Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'risposti kellu s'issa min-naħa tal-Gvern Libjan għall-istedina maħruġa mill-Gvern Malti dan l-aħħar biex jattendi għal laqgħa Ministerjali f'Malta dwar l-immigrazzjoni klandestina?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-data proposta għall-laqgħa Ministerjali f'Malta ma kienetx konvenjenti la għall-Libja u lanqas għall-Italja u għalhekk qed isiru kuntatti ġodda biex tinstab data komuni u aċċettabbli għat-tlett pajjiżi.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li c-Ċentru ta' l-Operazzjonijiet tal-missjoni ajru-navali Nautilus III tal-Frontex hijiex ibbażata f'Malta fi ħdan il-Forzi Armati? Jista' jgħid jekk l-uffiċjali ta' qawwiet oħrajn jinsabux stazzjonati f'Malta fit-tmexxija u l-koordinazzjoni ta' dan iċ-ċentru, u kemm qed tirċievi l-FAM biex iżżomm dan iċ-ċentru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-International Coordination Centre (ICC) ta’ l-operazzjoni konġunta Nautilus III ġiet stabbilita fil-21 ta’ Mejju biswit iċ-Ċentru ta’ l-Operazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Din l-ICC hija mmexxija minn fizzjali tal-Forzi Armati ta’ Malta u fiha jaħdmu wkoll fizzjali tal-FRONTEX u fizzjal nazzjonali ta’ kull pajjiż li f’dak il-mument ikollu riżorsi nvoluti fl-operazzjoni.
B’kollox ġew allokati mill-FRONTEX Euro12,500 għall-ispejjeż biex titħaddem l-ICC
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-Rules of Engagement tal-missjoni Nautilus III tal-Frontex?
Jista' jikkonferma li bħala parti mir-
Rules of Engagement
tal-missjoni
Nautilus III
tal-Frontex hi li meta tkun interċettata dgħajsa bl-immigranti klandestini dawn qed ikunu mwissija biex idawwru r-rotta lura minn fejn ġew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-Rules of Engagement li qegħdin jintużaw waqt il-missjoni konġunta Nautilus III huma klassifikati bħala ‘FOR THE USE OF LAW ENFORCEMENT AUTHORITIES ONLY’.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 364 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijet Rurali, u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux magħruf x'pestiċidi jintużaw fil-frott u ħxejjex importati? Minn fejn jiġu bħala pajjiż il-frott u l-ħwejjeġ importati? Kemm-il pestiċidi differenti jintuża għal prodott partikolari qabel ma jasal f'pajjiżna?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 800.
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qed jieħu l-ministeru tiegħu sabiex jaġixxi kontra l-abbuż sfaċċat li qed isir mill-kumpannija bl-isem ta' European City Guide, liema kumpannija tgħid li hi bbażata f'Valenzia, Spanja u li qed tqarraq sfaċċatament bin-negozjanti Maltin u wara li tqarraq bihom titlobhom il-ħlas? X'assistenza qed jingħataw il-vittmi milquta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-transazzjonijiet in kwistjoni għandhom bħala partijiet kummerċjanti u mhux konsumaturi, u għalhekk l-istess transazzjonijiet huma klassifikati bħala “business-to-business transactions” li ma jikkwalifikawx taħt il-kompetenzi tad-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni. Minkejja dan, din id-Diviżjoni, sa fejn setgħet ipprovdiet l-assistenza tagħha lill-kummerċjanti milquta. F’dan l-istadju, nirreferu lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 575 u jispjega fuq liema bażi l-Gvern jipprova jagħmel forecast taċ-ċaqliq tal-prezz taż-żejt internazzjonali minn qabel ma' dan iseħħ? Kemm fil-fatt il-forecast li kellu l-Gvern ikkombaċjaw ma' dak li seħħ realment fl-aħħar xhur?
Jista' jgħidilna wkoll jekk ikkonsidrax il-Gvern li jidħol f'xi tip ta' arranġament (partikolarment
hedging
) fejn jorbot bil-quddiem il-prezz taż-żejt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta għandha Risk Management Committee li regolarment jimmonitorja u jannalizza rapporti ta’ kumpaniji kbar fis-swieq internazzjonali bħal Goldman Sachs, Deutsche Bank, Barclays Capital u Societe Generale.
Barra minn hekk il-Management tal-Korporazzjoni kontinwament jitlob il-parriri u jiddiskuti ma banek internazzjonali u kumpaniji taż-żjut.
Minkejja dan, xorta jibqa’ l-fatt, li huwa diffiċli ħafna biex wieħed jara’ l-futur.
Id-Diffikulta kbira biex wieħed ibassar il-futur tista’ tiġi demostrata bil-‘forecast price revision’ għas-sena 2008 ta’ Goldman Sachs tas- 16 ta’ Mejju 2008. Goldman Sachs l-ikbar bank f’dan is-suq, kellu jirrevedi t-tbassir tiegħu minn USD 107.00 għal USD 141.00
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, L-Enemalta ila s-snin tuża strumenti finanzjarji (inkluż hedging) f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 607 u jgħid kemm hu l-ammont ta' arretrati : a) taxxi tad-dħul u b) VAT li l-Gvern għandu jdaħħal sal-lum mingħand persuni privati u soċjetajiet kummerċjali?
Tista l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 606 u tipprovdi lista sena b'sena ta' a)suġġetti li studjaw/qed jistudjaw l-istudenti li bbenifikaw/qed jibbenifikaw mill-iskema tal-YSSS b) l-universitajiet barranin li offrew/qed joffru s-suġġetti rispettivi u ċ)l-ammont ta' studenti skond is-suġġetti u l-universitajiet rispettivi għaż-żmien kollu minn mindu l-YSSS daħlet fis-seħħ sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Stante li d-dipartiment tradizzjonalment msejjaħ Monte di Pieta' hu obbligat li jiġbor it-taxxi fuq transferimenti u dokumenti (il-bolol) fuq l-assigurazzjoni u kif ukoll fuq il-bejgħ bl-irkant ta' oġġetti mobbli u transferimenti ta' ishma , jista' l-Ministru jgħid:
i) Jekk hemmx żmien stipulat sabiex kumpaniji ta' l-assigurazzjoni u irkantaturi jħallsu l-bolol tal-klijenti?
ii) Kemm hemm Poloz ta' Assigurazzjoni bil-bolol mhux imħallsa lid-dipartiment?
iii) Kemm jiġbor bolol id-dipartiment fuq oġġetti mobbli li jkunu suġġetti ta' bejgħ bl-irkant?
iv)X'sistema juża id-dipartiment sabiex jkun jaf li nġabru l-bolol kollha ta' bejgħ bl-irkant?
Jista' l-Ministru jagħti s-segwenti informazjoni:
i) Kemm kien in-numru ta' studenti li bbenifikaw mill-iskema ta'
myPotential
?
ii) Prevja l-fehma tal-Gvern li din l-iskema kienet suċċess, il-Gvern għandu l-intenzjoni li jestendiha f'setturi li jinħass li hemm bżonn ta' aktar riżorsi, bħal ma huma s-settur finanzjarju u dak tas-saħħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti li s'issa bbenefikaw mill-iskema ta' myPotential ħuwa ta' 1,085. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija tiegħu, nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 620 u jindika liema huma dawk id-diparimenti jew entitajiet governattivi li joffru l-faċilita' ta' vann tax-xogħol għall-impjegati tagħhom? Jaħseb il-Ministru li l-Gvern, bħala l-ikbar employer fil-pajjiż għandu jagħti eżempju u jinċentiva l-organiżżazzjoni u l-użu ta' vannijiet tax-xogħol għall-impjegati tiegħu f'attentat biex jitnaqqas l-ammont ta' karozzi u konsegwentement it-tniġġis fit-toroq tagħna?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-ewwel parti tal-mistoqsija.
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qed jikkunsidra politika dwar trasport fi gruppi u effiċjenza fit-trasport fl-operat tas-settur pubbliku. Nitlob għalhekk lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 574 u jiddikjara jekk il-Gvern ikkonsidrax l-idea li bl-istess mod li prattikament kull household għandha meter tad-dawl, kull household ikollha sistema ta' produzzjoni ta' enerġija alternattiva, partikolarment sistemi fotovoltaiċi?Wettaq xi studju l-Gvern tal-vijabbilita' ta' l-introduzzjoni ta' dawn is-sistemi f'kull dar komparati mal-flus extra li jkollu joħroġ l-istess Gvern biex jagħmel tajjeb għan-nofs iż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt u li se jkomplu jħallsu ċ-ċittadini fi ħlas ta' soprataxxa?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 573 u jgħid jekk irċeviex ilmenti dwar l-ikel li qed jiġi servut fid-dar tal-Anzjani taż-Żejtun? Fejn qed jiġi ppreparat dan l-ikel? Il-Gvern jivverifika kull tant żmien il-livell ta' ikel li jkun servut?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduat oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 572 u jieħu l-figuri ta' bejn l-1 ta' Marzu 2007 u l-1 ta' Marzu 2008 u jindika kemm hi l-medja ta' ħlas totali fis-sena li kull household tħallas lill- a) Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma b)Enemalta għall-konsum tal- i)ilma u ii)dawl inkluż konsum , kirjiet ta' arloġġi u soprataxxa? Kemm minn din iċ-ċifra, bħala medja, tmur bħala ħlas għas-surcharge?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 571 u jgħid kemm huma l-households f'Malta li , minħabba li qalbu għal sistema fotovoltaiċi ta' enerġija alternativa, jbiegħu l-kurrent lill-Enemalta? Kemm inxtara kurrent f'termini ta' kejl ta' kurrent u f'termini ta' flus mill-budget li għadda sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Inerpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 570 u jindika liema kategorija ta' pestiċidi jiġu mpurtati f'pajjiżna? Għal kull kategorija ta' pestiċidi liema kimiċi jiġu l-iktar importati? Minn fejn jiġu mportati? Kemm kienet l-importazzjoni ta' pestiċidi sena b'sena fl-aħħar 10 snin skond il-kategorija u l-kimika tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tabelli b’informazzjoni miġbura mill-NSO rigward importazzjoni tal-kategoriji kollha ta’ Pestiċidi li jaqgħu taħt l-HS division 3808 sena b’sena għas-snin 1998 sas-sena 2007, qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Rigward kategoriji ta’ kimiċi li jintużaw fil-pestiċidi, l-NSO ma għandux l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 569 u jgħid jekk hux magħruf x'pestiċidi jintużaw fil-frott u ħxejjex importati? Minn fejn jiġu bħala pajjiż il-frott u l-ħwejjeġ importati? Kemm-il pestiċidi differenti jintuża għal prodott partikolari qabel ma jasal f'pajjiżna?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 362, li saret lill-Prim Ministru u issa ġiet riferuta lilu, u jispjega x'inhi l-pożizzjoni legali ta' l-art li fuqha eventwalment ġiet mibnija l-lukanda Jerma Palace f'Marsaskala? Stante li sar l-għeluq ta' din il-lukanda, jista' jgħid inkisritx xi kundizzjoni oriġinali meta saret il-konċessjoni mill-gvern? Jista' jindika jekk hijiex se titressaq mozzjoni fil-Parlament biex tiġi ratifikata l-pożizzjoni legali tat-trasferiment imsemmi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi il-Gvern ma kien ta l-ebda konċessjoni fuq l-art tal-lukanda Jerma Palace. Dan għaliex fil-parti l-kbira tagħha l-lukanda nbniet fuq art privata, ħlief għal pill-box zgħira tas-Servizzi Ingliżi u li kienet nbiegħet lill-investituri.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 465 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe'jgħid jekk qattx sar studju mid-Dipartiment tas-Saħħa jew mill-Universita' ta' Malta biex jitkejjel a) l-ammont ta' pestiċidi fl-ambjent intern ta' l-iskejjel b) l-ammont ta' pestiċidi fl-ambjent tad-djar taċ-ċittadini? U jekk iva, x'inhuma r-riżultati?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li qatt ma’ saru studji tan-natura msemmija mill-Onor Interpellant. Għar rigward ta’ studji li setgħu saru mill-Universita’ ta’ Malta nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qed jieħu l-ministeru tiegħu sabiex jaġixxi kontra l-abbuż sfaċċat li qed isir mill-kumpannija bl-isem ta' European City Guide, liema kumpannija tgħid li hi bbażata f'Valenzia, Spanja u li qed tqarraq sfaċċatament bin-negozjanti Maltin u wara li tqarraq bihom titlobhom il-ħlas? X'assistenza qed jingħataw il-vittmi milquta?