Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #362 Sitting 8 2008-05-26 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lukanda Jerma Palace — Art

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega x'inhi l-pożizzjoni legali ta' l-art li fuqha eventwalment ġiet mibnija l-lukanda Jerma Palace f'Marsaskala? Stante li sar l-għeluq ta' din il-lukanda, jista' jgħid inkisritx xi kundizzjoni oriġinali meta saret il-konċessjoni mill-gvern? Jista' jindika jekk hijiex se titressaq mozzjoni fil-Parlament biex tiġi ratifikata l-pożizzjoni legali tat-trasferiment imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Frott u ħxejjex importati — Pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex magħruf x'pestiċidi jintużaw fil-frott u ħxejjex importat? Minn fejn jiġu bħala pajjiż il-frott u l-ħxejjex importati? Kemm-il pestiċidi differenti jintuża għal kull prodott partikolari qabel ma jasal f'pajjiżna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pestiċidi mportati

Question

Jista' l-Ministru jindika liema kategorija ta' pestiċidi jiġu mpurtati f'pajjiżna? Għal kull kategorija ta' pestiċidi liema kimiċi jiġu l-iktar importati? Minn fejn jiġu mportati? Kemm kienet l-importazzjoni ta' pestiċidi sena b'sena fl-aħħar 10 snin skond il-kategorija u l-kimika tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk għandniex entita' f'Malta responsabbli biex tara li l-frott u ħxejjex importati ma jkunx fihom traċċi ta' pestiċidi li huma banned mill-Konvenzjoni ta' Stokkolma? Kif topera din l-entita'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entità responsabbli hija l-Awtorità Maltija Dwar l-Istandards.

Kampjuni ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jitkejlux il-livelli ta' pestiċidi fil-kampjuni ta' ilma mill-aquifers ta' taħt l-art li jintużaw bħala sors ta' ilma tax-xorb? Jista' jgħid jittieħdux kampjuni ta' l-ilma mill-ispieri privati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-aħħar analiżi għall-pestiċidi fuq kampjuni ta’ ilma mill-aquifers irriżultaw kollha negattivi (jiġifieri ma wrewx kontenut ta’ pestiċidi f’dan l-ilma). Bħalissa l-Awtorità għar-Riżorsi qiegħda tirrevedi l-programm ta’ monitoraġġ. Fost il-miżuri li tinkludi din ir-reviżjoni hemm li dan il-programm jiġi estiż għall-ispieri privati, anke f’dawk l- aquifers li minnhom ma jinġibidx ilma għax-xorb.

Bord ta' l-Appell

Question

Tista' l-Ministru tindika jekk il-Bord ta' l-Appell imwaqqaf taħt l-Att dwar l-Edukazzjoni huwiex kompost? Jekk iva, kemm-il xahar dam il-Bord mhux kompost mal-elevazzjoni tal-ġudikant sedenti għall-ġudikatura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jiena nfurmata li l-Att dwar l-Edukazzjoni ma jistipula l-ebda Bord ta’ Appell.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija mill-1987 'l hawn li tressqu b'xi akkuża quddiem il-Qorti tal-Maġistrati? Kemm minnhom instabu ħatja? Kemm kien hemm minnhom li (a) weħlu sentenzi ta' ħabs; (b) weħlu sentenzi ta' ħabs sospiża (ċ) weħlu multi (d) weħlu sentenzi ta' conditional discharge? X'inhi l-linja gwida li jadotta l-Korp tal-Pulizija meta membru tal-Korp jeħel : (a) sentenza ta' ħabs (b) sentenza sospiża (c) multa (d) conditional discharge bħala dixxiplina interna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

It-tweġiba għall-ewwel parti ta' din il-Mistoqsija Parlamentari għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’każ ta’ ħtija hekk kif imsemmi fit-tieni parti tal-mistoqsija, il-Korp tal-Pulizija jimxi skond kif jipprovdu r-Regolamenti tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jindika l-ammonti ta' spetturi li rriżenjaw/tkeċċew/telqu mill-Korp tal-Pulizija sena b'sena mill-1998 sa April ta' l-2008?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Appelli fil-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ammonti ta' appelli li saru fil-Qorti ta' l-Appell minn sentenzi tal-Qorti tal-Familja bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-1 ta' Jannar 2008? Kemm hu dan l-ammont bħala persentaġġ ta' l-appelli kollha li saru? Kif jitqabbel dan ir-ratio mar-ratio ta' kawżi fil-Qorti tal-Familja introdotti fil-perijodu de qua mat-total tal-kawżi ċivili introdotti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar 2007 u l-ewwel ta’ Jannar 2008 kien hemm 33 appell minn sentenzi tal-Qorti tal-Familja. Dan l-ammont huwa 5.91 fil-mija tal-appelli kollha li ġew deċiżi matul l-istess perjodu. Meta wieħed iqabbel in-numru ta’ kawzi fil-Qorti tal-familja li ġew introdotti fil-perjodu msemmi mat-total ta kawzi ċivili kollha introdooti fl-istess perjodu dan jagħti ratio ta’ kawża fil-Qorti tal-Familja għal kull 2.4 kawzi ċivili.

Marsaskala by-pass — Għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet konkreti għandu l-Gvern biex tiġi solvuta l-problema akuta ta' l-għargħar fit-triq l-antika li minn Żabbar tieħdok għal Marsaskala u ċioe' l-hekk imsejħa by-pass l-antik?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Trade Unions

Question

Jista' l-Ministru jindika lista sħiħa tat-Trade Unions kollha li hawn f'pajjiżna, bl-uffiċċju reġistrat tagħhom inkluż?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għaqda Mediterranja — Twaqqif

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti u x'sar, jekk saret xi ħaġa, fuq il-proposta tal-Gvern Franċiż dwar it-twaqqif ta' Għaqda Mediterranja?

Response (BORG, TONIO)

Fl-isfond tal-pożizzjoni ġeo-strateġika u l-vokazzjoni naturali tagħha fir-reġjun Mediterranju, Malta - sa mill-ewwel proposti ta' l-inizjattiva Franċiża - fittxet li tagħti l-appoġġ kollu meħtieġ. F'dan ir-rigward, ġew mgħarrfa l-oqsma konċernati li Malta lesta li tospita s-segretarjat ta' din l-Unjoni, kemm-il darba jkun hemm il-bżonn li Malta toffri s-servizzi tagħha. Il-Gvern jinsab impenjat ukoll li jfittex parteċipazzjoni xierqa fi proġetti immirati lejn it-tisħiħ tal-koperazzjoni fir-reġjun.