Stante li d-dipartiment tradizzjonalment msejjaħ Monte di Pieta' hu obbligat li jiġbor it-taxxi fuq transferimenti u dokumenti (il-bolol) fuq l-assigurazzjoni u kif ukoll fuq il-bejgħ bl-irkant ta' oġġetti mobbli u transferimenti ta' ishma , jista' l-Ministru jgħid:
i) Jekk hemmx żmien stipulat sabiex kumpaniji ta' l-assigurazzjoni u irkantaturi jħallsu l-bolol tal-klijenti?
ii) Kemm hemm Poloz ta' Assigurazzjoni bil-bolol mhux imħallsa lid-dipartiment?
iii) Kemm jiġbor bolol id-dipartiment fuq oġġetti mobbli li jkunu suġġetti ta' bejgħ bl-irkant?
iv)X'sistema juża id-dipartiment sabiex jkun jaf li nġabru l-bolol kollha ta' bejgħ bl-irkant?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi:-
i) Il-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni għandhom iħallsu t-taxxa tal-boll fuq poloz ta’ l-assigurazzjoni fi żmien ħmistax –il ġurnata mill-aħħar tax-xahar, jew mill-aħħar tal-perjodu ta’ tlett xhur, skond kif ikun ingħata l-permess lilhom skond l-Avviż Legali Numru 31/1982, filwaqt li rkantaturi ma hemmx żmien stipulat fl-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap. 364) sabiex jagħmlu l-ħlas tal-boll dovut.
ii) Id-Dipartiment jizgura li kull kumpannija ta’ l-assigurazzjoni tħallas il-boll fi żmien stipulat lilha skond kif spjegat hawn fuq (i). Għaldaqstant m’hemmx bolol mhux imħallsa fuq poloz ta’ l-assigurazzjoni.
iii) F’bejħ b’irkant ta’ mobbli, l-ammont totali mħallas fuq oġġetti jew l-oġġetti mixtrija minn persuna waħda, ikun iżjed minn mitejn u tletin ewro (€ 230), għandu jitħallas fuq il-Memorandum li fuqha jkun imniżżel dak il-bejgħ, taxxa ta’ żewġ ewro u sittin ċenteżmu ( € 2.60) għal kull mitt ewro ( €100), jew parti minnha, tal-prezz imħallas minn dak ix-xerrej.
iv) Id-Dipartiment isir jaf bl-irkantijiet permezz ta’ avviżi li jkunu saru mill-irkantaturi fil-gazzetti lokali.
Jekk fi żmien raġjonevoli ta’ bejn wieħed u ieħor sitt gimgħat minn meta jkun sar l-irkant, l-irkantatur ma jiġix fid-Dipartiment u ma jġibx miegħu il-
Memorandum
li fih ikun hemm kull bejgħ li sar f’dak l-irkant partikolari, u dan sabiex titħallas it-taxxa dovuta skond l-artikolu 39 (i) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap. 364), id-Dipartiment jinnotifika l-irkantatur sabiex jagħmel hekk mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tiegħu nvestigax allegazzjonijiet serji ta' ħruġ ta' sensiela ta' direct orders f'ammonti ferm aktar milli stipulati fil-Liġijiet finanzjarji u amministrattivi li saru mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fl-Ufiċċju tal-Prim Ministru fil-leġislatura preċedenti fejn tikkonċerna l-FAM? Jekk iva, x'miżuri ttieħdu? Jekk le, għaliex?
Jista' jagħti rendikont tal-kuntratti kollha li ngħataw b'direct order mill-FAM matul il-perijodu 2004 sa 2008 u lil min?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma saritx investigazzjoni dwar direct orders mogħtija mill-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar snin.
Rigward it-tieni mistoqsija, rendikont tal-kuntratti kollha li ngħataw b’direct order mill-FAM bejn l-2004 sa l-2008 u lil min, jinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 840 u jgħid: Stante li d-dipartiment tradizzjonalment msejjaħ Monte di Pieta' hu obbligat li jiġbor it-taxxi fuq transferimenti u dokumenti (il-bolol) fuq l-assigurazzjoni u kif ukoll fuq il-bejgħ bl-irkant ta' oġġetti mobbli u transferimenti ta' ishma ,
i) Jekk hemmx żmien stipulat sabiex kumpaniji ta' l-assigurazzjoni u irkantaturi jħallsu l-bolol tal-klijenti?
ii) Kemm hemm Poloz ta' Assigurazzjoni bil-bolol mhux imħallsa lid-dipartiment?
iii) Kemm jiġbor bolol id-dipartiment fuq oġġetti mobbli li jkunu suġġetti ta' bejgħ bl-irkant?
iv)X'sistema juża id-dipartiment sabiex jkun jaf li nġabru l-bolol kollha ta' bejgħ bl-irkant?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 840.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 833 u 607 u jgħid kemm hu l-ammont ta' arretrati : a) taxxi tad-dħul u b) VAT li l-Gvern għandu jdaħħal sal-lum mingħand persuni privati u soċjetajiet kummerċjali?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 886, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, u li t-tieni parti tagħha qed tiġi riferuta lilu, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-Gvern bħala l-ikbar employer fil-pajjiż għandu jagħti eżempju u jinċentiva l-organizzazzjoni u l-użu ta' vannijiet tax-xogħol għall-impjegati tiegħu f'attentat biex jitnaqqas l-ammont ta' karozzi u konsegwentement it-tniġġis fit-toroq tagħna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern qiegħed fil-proċess li jevalwa numru ta’ options sabiex ifassal Green Travel Plan għall-ħaddiema tas-settur pubbliku. Nistieden lill-Onorevoli Interpellant li jekk għandu xi proposti, iressaqhom ħalli jiġu kkunsidrati.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 851 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u t-tieni parti tagħha qed tiġi riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid: Prevja l-fehma tal-Gvern li l-iskema ta' myPotential kienet suċċess, il-Gvern għandu l-intenzjoni li jestendiha f'setturi li jinħass li hemm bżonn ta' aktar riżorsi, bħal ma hu s-settur finanzjarju?
Tista' l-Ministru tindika x'passi ħa l-Gvern in vista tal-kwestjoni li kellu ma' l-għalliema, liema kwestjoni żviluppat f'azzjoni industrijali ma' l-MUT, biex isolvi din il-kwestjoni? X'se jagħmel biex l-istudenti li se jirċievu r-riżultati tard ma jintlaqtux ħażin, partikolarment dawk li jkunu jeħtieġu resits?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-kwestjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tirrigwarda azzjoni industrijali li zviluppat bejn l-Unions, l-MUT u l-UMASA, u l-Universita’ dwar i-fteħim kollettiv ta’ l-istaff akkademiku. Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Gvern flimkien ma’ l-Universita’ qiegħed jagħmel dak kollu li huwa possibli sabiex din il-kwestjoni tiġi riżolta fl-iqsar żmien possibli.
L-Universita’ talbet lil unions biex jitwaqqfu d-direttivi u jitkomplew in-negozjati. Il-unions ma aċċetawx din il-proposta u għalhekk l-Universita’ talbet lid-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali sabiex isir laqgħa konċiljatorja, skond l-Att dwar l-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 793 u 572 u jieħu l-figuri ta' bejn l-1 ta' Marzu 2007 u l-1 ta' Marzu 2008 u jindika kemm hi l-medja ta' ħlas totali fis-sena li kull household tħallas lill- a) Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma b)Enemalta għall-konsum tal- i)ilma u ii)dawl inkluż konsum , kirjiet ta' arloġġi u soprataxxa? Kemm minn din iċ-ċifra, bħala medja, tmur bħala ħlas għas-surcharge?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 792 u 573 u jgħid jekk irċeviex ilmenti dwar l-ikel li qed jiġi servut fid-dar tal-Anzjani taż-Żejtun? Fejn qed jiġi ppreparat dan l-ikel? Il-Gvern jivverifika kull tant żmien il-livell ta' ikel li jkun servut?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li kull meta d-Dipartiment ta’ l-Anzjani rċieva xi ilmenti dwar l-ikel li jiġi servut fid-dar tal-Anzjani taż-Żejtun, dawn ġew immedjatament investigati mid-Dipartiment ma’ l-operatur u azzjoni ttieħdet fejn kien hemm bżonn.
L-ikel għad-dar taż-Żejtun huwa ppreparat kemm fl-istess Dar, kif ukoll minn kċina ċentraliżżata li hi mħaddma minn kuntrattur.
Id-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali jagħmel spezzjonijiet regolari f’kull Dar ta’ l-Anzjani, kemm tal-Gvern kif ukoll fil-privat. Dawn l-ispezzjonijiet jinkludu kemm il-kċejjen kif ukoll fejn jiġi maħzun u ppreparat l-ikel. Id-Dipartiment tal-Anzjani għandu wkoll Bord li jinvestiga ilmenti u jagħmel spezzjonijiet f’dawk id-djar li huma propjeta tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 791 u 574 li oriġinarjament kienu saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u jiddikjara jekk il-Gvern ikkonsidrax l-idea li bl-istess mod li prattikament kull household għandha meter tad-dawl, kull household ikollha sistema ta' produzzjoni ta' enerġija alternattiva, partikolarment sistemi fotovoltaiċi?Wettaq xi studju l-Gvern tal-vijabbilita' ta' l-introduzzjoni ta' dawn is-sistemi f'kull dar komparati mal-flus extra li jkollu joħroġ l-istess Gvern biex jagħmel tajjeb għan-nofs iż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt u li se jkomplu jħallsu ċ-ċittadini fi ħlas ta' soprataxxa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-gvern jimbotta u jippromwovi kemm jista’ jkun il-produzzjoni ta’ enerġija alternattiva. Tant hu hekk li l-gvern diġà jagħti sussidju fuq sistemi ta’ PV (flimkien ma sistemi oħra) ta’ €1,164.69 kull kWp (kiloWatt peak) installat f'dar, permezz ta' skema li titħaddem mill-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi. Dan l-ammont għandu jiżdied permess ta' fondi mill-Unjoni Ewropea.
Saru numru ta' studji dwar il-potenzjal tas-sistemi fotovoltaiċi (PV), fosthom dak mill-kumpanija Mott MacDonald. Ir-rapport ta' dan l-istudju ‘
Renewable Electricity Exploitation in Malta’
tpoġġa fuq-il-Mejda tal-Kamra fl-20 ta' Marzu 2007. Barra minhekk il-gvern għadu kif waqqaf grupp ta' esperti li għandhom l-inkarigu li joħorġu bi proposti kif għandha tiġi ġġenerata madwar 10% tal-enerġjia f'Malta minn riżorsi li jiġġeddu (inkluż PV).
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Parental Skills Programme ġie organizzat mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali fis-snin 2005, 2006, 2007 u fejn ġew organizzati? Fhiex eżattament jikkonsisti dan il-programm li hu bżonnjuż ħafna għall-familji? Kemm se jiġu organizzati minn dawn il-programmi matul din is-sena u fejn se jiġu organizzati?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
In segwitu tar-risposta li l-Prim Ministru ta lill-Interpellant odjern għall-mistoqsija parlamentari 362, jista' l-Ministru jispjega:
(a) Min hu s-sid ta' l-art privata li fuqha nbniet il-Lukanda Jerma Palace?
(b) Jekk l-awtur tas-sid ta' l-art privata li fuqha nbniet il-Lukanda Jerma Palace kien il-gvern ta' Malta u b'liema titolu dan is-sid akkwta l-art de quo?
(c) Jekk kienx hemm kondizzjonijiet fil-kuntratt tat-trasferiment li bih is-sid ta' l-art privata li fuqha eventwalment inbniet il-Lukanda Jerma Palace akkwista l-art de quo, u jekk iva, x'kienu?
(d) Dwar l-art esproprijata li fuqha nbniet parti mil-lukanda u li għadha tal-Gvern, xi proċeduri se jintużaw biex isir l-eventwali trasferiment?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tiegħu nvestigax allegazzjonijiet serji ta' ħruġ ta' sensiela ta' direct orders f'ammonti ferm aktar milli stipulati fil-Liġijiet finanzjarji u amministrattivi li saru mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fl-Ufiċċju tal-Prim Ministru fil-leġislatura preċedenti fejn tikkonċerna l-FAM? Jekk iva, x'miżuri ttieħdu? Jekk le, għaliex?
Jista' jagħti rendikont tal-kuntratti kollha li ngħataw b'direct order mill-FAM matul il-perijodu 2004 sa 2008 u lil min?
Tista' l-Ministru tindika liema rħula m'għandhomx ground tal-football? X'se jagħmel il-Gvern biex kull raħal ikollu għallinqas ground wieħed tal-football?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 783 u jgħid jekk il-Gvern wettaqx studju dwar l-impatt li kellha l-għeluq tal-Lukanda Jerma Palace fuq l-attivita' turistika f'Marsaskala? Sar xi sforz biex jiġi attirat investiment għal twaqqif ta' lukanda ġdida f'Marsaskala? X'qed isir biex it-turiżmu f'Marsaskala ma jmutx mewta naturali? Kuntent il-Gvern bil-livell ta' attivita' turistika f'Marsaskala?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Marsaskala hija lokalità b’potenzjal qawwi għal turiżmu kemm internazzjonali kif ukoll intern. Il-Gvern irid jaħdem sabiex dan il-potenzjal jissarraf f’attività turistika akbar. Il-Gvern bħalissa għaddej bi studju sabiex jara kif tista’ tiżdied l-attività turistika fi bliet u rħula li għandhom potenzjal u dan billi jiġu sfruttati l-faċilitajiet li hemm, billi jiġu organizzati attivitajiet inklużi mixjiet u tours u billi jiġi reklamat l-aspetti uniċi ta’ dawn il-lokalitajiet.
Il-Gvern qiegħed ukoll iħares lejn kif jistgħu jiġu ffinanzjati inizjattivi ta’ din ix-xorta.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 794 u 571 u jgħid kemm huma l-households f'Malta li , minħabba li qalbu għal sistema fotovoltaiċi ta' enerġija alternativa, jbiegħu l-kurrent lill-Enemalta? Kemm inxtara kurrent f'termini ta' kejl ta' kurrent u f'termini ta' flus mill-budget li għadda sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru tal-postijiet li qalbu għas-sistema fotvoltaika ta’ enerġija alternativa huwa ta’ 13-il post domestiku. B’kollox inxtraw ċirka 9064 unita’ ta’ dawl li jammontaw għall-€1690 mill-aħħar Budget sal-lum. Dan l-ammont ma jinkludiex intrapriżi kummerċjali li għandhom din is-sistema.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 617 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikiazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu jersaq għall-pubblikazzjoni tal-kuntratti finali ta' l-artijiet fil-Gudja, fil-parti magħrufa bħala Ta' Xlejli, li kien daħal f'konvenju fuqhom fil-bidu tas-snin tmenin ma' diversi terzi, illum residenti fil-proprjeta' mibnija fuq l-istess artijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat illi l-Awtorita’ tad-Djar tkun tista' tersaq għall-kuntratti finali ndikati mill-Onor. Interpellant meta jkollha t-titolu ta' l-art li fuqhom hi mibnija l-propjeta'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid jekk kienx hemm żviluppi fl-appoġġ li qed tagħti Malta għall-proposta tal-President Tar-Repubblika Franciża Nicolas Sarkozy għall-ħolqien ta' l-imsejjaħ Unjoni Mediterranja u jekk hux qed jisħaq li l-uffiċċji amministrattivi ta' din l-unjoni jitwaqqfux f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern Malti laqa' b'mod pożittiv il-proposta Franċiża għall-ħolqien ta' Union for the Mediterranean u preżentement qed jevalwa l-possibilita' ta' parteċipazzjoni fi proġetti konkreti li jagħtu aktar viżibilita' lill-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja.
Malta tibqa' disposta li tospita s-segretarjat li qed jiġi diskuss fl-ambitu ta' din l-inizjattiva għax temmen li l-pożizzjoni geo-politika tagħha tista' tkun ta' servizz utili għall-partijiet kollha.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-FAM bdietx tuża jew le s-sistema FLIR li kienet inxtrat bl-għajnuna tal-fondi ta' qabel sħubija fl-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-Sistema FLIR, li ġiet installata abbord ajruplan tat-tip Islander tal-Forzi Armati ta’ Malta f’April tal-2007, qiegħda tintuża waqt kull titjira ta’ l-istess ajruplan.