Legislature:
Category:
Reset
Active:

kaċċa u nsib — flus minn multi

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena fl-aħħar ħames snin kemm il-gvern daħħal flus minn multi li ġew ikkundannati fil-qrati tal-maġistrati fuq reati relatati mal-kaċċa u insib?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Direttorat tal-Qrati Kriminali Malta: Id-direttorat tal-Qrati Kriminali ma jżommx statistika separata tal-multi imposti mill-Qorti tal-Magistrati (Malta) fil-kawżi tal-Infurzar tal-Ligi Amministrattivi liema kawżi jkopru ukoll reati rigward kaċċa u insib. L-istatistika li qed tingħata tkopri l-multi kollha li ġew imposti mill-Qorti tal-Magistrati (Malta) sena b’sena fuq reati dwar l-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva irrispettivament jekk il-multi imposti kenux reati fuq kaċċa u insib. SENA MULTI IMPOSTI 2007 €57,884.93 2008 €59,622.47 2009 €115,162.00 2010 €137,110.00 2011 €130,733.00 Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex): Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) ma tinżammx statistika separarata dwar it-tip ta’ reat li għalih il-qorti tkun ikkundannat multa.
Leg 11 PQ #32655 Sitting 458 2012-03-20 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Każijiet ta' referrals fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid fis-sena 2010-2011 kemm-il każ ta' referral kien hemm minn school councellors/ social workers/ child psychologist/għalliema/professjonisti oħrajn dwar studenti li qegħdin fil-fażi ta' tagħlim obbligatorju lid-dipartiment governattivi li jirregola s-Servizzi Edukattivi f'pajjiżna? In linea ġenerali fuqiex kienu jitrattaw dawn ir-referrals u jistgħux jiġu kategorizzati f'temi/diffikultajiet? Tista' taqsam dawn ir-referrals skont l-età tal-istudenti involuti (Year 1 eċċ., Form 1 eċċ.) u minn liema tip ta' skola (pubblika, tal-Knisja, indipendenti) kienu ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjoni tas-servizz

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32561, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Tenut kont li l-Kummissjoni Ewropea sabet li l-liġi lokali li permezz tagħha l-gvern inaqqas mill-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali (two-thirds pension) lil dawk il-pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-Servizz (service pension) tmur kontra l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u tenut kont li l-gvern fil-budget tal-2007 kien diġà parzjalment ipprova jitratta din il-kwestjoni billi beda jinjora €465 mill-pensjoni tas-servizz meta jigi biex jikkalkula l-pensjoni tat-two-thirds, tenut kont li issa l-Kummissjoni Ewropea qalet lill-gvern biex ibiddel il-liġi nostrana biex il-pensjonanti li jircievu l-pensjoni tas-servizz ma jkollhomx tnaqqis mill-pensjoni tat-two-thirds u fin-nuqqas jiġi intavolati proċeduri kontra Malta quddiem l-ECJ, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħmel kif ġie indikat lilu mill-Kummissjoni Ewropea jew inkella hux se jibqa' ma jbiddilx il-liġi nostrana u jiġġieled dik il-pozizzjoni quddiem l-ECJ? Għaliex? Kemm hemm service pensioners f'pajjizna?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lil Onor Interpllant li l-Opinjoni Raġunata tal-Kummissjoni Ewropeja bażikament qed tgħid li r-rata tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Malta m’għandhiex tkun ikkalkulata billi jiġi kkunsidrat xi pensjoni oħra li ġejjin minn skemi tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri oħra. Kif ġie spjegat fl-istqarrija maħruġa għall-Istampa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fis-27 ta’ Frar, 2012 (PR 0447), l-Gvern jsostni li Malta qegħda tapplika korrettament ir-Regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar il-koordinament tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali. Fl-opinjoni preliminari tal-Gvern mhemmx ksur tal-Liġi tal-Kommunità għar-raġunijiet msemmija fl-istqarrija stess, cioè li : i. Is-sitwazzjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward ma tistax tkun mqabbla ma’ sitwazzjonijiet oħra trattati fir-rigward tal-moviment ħieles ta’ ħaddiema peress li fil-maġġoranza tal-każi ta’ persuni li qed jirċievu pensjoni tas-servizzi inglizi f’Malta, dawn qatt ma telqu minn Malta u għalhekk qatt ma kkontribwew għal skema tas-sigurtà soċjali Ingliza . Infatti d-dritt tagħhom għal din il-pensjoni akkwistawaha permezz tax-xogħol tagħhom fis-servizz Ingliz hawn Malta biss; u/jew ii. Ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar il-ko-ordinament tal-iskemi tas-sigurtà soċjali qatt ma kienu ntenzjonati li jirregolaw is-sitwazzjonijiet storiċi u kostituzzjonali tal-gzejjer Maltin taħt ir-Renju Unit fis-sekli preċedenti u wisq qabel Malta ssieħbet mal-Unjoni. Anzi l-istess Regoli jirrikonoxxu, li sitwazzjonijiet storiċi m’għandhomx ikunu affettwati bl-istess Regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja ; iii. Ir-Regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar is-Sigurtà Soċjali jistabilixxu sistema ta’ ko-ordinament ta’ l-iskemi tas-Sigurta’ Soċjali u li fil-każ inkwistjoni l-istess Renju Unit ma jirrikonnoxix dawn l-iskemi partikolari bħala skemi tas-sigurtà soċjali. Għalhekk Malta m’għandhiex tiġi obbligata tinjora d-dikjarazzjoni tar-Renju Unit f’dan ir-rigward. Aħna nħossu li kieku l-Pajjiżi Membri ta’ l-Unjoni Ewropeja jibdew jinjoraw d-dikjarazzjonijiet ta’ Pajjiż Membru ieħor dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-iskemi tagħhom dan idagħajjef l-istess Regoli ta’ l-Unjoni dwar il-ko-ordinament ; iv. Il-Kummissjoni ma tistax tistenna li Malta kellha ddaħħal l-iskemi tagħha fl-Annex IX, Taqsima D tar-Regolament 1408/71 jew Annex IX tar-Regolament 883/2004 biex tkun eżentata mill-obbligu msemmi fl-Opinjoni Raġunata tagħha u dan minħabba li Stat Membru jista’ jagħmel din l-entratura fl-Annessi msemmija sakemm ir-rati tal-pensjonijiet fl-iskemi tas-sigurtà soċjali ma jkunux jiddependu mit-tul ta’ l-assigurazzjoni tal-persuna. Fil-każ ta’ Malta, r-rata tal-pensjoni li titħallas tiddependi mill-perjodu ta’ kontribuzzjoni tal-persuna kkonċernata u għalhekk Malta ma setgħetx tagħmel entratura fl-Annessi msemmija. Minkejja l-argumenti li qed jissemmew fl-Istqarrija Uffiċċjali, Malta qed tistudja fid-dettal l-Opinjoni Raġunata tal-Kummissjoni u ser tipprezenta il-veduti finali tagħha lill-Kummissjoni Ewropeja fil-ġimgħat li ġejjin. Statistika riċenti li tindika n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-pensjoni tas-servizz kemm minn Malta kif ukoll barra minn Malta hija din li ġejja: 2012 Tip ta' Pensjoni Pensjonanti€ Pensjonijiet tas-Servizz Ingliż 970801,268 Gvern ta' Malta 10,73964,088,892 Skemi Oħrajn 1,0426,585,450 Totali 12,75171,475,610

liġi li tirregola l-IVF

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32562 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta l-gvern se jressaq quddiem il-Kamra liġi li tirregola l-IVF? X'għandu f'moħħu l-gvern li jkun fiha in linea ġenerali din l-liġi?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jara risposta għall-mistoqsija parlamentari 31904.

Kultura u Patrimonju Kulturali — tnaqqis ta' voti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaqsu l-voti tal-budget għas-sena kurrenti li jaqgħu taħt il-Kultura u Patrimonju Kulturali wara r-reviżjoni 'l isfel fuq in-nefqa tal-Gvern Malti li tħabbret ftit ġimgħat ilu? Jista' jagħti dettalji ta' fejn sar dan it-tnaqqis okkorrendo vot vot?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32976.

Heritage Malta — membru tal-bord li rriżenja

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament irriżenja mill-Bord tal-Heritage Malta? Min ħadlu postu? Għaliex irriżenja?

Response (DEMARCO, MARIO)

Dan l-individwu rriżenja mill-Bord ta’ Heritage Malta f’Marzu tal-2011. Il-persuna li ġiet maħtura minfloku hija Prof Jo Ann Cassar, (Head, Department of the Built Heritage, Faculty for the Built Environment, University of Malta).

Heritage Malta — bord maħtur

Question

Stante li l-Bord tal-Heritage Malta kien ġie mġedded sal-aħħar ta' Diċembru 2011, jista' l-Ministru jgħid jekk dan reġax inħatar? Minn min hu kompost dan il-bord?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-Bord ta’ Heritage Malta reġa’ ġie maħtur għal perjodu ta’ tlett snin, effittivament mill-1 ta’ Jannar 2012. Il-bord huwa kompost minn: Mr Joe Said, Chairman Ms Isabel Vella, Deputy Chairman Ms Evelyn Baluci (offerred letter of resignation) Mr Leonard Callus Ms Norma Camilleri Prof Jo Ann Cassar Mr John Cremona Mr Martin Mercieca

Bandli tal-Fgura — protezzjoni meħtieġa

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-bandli tal-Fgura (ta' ħdejn l-iskola) jkunu mgħassa kif suppost b'rondi mill-pulizija eċċ. minħabba li ħafna residenti qed iħossu li mhemmx il-livell ta' protezzjoni meħtieġa, partikolarment kif jidlam? Huwa konxju l-Ministru minn din il-problema?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel ronda fil-post indikat. Dan isir kemm mill-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll mit-Taqsima ta’ kontra d-Droga u dik tal-Mobile.

Kummissarju għat-Taxxi Interni — demand notice

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il demand notice ħareġ il-Kummissarju għat-Taxxi Interni xahar b'xahar fl-aħħar ħames snin? Kemm kien l-ammont mitlub b'mod totali xahar b'xahar fl-aħħar ħames snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32650 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — kwalifiki minimi għal kors full-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kwalifiki minimi neċessarji biex student jattendi kors fuq bażi full-time fl-MCAST u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32651 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Università ta' Malta — Visiting Academic Staff

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-rati tal-ħlas għall-visiting academic staff fl-Università ta' Malta? Kif jiġu applikati dawn ir-rati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-parti relevanti tal-ftehim kollettiv li twieġeb il-Mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #32652 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — Rata tal-ħlas għal Lecturers part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-rati tal-ħlas għal lecturers part-time u fuq kuntratt definit fl-MCAST u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Kif jiġu applikati dawn ir-rati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32653 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — għalliem tal-Financial Magement

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi kwalifiki akkademiċi għandu u x'esperjenza għandu fit-tagħlim il-lecturer full-time li jgħallem Financial Management u suġġetti relatati mal-accounts fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Tista' tikkonferma jekk għandux permanent teacher's warrant? X'karigi akkademiċi qed jokkupa bħalissa fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u b'liema proċedura kien appuntat? Kemm ilu impjegat mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lecturer full-time li jgħallem Financial Management u suġġetti relatati mal-accounts fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi għandu Certificate in Enterprise Resource Planning Teaching minn Grenoble Ecole De Management, Diploma in Hotel Accounting and Finance mill MCAST (1978), u Teacher’s Certificate in Tourism Education mill UOM. Ilu jgħallem l-ITS minn 1989. Minbarra r-rwol ta’ lecturer, l-individwu konċernat huwa wkoll membru fuq il-Board of Studies (elett permezz ta’ elezzjoni b’votazzjoni mill-kollegi akademiċi), kif ukoll coordinator tal-management (posizzjoni ta’ ħatra mill-istess Istitut - 2009).

self employed u SMEs — miżuri biex titnaqqas il-burokrazija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'miżuri ħa l-gvern, partikolarment dawk leġislattivi, biex itaffi l-piż tal-burokrazija fuq (a) min hu self-employed u (b) għandu small and medium enterprises?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-Management Efficiency Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, lesta eżerċizzju u bħalissa qed jiġi implimentat biex titnaqqas il-burokkrazija in ġenerali fuq in-negozji, inklużi s-self employed u l-SMEs. Sa l-aħħar ta' din is-sena, il-miri li l-Gvern ikkommetta ruħu li jagħmel ser jiġu milħuqa.

Footballer li weġġa' waqt partita

Question

B'referenza għall-footballer li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, ta' nazzjonalità Indjana imma li trabba f'pajjiżna mit-tfulija, li ttieħed l-isptar bl-ambulanza wara li weġġa' u sofra concussion waqt partita tat-tielet diviżjoni tal-BOV league tal-Malta Football Association (Mdina K vs Marsaskala), jista' l-Ministru jara jekk dan iż-żagħżugħ - in vista tat-trobbija tiegħu f'Malta miċ-ċkunija tant li jitkellem b'Malti perfett u jqis ruħu bħala Malti, jistax jiġi eżonerat milli jħallas il-kont li ntbagħat lilu mill-Isptar Mater Dei tal-kura li rċieva fis-sigħat ta' wara l-partita de quo sa ma telaq mill-Isptar dakinhar stess?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant inħariġlu kont li jammonta għal €691.74. Għalkemm hu għadu joqgħod mall-ġenituri tiegħu, la għandu 'l fuq minn 18-il sena jiġi indipendenti minnhom. Biex l-ammont dovut ikun jista’ jiġi kkanċellat, il-pazjent irid ikun jaħdem u jħallas il-bolla hawn Malta. Biex dan ikun jista’ jiġi kkonfermat, il-pazjent ikun irid jipprezenta l-aħħar payslip jew inkella jkun jattendi ġo istituzzjoni edukattiva tal-Gvern bħall-MCAST/Universita eċċ. F’dan il-każ tkun trid tiġi ppreżentata ittra minn din l-istituzzjoni fejn tkun ikkonfermata l-attendenza tal-pazjent. Jekk din il-persuna la taħdem u lanqas taddendi ġo xi stituzzjoni edukattiva tal-Gvern, l-ammont dovut ikun irid jiġi mħallas.

Ilma tal-acquifer

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal ilma fl-acquifer tagħna (ilma tal-pjan) f'metri kubi? Bir-rata ta' konsum preżenti, kemm se jdum iservi fi snin dan l-ilma tal-pjan? Kemm idum snin biex l-ilma tal-pjan jerġa' jimtela?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa stmat li l-ħażna tal-ilma tal-pjan tammonta għal 1000 miljun metru kubu. Mhux possibbli li ssir stima realistika ta’ kemm iddum isservi din il-ħażna peress li din tiddependi kemm mir-rata ta’ estrazzjoni kif ukoll biex wieħed jistabbilixxi rata ta’ riġenerazzjoni. Din ir-rata ta’ riġenerazzjoni tiddependi kemm mir-rata ta’ recharge kif ukoll mit-telf b’mod naturali tal-istess r-recharge (discharge mifrux mill-blat lejn il-baħar) li jista’ jvarja skont il-volum ta’ ilma li jinstab fil-ħażna tal-ilma tal-pjan.

Ilma tal-pjan — sid

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min hu s-sid tal-ilma tal-pjan, il-Gvern jew inkella s-sid privat tal-parti tal-art li taħtha hemm l-ilma tal-pjan?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ilma tal-pjan — sid

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min hu s-sid tal-ilma tal-pjan, il-Gvern jew inkella s-sid privat tal-parti tal-art li taħtha hemm l-ilma tal-pjan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ Atti leġislattivi prinċipali li jirrigwardjaw l-ilma huma l-Att dwar il-Korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma u l-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Qabel il-pubblikazzjoni tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet twettaq kemm ir-rwol ta’ Regolatur kif ukoll ta’ operatur. Iżda bit-dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Rizorsi, ir-rwol ta’ regolatur ġie trasferit bil-liġi lill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, filwaqt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma żammet biss ir-rwol ta’ operatur. L-ebda wieħed mill-Atti ‘l fuq imsemmija ma jidħol speċifikament fil-kwistjoni dwar l-istat legali u ta’ propjetà tal-ilma ta’ taħt l-art. Madanakollu, l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi hija mgħotija setgħat regolatorji wisa ħafna fuq ir-riżorsi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art taħt l-Att ta’ l-Awtorita` ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, fosthom biex tassigura u tirregola l-konservazzjoni, t-tikbir u l-operazzjoni tar-riżorsi ta’ l-ilma u ta’ l-għejjun tal-provvista ta’ l-ilma (artikolu 4(2)(b)(ii) tal-Att). L-Att jispeċifika inter alia li minkejja li mhijiex meħtieġa liċenzja mingħand l-Awtorità biex jinbena bir jew ġiebja dan: “ma tipprekludix lill-Awtorità milli teżerċita xi waħda mill-funzjonijiet u s-setgħat taħt dan l-Att bil-għan li tiżgura li ma jinħeliex ilma jew jiġi użat ħażin u li ma ssir ebda ħsara fis-saff tal-akwifer jew band’oħra.” (artikolu 26(4) tal-Att) Dawn is-setgħat wisa’ jikkwalifikaw l-użu u t-tgawdija tal-ilma ta’ taħt l-art mis-sidien tal-art privati billi jintroduċu restrizzjonijiet għar-rigward tal-użu tar-riżorsa tal-ilma ta’ taħt l-art. Ta’ min jgħid ukoll li Malta hija legalment obbligata li tiżgura li l-ilma ta’ taħt l-art ikollu stat tajjeb kemm fil-kwalita u anke fil-kwantita tieghu.

Ilma tal-pjan — sid

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min hu s-sid tal-ilma tal-pjan, il-Gvern jew inkella s-sid privat tal-parti tal-art li taħtha hemm l-ilma tal-pjan?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-entità responsabbli mill-ilma tal-pjan hija l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Membru li jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Korp tal-Pulizija — Supretendenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il supretendent għandu l-Korp tal-Pulizija? X'jisimhom u f'liema distrett iservu? Hemm każijiet fejn f'distrett wieħed hemm iktar minn supretendent wieħed? F'liema distrett? Għaliex? Minn meta dan id-distrett okkorendo għandu iktar minn supretendent wieħed? Fl-aħħar għaxar snin, liema distrett kellhom iktar minn supretendent wieħed u għal kemm żmien?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 25 membru tal-Korp li jokkupa il-kariga ta’ Supretendent. Dawn huma stazzjonati fid-diversi branki tal-Korp skont kif jirrikjedu l-esiġenzi tas-servizz. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm Distrett wieħed fejn hemm stazzjonati żewġ Supretendenti. Dan minħabba raġunijiet ta’ tibdil loġistiċi li l-Korp kien se jkun kostrett li jagħmel u li issa ġew solvuti. Għalhekk huwa mistenni li fi żmien qasir, wieħed minn dawn is-Supretendenti se jkun assenjat b’doveri oħra skont il-ħtiġijiet tal-Korp. Infurmat ukoll ill matul dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm Distrett ieħor fejn ukoll kien hemm stazzjonati żewġ Supretendenti.