Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #11124 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Delimara — tniġġiż fil-baħar

Question

Jista' l-Prim Ministru jiddikjara x'għamel il-Gvern biex jinvestiga l-lega bajda li tidher regolarment fil-baħar ta' Delimara fil-parti li jgħidulha l-Kalanka? Xi skoprew it-tekniċi tal-Gvern? Għalfejn seħħ dan it-tniġġiż f'waħda mill-iktar zoni sbieħ u pristini fil-gżira, liema tniġġiż prattikament qered il-potenzjal ta' din iż-żona? X'relazzjoni għandu dan il-ħmieġ u tniġġiż mal-industrija tat-tonn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

talbiet għal tibdil fl-isem

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jikkonsidrax li jagħti dritt lil kull ċittadin li jibdel ismu (prenom) imqar darba matul ħajtu? Kemm saru rikorsi għal bidliet fl-isem quddiem il-Qorti ta' Reviżjoni ta' Atti Notarili sena b'sena fl-aħħar sentejn u kemm minnhom intlaqgħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ċ-Ċertifikat tat-Twelid ta’ kull ċittadin ma jistax jinbidel arbitrarjament imma b’rikors quddiem il-Qorti skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili u m’hemmx limitu ta’ kemm-il darba wieħed jista’ jissottometti rikors bħal dan. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-lista ta' rikorsi li saru fil-qorti għal tibdil fl-isem u/jew kunjom, kemm minhom ġew aċċetati u x'hemm pendenti.
Leg 11 PQ #11114 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissarju Malti

Question

Issa li ġie kkonfermat J.M Barroso bħala Kap tal-Kummissjoni Ewropea, jista' l-Prim Ministru jgħid min se jkun il-Kummissarju Malti li jmiss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-deċiżjoni titħabbar fil-mument opportun.
Leg 11 PQ #11115 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħlas ta' overtime lill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Gvern milli jonora l-ftehim li kien sar ma' għadd ta' pulizija fl-1993 dwar il-ħlas ta' overtime għal xogħol li jeċċedi s-46 siegħa fil-ġimgħa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li filwaqt li jsir ħlas ta' overtime għal siegħat żejda maħduma barra mix-xift normali, qatt ma kienet il-prassi li jsir ħlas ta' overtime fir-rigward ta' siegħat ta' xogħol li jagħmlu parti mix-xift stabbilit. Infurmat ukoll li sas-7 ta' Ottubru 2009, il-Korp tal-Pulizija ħallas is-somma ta' € 1,231,060 f'overtime. Dan ikopri l-ammont ta' €505,032 ta' overtime li nħadem matul l-elezzjonijiet tal-MEPs u tal-Kunsilli Lokali.

possibilità li jitqiegħed pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara meta se jiġi attwat dak li kien iddikjara wieħed mill-predeċessuri tiegħu, ossija l-ex Ministru Josef Bonnici meta kien qal fit-12 ta' Settembru 1999 li "l-Gvern qiegħed jistudja l-possibilita' li jitqiegħed pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija bl-iskop li l-power stations tal-Marsa u Delimara jibdew jaħdmu bil-gass minflok bil-fuel"? Wara iktar minn għaxar snin, il-Gvern għadu qed jistudja din il-possibilità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-istudju li sar fl-1999 indika li ma kienx se jkun ekonomikament viabbli li jitqiegħed pipeline tal-gass f’Malta. Minħabba iċ-ċirkustanzi mibdula fl-ekonomija l-Enemalta għaddejja minn studju ieħor li dalwaqt ser jikkonkludu fuq dan is-suġġett.

kuntratti lil SLR mall-Waste Serv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti lil SLR mill-Waste Serv (Malta) Ltd mill-2001 'il quddiem? Kemm kien l-ammont ta’ kull kuntratt u kemm tħallas VAT?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qed tinġabar u kif tkun inġabret ngħaddiha lill-Onor Interpellant.
Leg 11 PQ #11118 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

skema ta' l-Ispizjar ta' l-Għażla tiegħek

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-analiżi li għamel il-Ministru dwar is-suċċess o meno tal-iskema ta' l-Ispizjar ta' l-Għażla Tiegħek? X'għandu jkun il-ġejjieni ta' din l-iskema?

Response (DALLI, JOHN)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni mitluba, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10953 Sitting 144 2009-10-05 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kumpens fuq mewt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħadu kumpens b'kollox, il-familja tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, dwar il-mewt ta' ħuhom fid-depot?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ħlas ta' dan il-kumpens kien ta' mija u ħamsin elf lira Maltin (Lm150,000) u sar f'April 2003.

Permessi meħtieġa biex persuna tgħix u tiżżewweġ Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jidħol fil-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ta' ċittadinanza Niġerjana u jara li, in vista tal-fatt li dan ilu f'relazzjoni serja mal-persuna ta' nazzjonalità Maltija tant li għandhom tarbija (dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament) li hi Maltija u jixtiequ jifformaw familja billi jiżżewġu lil xulxin? Jista' jara li jkollu l-permessi meħtieġa biex ikun jista' joqgħod Malta sabiex b'hekk ikun jista' jiżżewwġ lil omm t-tifla Maltija tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates m'għandu ebda rekords dwar il-persuna indikata fil-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant.

AIP Permit

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-diffikultà biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jinħarġilha l-AIP Permit?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tieni Skeda, Artiklu 2 ta’ l-Att dwar l-Akkwist ta’ Proprjetà Immobbli Minn Persuni Mhux Residenti, Kap. 246, fejn hemm indikat li “L-Ministru jista’ jirrifjuta li joħroġ permess lil persuna mhux ta’ imġieba tajba”. Għaldaqstant id-Dipartiment jirreferi kull applikazzjoni li jirċevi lis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija sabiex jikkonferma jekk l-applikant huwiex/hijiex “ta’ imġieba tajba”. Id-Dipartiment ma joħroġ l-ebda permess jekk ma jirċivix din il-konferma. Il-Pulizija ghadha sal-lum ma ħarġitx il- clearance rigward il-persuna kkonċernata.

Armier u Delimara — kmamar illegali

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-politika tal-Gvern fuq il-kmamar allegatament illegali li nbnew fl-Armier? Jista' jgħid liema minnhom se jitwaqqgħu, liema le u b'liema kriterju? Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-politika tal-Gvern fuq il-kmamar allegatament illegali li nbnew f'Delimara? Jista' jgħid liema minnhom se jitwaqqgħu, liema le u b'liema kriterju? Jekk hemm differenza fiż-żewġ politiċi, jista' jgħid għaliex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-policy tal-Gvern dwar l-Armier hija spirata mill-provvedimenti tal-Pjan ta' Struttura. Ninsab infurmat li l-Pjan ta' Struttura m'għandu ebda provvediment għall-kmamar li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ġewwa Delimara.
Leg 11 PQ #10742 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Multi b'relazzjoni ma' proċeduri tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex nies qed jiġu mitluba jħallsu multi li jmorru lura sa għaxar snin ilu b'relazzjoni ma' proċeduri tal-VAT. Għaliex tħallew jgħaddu għaxar snin? Għaliex ħafna min-nies qed igħidu li qatt ma dehru l-Qorti u ma jafux għalfejn qed iħallsu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-artikolu 687(1) tal-Kodiċi Kriminali jgħid espressament li ‘Id-deċizjonijiet li bihom tingħata kundanna ma jaqgħux bil-preskrizzjoni f’ebda żmien’. Ninsab infurmat illi regolarment isir eżerċizzju sabiex jinġabru dawk il-multi kollha imposti mill-Qrati li għal xi raġuni jibqgħu ma jitħallsux. Dawn il-multi huma korroborati bis-sentenza tal-Qorti li tkun ingħatat fil-konfront tal-persuna misjuba ħatja u s-sentenza jkun fiha l-konnotati meħtieġa tal-persuna misjuba ħatja. Barra minn dan huwa dover ta' min ġie kkundannat li jħallas mill-ewwel.

Kmamar tal-Industriji jew Kummerċ rikonoxxuti mill-Gvern Malti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jiddikjara liema huma l-Kmamar tal-Industriji jew Kummerċ skont il-każ fid-dinja li l-Gvern Malti jirrikonoxxi? Liema huma dawk li ma jirrikonoxxix?

Response (BORG, TONIO)

Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ma jżommx lista ta' din it-tip, peress li m'hemmx rikonoxximent uffiċċjali da parti tal-Ministeru.
Leg 11 PQ #10754 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Wi-Fi b'xejn fuq il-vapuri tal-Gozo Channel

Question

Tista' l-Ministru tiddikjara jekk il-Gvern huwiex se jistalla sistema ta' wi-fi b'xejn fuq il-vapuri tal-Gozo Channel biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jinqdew mis-servizz tal-internet waqt it-traġitt u possibbilment anke fit-terminals rispettivi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #10076 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema tal-Unjoni Ewropea — Tqassim ta' ikel

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7624 u 9888 li oriġinarjament saru lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u lill-Ministru għall-Politika Soċjali rispettivament u issa ġew riferuti lilu u ċioe jispjega x'inhi l-iskema konnessa mal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha jingħataw ross u għaġin lill-familji fil-bżonn? Min jirregola t-tqassim ta' dan l-ikel? Kif jigi aċċertat li kollox jimxi skond is-sewwa? Kemm tqassmu ross u għaġin jew ikel ieħor taħt din l-iskema, sena b'sena minn kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea? F'liema rħula tqassmu? Kemm gawdew familji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Unjoni Ewropea toffri prodotti mill-Ħażniet ta’ Intervent lill-Pajjiżi Membri sabiex dawn jitqassmu lil dawk in-nies l-aktar fil-bżonn fil-Komunità. Kull sena l-Kummissjoni tqassam is-sorsi għad-dispożizzjoni tagħha bejn l-iStati Membri li jkunu esprimew ix-xewqa li jipparteċipaw f’dan il-Programm. Il-prodotti offruti huma dawk maħżuna fl-Aġenziji ta’ Intervent, jew fil-każ li jkun hemm skarsezza tagħhom, il-Kummissjoni tipprovdi fondi (fresh money) sabiex jinxtraw mis-suq komunitarju. Sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema, l-benefiċċjarji jridu jaqgħu taħt waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji: · Persuni li m’għandhomx il-possibiltà li jmantnu lilhom infushom u/jew jaqgħu taħt il-livell ta’ għixien bażiku; · Persuni li joqgħodu f’istituzzjonijiet mhux governattivi bla ħlas bħal orfanotrofji, shelters , etc · Persuni li jirċievu assistenza mhux kontributorja tas-sigurtà soċjali li jinkludu, assistenza għall-qagħad, diżabilità u benefiċċji mediċi. Dawn il-persuni għandhom jippreżentaw ċertifikat maħruġ mid-Dipartiment responsabbli mis-Servizzi Soċjali lill-Kappillan jew lill-Organizzazzjoni responsabbli mit-tqassim ta’ dan l-ikel sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw. L-Aġenzija għall-Pagamenti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali hija responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ dan il-programm u anke tagħmel il-kontrolli neċessarji sabiex jiġi aċċertat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) 3149/1992 li jirregolaw dan il-Programm jiġu mħarrsa. Żewġ għaqdiet non-Governattivi, waħda għal Malta u oħra għal Għawdex, jiġu magħżula kull sena, wara sejħa ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, sabiex jieħdu ħsieb li jwasslu l-prodotti għand il-benefiċċjarji. Awdituri Interni mqabbda mill-Aġenzija għall-Pagamenti u anke awdituri tal-IAID regolarment jagħmlu l-kontrolli neċessarji. Malta ġiet allokata fondi/prodotti biex jiġu mqassma lin-nies l-aktar fil-bżonn kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gvern Malti u Gvern Taljan — kuntatti fuq livell politiku u diplomatiku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega lill-Parlament x'ġara ftit tal-jiem ilu meta, skont ma ġie rapportat f'ġurnal Malti, l-Eċċellenza Tiegħu l-Ambaxxatur Taljan stess intervjena bil-preżenza tiegħu biex il-Pulizija Maltija ma taqbadx opra tal-baħar Taljana? Jista' jagħti retroxena ta' kif seħħew il-ġrajjiet? X'kuntatti kien hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Taljan, kemm fuq livell politiku u anke dak diplomatiku b'liema mezzi/strumenti u f'liema dati? X'sar minnha d-dgħajsa Maria Salvatrice? Intant, jista' l-Ministru jispjega x'ġara u x'qed jiġri fil-każ tal-luzzu Għawdxi Betania u Peppi Xuereb? Jista' jagħti retroxena ta' kif seħħew il-ġrajjiet, x'kuntatti kien hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Taljan kemm fuq livell politiku u anke dak diplomatiku? Ġie għall-konjizzjoni tal-Ministru li wara l-arrest tal-Paternostro, kien hemm esportaturi lokali li solitament ibiegħu l-prodotti tagħhom fi Sqallija li tilfu l-bejgħ tal-prodotti tal-baħar tagħhom fi Sqallija? X'se jagħmel il-Gvern Malti dwar dan fuq il-livell politiku u diplomatiku?

Response (BORG, TONIO)

Dwar il-Każ tad-dgħajsa “Maria Salvatrice” l-Ambaxxatur ta’ l-Italja f’Malta għamel kuntatt darba mal-Ministeru fejn irraporta li kien hemm inċident fejn sajjied Taljan kien qed jiġi investigat għal sajd illegali f’ibħra ta’ kompetenza Maltija. Dan il-Ministeru wieġeb li l-proċess kien qiegħed pendenti quddiem l-awtorita’ ġudizzjarja, u li kien ittamat li dan l-episodju jingħalaq kemm jista’ jkun malajr. Fil-fatt dan is-sajjied ġie misjub ħati, wara amissjoni, fis-6 ta’ Lulju 2009 u ġie mmultat. Dwar il-luzzu ‘Betania’ nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-ministru/i kkonċernati.

Open top buses — entry fee

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara x'inhu r-raison d'etre wara d-deċiżjoniji tal-Ministeru tiegħu li l-open top buses jibdew iħallsu €32,000 għal kull xarabank miftuħ li jidħol fis-suq (entry fee)? Min kien diġà jopera fil-qasam tal-open top buses qabel l-implimentazzjoni ta' dan ir-rekwiżit, jiġifieri entry fee, kien iħallas entry fee? Jista' jagħti isem ta' kull soċjetà jew persuna legali jew naturali li għandha permess li topera l-open top buses? Skont kull każ, meta bdew joperaw? Kemm-il vettura kienet topera? X'inhi d-diffikultà biex dan is-settur tal-open top buses jiġi tassew liberalizzat u ma jkunx hemm miżuri diretti jew miżuri oħra li jkollhom l-istess effett ta' miżuri diretti li b'xi mod ixekklu l-liberalizzazzjoni tas-settur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Entry Fee li qiegħed jirreferi għalija hija miżura transitorja fir-Regolamenti dwar Servizzi ta' Ġarr ta' Passiġieri li hija ntiża biex ittaffi l-impatt tal-liberalizzazzjoni fuq dawk l-operaturi li kellhom vetturi għall-ġarr ta' passigġieri illiċenzjati qabel ma daħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti. Din l-Entry Fee tapplika għal kull vettura li ġġorr minn ħdax il-passiġġier il-fuq li tkun ġiet introdotta fil-qasam tal-ġarr ta' passiġieri b'kiri jew b'kumpens wara dħul fis-seħħ tar-Regolamenti. Open Top Buses ġodda, Coaches ġodda u vannijiet bit-Tail-Lift huma eżentati minn din l-Entry Fee. Min kien diġa jopera vetturi tal-għamla Open Top qabel l-implimentazzjoni tar-rekwiżit tal-Entry Fee ma kellux iħallas Entry Fee u lanqas huwa obbligat li jħallas Entry Fee wara li daħal fis-seħħ dan ir-rekwiżit. Ma teżisti l-ebda diffikulta biex is-settur tal-Open Top Buses jiġi tassew illiberalizzat propju għaliex is-settur huwa diġa lliberalizzat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi bl-informazzjoni mitluba. L-ebda vettura fl-iskedi anessi ma kellha tħallas "entry fee" peress illi dawn kollha rreġistrati u lliċenzjati qabel ma daħlu r-regolamenti.
Leg 11 PQ #10249 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Intrapriżi privati li mpjegaw nies ġodda magħhom

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-iktar 20 intrapriża privata li impjegaw nies ġodda magħhom sa l-aħħar ta' Mejju 2009 fl-aħħar 12-il xahar biċ-ċifra globali ta' l-ammont ta' impjegati ġodda li ġew impjegati fl-aħħar 12-il xahar? Jista' l-Ministru jagħti wkoll lista oħra ta' l-iktar 20 intrapriża privata li impjegat nies ġodda magħhom maħduma kif gejja: Billi jitnaqqas l-ammont ta' impjiegi li ġew terminati sa l-aħħar ta' Mejju li għadda fl-aħħar 12-il xahar (iċ-ċifri gentilment għandhom jiġu preżentati wkoll) mill-ammont globali ta' nies ġodda impjegati ma' l-istess sa l-aħħar ta' Mejju 2009 fl-aħħar 12-il xahar (iċ-ċifri ġentilment għandhom jiġu preżentati wkoll)?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma tistax tagħti informazzjoni dwar l-iktar 20 intrapriża privata li impjegaw nies ġodda magħhom minħabba li din l-informazzjoni hi kummerċjalment sensittiva.
Leg 11 PQ #10254 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ammont Enormi ta' Bram

Question

In vista tal-ammont enormi ta' bram li jinsab fil-baħar tagħna, u in vista tal-fatt li kollox jindika li din iż-żieda ta' bram, bl-impatt negattiv li dawn għandhom fuq it-tgawdija tal-ibħra tagħna mill-Maltin u turisti li jżuruna fl-ibħra tagħna ġejja mill-isterminju li sar tort l-attività tagħna lkoll ta' dawk l-ispeċi u ħlejqiet li skont il-bilanċ tal-ekosistema jagħmlu mezz li jżommu l-ammont tal-bram f'livelli nomrali, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk: a) għandux pariri tekniċi li jindikaw x'wassal għaż-żieda tal-bram fl-ibħra tagħna? b) għandux pariri tekniċi dwar x'jista' jsir biex jerġa' jinħoloq bilanċ fl-ekosistema? ċ) x'qed jagħmel effettivament il-Gvern dwar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm ħafna spekulazzjoni għaliex qed jiżdiedu l-bram, imma huwa diffiċli li wieħed ikun jaf biż-żgur għaliex hawn żieda fil-bram kemm fl-ibħra tagħna, kif ukoll fil-baħar Mediterran (peress li dan huwa fenomenu li ma jinħassx f’Malta biss). Jista’ jkun li din iż-żieda hija minħabba sajd żejjed (overfishing) ta’ l-annimali oħra li jieklu l-bram u l-larvi mikroskopiċi tagħhom, bħal ngħidu aħna, tonn u ħut ieħor. It-tnaqqis fin-numru ta’ xi fkieren jingħad li hija raġuni oħra, kif ukoll it-tniġġiż (li xi bram jidhru li jifilħu aktar għalih). Minbarra dan, żieda fit-temperaturi tal-baħar u t-tibdil fil-klima jistgħu jkun li għandhom xi impatt ukoll, kif ukoll iċ-ċikli naturali fin-numri tal-popolazzjonijiet tal-bram. Għaldaqstant, biex wieħed ikun jaf eżatt x'wassal għaż-żieda tal-bram fl-ibħra tagħna hemm bżonn ta' informazzjoni dwar ħafna elementi fl-ekosistemi tal-baħar, kif ukoll dwar kif qed jintuża l-baħar, u kif l-ibħra qed jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima – mhux biss fl-ibħra Maltin iżda fil-Mediterran kollu. Minbarra minn hekk, wieħed għandu jħaddan il-prinċipji ta’ ecosystem management f’diversi aspetti, bħall-immaniġjar ta’ speċi u ambjenti naturali mhedda, fis-sajd, u fuq it-tniġġiż. Malta qed tieħu miżuri fir-rigward ta' ħarsien tal-ambjent kif ukoll l-użu sostenibbli tal-ibħra li kollha għandhom l-iskop li jwasslu aktar fil-qrib biex il-bilanċ fl-ekosistema ma jibqax jintilef. Il-Gvern diġà qiegħed jaħdem fuq diversi setturi, bħall-immaniġġjar ta’ speċi mhedda u ta’ siti ta’ importanza skond id-Direttiva dwar l-Ambjenti Naturali tal-Unjoni Ewropea (il- Habitats Directive ) u l-liġi nazzjonali, u qed jiġu mfassla Strateġija Nazzjonali dwar il-Biodiversità u Strateġija Nazzjonali dwar l-Inħawi Mħarsa fil-Baħar. Minbarra minn hekk, il-Gvern huwa marbut li joħloq programm ta' monitoraġġ tal-ibħra Maltin sabiex tintlaħaq il-mira ta' status ambjentali tajjeb skond id-Direttiva dwar Strategija tal-Ibħra tal-Unjoni Ewropea (il- Marine Strategy Framework Directive ) sas-sena 2014. Minbarra minn hekk, l-involviment kontinwu ta' Malta fix-xogħol dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Mediterran (MAP) jista' wkoll iwassal biex Malta jkollha f'idejha aktar informazzjoni biex ikun jista' jwassal għal miżuri neċessarji fuq skala reġjonali.

Futbol professjoni — plejers - pagi u transfer fees

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-futbol professjonali f'Malta u Għawdex hemmx parametri tal-paga jew salarju li player jista' jkollu mal-klabb tiegħu? Tagħmel differenza jekk ikunx Malti, ċittadin tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadin minn pajjiż terz? Tista' tgħid ukoll jekk fil-futbol professjonali f'Malta u Għawdex hemmx parametri tat-transfer fee li titħallas biex jiġi trasferit player minn klabb għall-ieħor? Tagħmel differenza jekk ikunx Malti, ċittadin tal-Unjoni Ewropea, jew ta' pajjiż terz? Tagħmel differenza jekk il-klabb li jbiegħ jew jixtri jkunx lokali, Ewropew jew ta' pajjiż terz? Tista' tgħid kemm inbiegħu players Maltin lil klabbs barra minn Malta sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Tista' tgħid kemm inxtraw players: a) mill-Unjoni Ewropea? b) minn barra l-Unjoni Ewropea minn clubs Maltin sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Tista' tgħid liema huma l-iktar għaxar players: a) Maltin b) barranin li tħallsu flus għalihom biex inxtraw minn klabb lokali? In vista tal-kummenti li saru minn esponenti tal-UEFA fuq capping tat-transfers fees u l-pagi ta' players li jibdlu l-klabb, x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li l-assoċjazzjoni konċernata hija awtonoma. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, il-Kunsill Malti għall-iSport huwa favur illi għandu jkun hemm capping fuq ħlas ta’ transfers u pagi tal- players .