali li jingħata lill-ġenituri ta’ studenti li jibqgħu jistudjaw f’livell post-sekondarju kienet mwettqa. Dan bl-għan li tkompli tinċentiva lil dawk l-istudenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw.
Il-kriterji ta’ eleġibilita’ huma skont il-punti elenkati hawn taħt:
• Jitħallas lil ġenituri, skont il-kustodji legali, residentif’Malta għall-perjodu ta’ mhux inqas minn l-aħħar ħames(5) snin, li jkollhom tfal li għadhom jgħixu magħhom u li għandhom bejn sittax (16) u għoxrin (20) sena, imma ma għalqux il-wieħed u għoxrin (21) sena fil-bidu tas-sena skolastika u li jkomplu bl-edukazzjoni full-time f’Malta, kemm jekk jirċievu stipendju jew le;
• Jitħallas lil studenti li ma jgħixux mal-ġenituri jew li huma ffosterjati jew jgħixu f’istituzzjoni u residenti f’Malta għall-perjodu ta’ mhux inqas minn l-aħħar ħames (5) snin, liema studenti għandhom bejn sittax (16) u għoxrin(20) sena imma, ma għalqux il-wieħed u għoxrin (21) sena fil-bidu tas-sena skolastika u li jkomplu bl-edukazzjoni full-time f’Malta, kemm jekk jirċievu stipendju jew le;
• Dan il-benefiċċju m’għandux test tal-mezzi għaldaqstant student jista’ ikollu impjieg part-time fil-perjodu li jkun student full-time; u
Il-ġenituri ta’ tfal li diġà jirċievu benefiċċji oħra tal- familja, jistgħu xorta jkunu eliġibbli għal din l-allowance.
· Ta’ min jgħid li għalkemm l-Allowance hija miftuħa għal studenti ta’ bejn 16 u 20 sena, kemm-il darba student ikun għadu jistudja full-time, jaqbeż l-20 sena u jkun diġà beda jieħu l-allowance qabel għalaq 21 sena, xorta jibqa jitħallas il-pagamenti dovuti sal-massimu ta’ €1,500 fuq 3 snin anke wara li jkun għalaq 21 sena.
Inżid li dan l-Allowance jitħallas b’mod awtomatiku sa’ massimu ta’ €1,500 maqsum fuq 3 snin b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Madanakollu, wara li jitħallas dan l-benefiċċju f’Mejju ta’ kull sena, lil dawk intitolati, tinfetaħ applikazzjoni sabiex studenti li jkunu qegħdin isegwu l-istudji tagħhom f’istituzzjoni privata, liċenzjata mill-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja, jew jistudjaw barra f’istituzzjoni akkreditata, ikollhom il-possibilità li japplikaw ukoll.
Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet kollha li qed isiru bħalissa f’Birkirkara? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser jitlestew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej xogħol fi Triq Fleur De Lys, liema xogħol mistenni jiġi konkluż għal aħħar ta’ Settembru. Għaddej ukoll xogħol ieħor fi Triq l-Artiġjanat u fi Triq l-Imdina li mistenni jiġi konkluż fl-aħħar kwart ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet kollha li qed isiru bħalissa fi Fleur de Lys? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser jitlestew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Fleur De Lys mistenni jiġi konkluż dan ix-xahar.
Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet kollha li qed isiru bħalissa f’Santa Venera? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser jitlestew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaddej xogħol fi Triq Notabile li mistenni jkun lest fl-aħħar kwart ta’ din is-sena.
Qed isir ukoll manutenzjoni tal-ħitan biswit il-mini ta’ Santa Venera, liema xogħol mistenni jkun lest fl-ewwel kwart tas-sena 2026.
Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet kollha li qed isiru bħalissa fil-Pietà? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser jitlestew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fi Triq id-Duluri, Pieta’ beda f’Mejju 2025 u hu previst li jkun lest fit-tielet kwart tas-sena d-dieħla minħabba li dan huwa parti mix-xogħol ħolistiku li qiegħed jsir mill-proġett ta’ C-SAM (Connections for Safer Active Mobility Routes (Phase 1)).
Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet kollha li qed isiru bħalissa fi Gwardamanġa? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser jitlestew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa mhu għaddej l-ebda xogħol minn Infrastructure Malta fit-toroq ta’ Gwardamanġa.
Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet kollha li qed isiru bħalissa fil-Marsa? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser jitlestew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’xogħlijiet fiż-żona Industrijali tal-Marsa kif ukoll fi Triq Telgħet Spencer, liema xogħol beda f’April 2025 u mistenni jkun lest fl-aħħar kwart ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jelenka x-xogħlijiet kollha li qed isiru bħalissa fil-Furjana? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser jitlestew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa mhu għaddej l-ebda xogħol minn Infrastructure Malta fit-toroq tal-Furjana.