Gvern Malti u Gvern Taljan — kuntatti fuq livell politiku u diplomatiku
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'ġara ftit tal-jiem ilu meta, skont ma ġie rapportat f'ġurnal Malti l-Eċċellenza Tiegħu l-Ambaxxatur Taljan stess intervjena bil-preżenza tiegħu biex il-Pulizija Maltija ma taqbadx opra tal-baħar Taljana? Jista' jagħti retroxena ta' kif seħħew il-ġrajjiet? X'kuntatti kien hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Taljan, kemm fuq livell politiku u anke dak diplomatiku b'liema mezzi/strumenti u f'liema dati? X'sar minnha d-dgħajsa Maria Salvatrice? Intant, jista' l-Ministru jispjega x'ġara u x'qed jiġri fil-każ tal-luzzu Għawdxi Betania u Peppi Xuereb? Jista' jagħti retroxena ta' kif seħħew il-ġrajjiet, x'kuntatti kien hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Taljan kemm fuq livell politiku u anke dak diplomatiku? Ġie għall-konjizzjoni tal-Ministru li wara l-arrest tal-Paternostro, kien hemm esportaturi lokali li solitament ibiegħu l-prodotti tagħhom fi Sqallija li tilfu l-bejgħ tal-prodotti tal-baħar tagħhom fi Sqallija? X'se jagħmel il-Gvern Malti dwar dan fuq il-livell politiku u diplomatiku?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-fatti għar-rigward tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda kienu s-segwenti:
Fid-29 ta’ Ġunju 2009, għal ħabta ta’ nofs in-nhar, il-Pulizija irċeviet rapport mill-Operations Room tal-Forzi Armati illi l-ajruplan tagħhom kien interċetta ħames (5) dgħajjes tas-sajd barranin fl-ibħra tas-sajd ta’ Malta;
Minn dawn il-ħames (5) dgħajjes, waħda biss ġiet imwaqqfa minħabba li l-oħrajn irnexxielhom jaħarbu, iżda d-dettalji tad-dgħajjes l-oħra jinstabu għand id-dipartiment tas-Sajd għal aktar investigazzjoni minnaħa tagħhom;
Din id-dgħajsa irriżultat li hija dgħajsa tas-sajd li ttajjar bandiera Taljana bl-isem Maria Salvatrice bin-numru tar-Reġistrazzjoni 3SR841 u li kellha ekwipaġġ ta’ erba’ (4) persuni u ċioe’;
Il-kaptan Rosalino Paternostro, u l-ekwipaġġ Andrea Paternostro, Antonio Canndella u Salvatore Vizzini;
Irriżulta illi din id-dgħajsa twaqqfet f’distanza ta’ 18.5 mil nawtiku mill-ponta ta’ Dellimara;
Meta twaqqfet din id-dgħajsa, il-membri tal-Forzi Armati għamlu tfittxija fuq l-istess dgħajsa u sabu 22 kaxxa ħut frisk, liema ħut ġie maqbud mid-dipartiment tas-Sajd;
Irriżulta wkoll li l-lanċa Maria Salvatrice ma kienetx liċenzjata biex tagħmel attivitajiet relatati mas-sajd il-barra minn 40 mil mill-kosta Taljana;
Peress li l-kaptan Rosalino Paternostro huwa l-persuna responsabbli mil-lanċa u mill-attivita’ tas-sajd, ġie mitkellem mill-pulizija waqt din l-investigazzjoni;
Waqt l-investigazzjoni, id-dgħajsa Maria Salvatrice li kienet marbuta f’Xatt il-Barriera, fil-Port il-Kbir u ġie nfurmat il-Valletta Port (Turretta) sabiex din id-dgħajsa tkun ikkontrollata minnaħa tagħhom u dan sabiex jiġi żgurat li din id-dgħajsa ma titlaqx mill-Gzejjer;
Wara li ġew konlużi dawn l-investigazzjonijiet, Rosalino Paternostro tressaq b’arrest quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr L Quintano LL.D., sabiex iwieġeb għall-imputazzjonijiet dedotti fil-konfront tiegħu;
Paternostro wieġeb li ma kienx ħati għall-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu u stante li l-każ huwa ta’ natura sommarja, il-prosekuzzjoni resqet ix-xhieda kollha;
Id-difiża talbet differiment sabiex tkun f’posizzjoni li ttella’ x-xiedha tagħha iżda l-Qorti ikkonċediet dan id-diferiment iżda ċaħdet il-liberta’ proviżorja ta’ Paternostro;
Matul din is-seduta u preċiżament waqt it-trattazzjoni dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Paternostro, il-Prosekuzzjoni esebit formalment il-lanċa Maria Salvatrice u dan minħabba li l-istess dgħajsa hija il-corpus delicti flimkien mal-qabda tal-ħut;
Għandu jingħad illi matul l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, l-Ambaxxata Taljana ġiet infurmata f’dan il-każ u kellha tibgħat rapreżentant tagħha waqt is-smiegħ tal-kawża. Waqt li ntemmet il-kawża, il-prosekuzzjoni reġgħet infurmat l-Ambaxxata bir-riżultat tal-kawża kriminali fil-konfront ta’ Paternostro;
Immedjatament wara din is-seduta, il-pulizija flimkien mal-Forzi Armati bdew tentattivi sabiex id-dgħajsa maqbuda tiddaħħal fil-bażi tal-Forzi Armati, ġewwa Xatt it-Tiben, iżda minħabba li għandha l-qiegħ għoli u l-baħar huwa baxx, dan ma kienx possibbli u għaldaqstant għal ħabta tat-8.00p.m., il-Pulizija bdiet is-sorveljanza tagħha mad-dgħajsa.
L-ekwipaġġ baqa’ joqgħod fuq din id-dgħajsa minħabba li riedu jistennew il-kawża tinqata’ u dan sabiex ikunu jistgħu imorru lura l-Italja flimkien;
Nhar is-6 ta’ Lulju il-Qorti sabet lil Paternostro ħati kif mixli u kkundannatu Multa ta’ 35,000 Euro iżda ma ordnatx il-konfiska tal-lanċa Maria Salvatrice;
Għaldaqstant, wara li tħallset il-Multa, d-dgħajsa ngħatat lura lil Paternostro u nhar is-7 ta’ Lulju salpat lejn Portopalo bl-ekwipaġġ tagħha.
Għar-rigward tat-tielet domanda, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ambaxxatur Taljan ikkomunika miegħi u infurmani illi skont hu, il-Pulizija kienet ordnat illi l-passiġġieri abbord il-bastiment Maria Salvatrice kellhom jinżlu minn fuqu u jsibu fejn jorqdu. Infurmajtu li minhix edott mill-fatti u għidtlu li ser ninfurmah x’ġara. Staqsejt lid-Deputy Commissioner u infurmani li ma kienx minnu li xi membru tal-Korp kien ta tali ordni. Ċempiltlu lura u għidtlu b’dan.
Għar-rigward id-domandi l-oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmilhom lill-Ministri kkonċernati.