Tista' l-Ministru tispjega x'se jsir biex żewġ kanuni antiki li jinsabu fuq is-Sur tal-Birgu n-naħa tal-Kalkara ma jintilfux peress li jinsabu f'sitwazzjoni ħażina ħafna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ser tinvestiga l-każ u se tikkoordina ma’ Heritage Malta sabiex tiżgura li dawn il-kanuni jigu mħarsa u priżervati.
Tista' l-Ministru tgħid min huma l-kumpaniji indipendenti u individwi li jbiegħu r-reklamar f'isem il-Public Broadcasting Services? Għaliex il-Public Broadcasting Services ma tbiegħx ir-reklamar permezz ta' l-istrutturi interni tagħha stess u minflok tuża kumpaniji u individwi indipendenti? Taħseb li dan jista' jwassal għal potenzjal kunflitt ta' interess fit-tellieqa tal-ħruġ ta' l-offerti għall-programmi? In oltre, kif taċċerta l-Public Broadcasting Services li jkun hemm due diligence f'dan il-proċess ta' bejgħ ta' reklamar minn nies jew enti esterni għall-Public Broadcasting Services? Kemm inbiegħu reklami fl-aħħar sena b'mod komplessiv :
(a) mill-Public Broadcasting Services?
(b) minn kumpaniji u individwi indipendenti għan-nom tal-Public Broadcasting Services?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Public Broadcasting Services tuża kemm l-impjegati tagħha kif ukoll għadd ta’ individwi, produtturi indipendenti u kumpaniji biex jinbiegħ ir-reklamar fuq l-istazzjonijiet tal-PBS. Dan isir biex ikun massimizzat l-air time li l-kumpanija għandha disponibbli għar-reklamar. Fil-fatt aktar ma kiber l-għadd ta’ persuni u kumpaniji li jbiegħu reklamar aktar qed jinbiegħ reklamar b’riżultat li d-dħul għall-PBS kiber.
Tul is-sena finanzjarja li għalqet fit-30 ta’ Settembru, l-ammont ta’ reklamar mibjugħ fuq l-istazzjonijiet tal-PBS ammonta għall-€3,445,241 u madwar 54% minnu jinbiegħ direttament mill-PBS.
Il-lista tal-kumpanniji indipendenti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress illi
a) id-Dragonara Casino Ltd, id-Direttur tax-Xogħol u sussegwentement il-General Workers Union kienu informati nhar it-13 ta' Novembru li se jkun hemm estensjoni oħra tal-konċessjoni eżistenti tagħhom sa l-aħħar ta' Awwissu 2010;
b) it-Tnejn ta' wara, jiġifieri s-16 ta' Novembru l-kumpanija kienet informata li din id-deċiżjoni telgħet fuq il-livell ta' Kabinett;
ċ) il-kumpanija kienet informata illi wara li d-deċizjoni telgħet fuq il-livell ta' Kabinett din l-estensjoni ma kenitx se tingħata;
Jista' l-Ministru:
a) jispjega għalfejn seħħew dawn il-kuntrumbajsi kollha?
b) għalfejn id-deċizjoni telgħet fuq il-livell ta' Kabinett?
ċ) jispjega għalfejn il-MIMCOL immissja kompletament id-deadlines kollha tal-proċess ta' evalwazzjoni għall-konċessjoni tal-Casino tad-Dragonara u ma kkomunika ma' ħadd mill-applikanti?
d) jgħid illi tenut kont il-mistoqsijiet qawwija li qamu ta' natura ta' aġir etiku (ethical behaviour) matul dan il-proċess, x'garanziji jista' jagħti biex jassigura li l-konċessjoni ġiet evalwata b'mod trasparenti u ġust u li dan il-proċess ikun jista' jiġi skrutinizzat kif xieraq?
e) kif se jkun assigurat li, ikun xi jkun l-eżitu tal-konċessjoni, ma niġux f'sitwazzjoni fejn ikun hemm abuse of a dominant position fil-qasam tal-casinos f'Malta?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Ħatra tal-President u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Parlament x'pożizzjoni ħa fl-aħħar laqgħa msejħa informali tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Novembru, 2009 fil-proċess li eventwalment wassal għall-ħatra tal-President u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea? Kellu xi ismijiet f'moħħu? Ippropona xi ismijiet hu stess qabel ma saret l-għażla finali? Jista' jgħid min kienu l-persuni li ġew shortlisted sakemm eventwalment intgħażlu s-Sur H. Von Rumpuy u Lady Ashton? Stante li l-komunikazzjoni uffiċjali tal-Consilium tgħid li "the Heads of State reached a political agreement" mingħajr ma tintuża l-kelma unanimous, jista' jinforma lill-Parlament jekk l-għażla saritx b'xi tip ta' vot fejn kull Kap ta' Stat jiddikjara jekk jaqbilx ma' xi isem jew inkella b'consensus? Jista' jgħid x'pożizzjoni kellu l-Gvern Malti fuq l-għazla tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li mtliet mis-Sur Pierre de Boissieu? Kellu xi ismijiet alternattivi f'moħħu? Jista' jgħid liema kienu l-ismijiet ta' xi persuni oħrajn li kienu fuq quddiem nett biex jimtlew dawn il-karigi sakemm fl-aħħar imtlew mis-Sinjuri Von Rumpuy, Ashton u de Boissieu? F'dan il-proċess kollu sakemm fl-aħħar imtlew dawn it-tliet siġġijiet, issemmew xi persuni ta' ċittadinanza Maltija?
Jista' l-Prim Ministru jgħid lill-Parlament jekk il-Ministru tal-Finanzi kienx qallu biż-żjara li kien se jagħmel fi Spanja biex jara logħba futbol flimkien ma' żewġ negozjanti fuq jet privat ta' wieħed min-negozjanti skont kif inhu obbligat jagħmel bil-miktub skont il-kodiċi ta' etika? Jekk it-tweġiba tkun fl-affermattiv, kif kien qallu? Jekk l-informazzjoni għaddiet bil-fomm u mhux in skritt, din kienet għaddiet bit-telefon jew wiċċ imb'wiċċ? Meta? Jekk wiċċ imb'wiċċ, kien hemm persuni oħra fl-istess mument li din l-informazzjoni ġiet trasmessa bil-fomm? Jekk iva, x'inhuma l-ismijiet tagħhom?
Jista' l-Ministru jindika jekk f'Malta għandniex Masonic Lodges li huma reġistrati mal-Gvern għall-finijiet ta' reġistrazzjoni ta' non government organisations/volontarjat? Jekk iva, liema huma? X'informazzjoni ngħatat lill-Gvern dwar dawn il-lodges?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għal Għaqdied Volontarji m’għandux rekord ta’ Masonic Lodges li huma reġistrati fid-data tiegħu.
Tista' l-Ministru tgħid x'edukazzjoni tal-fażi terzjarja tiġi offruta f'Għawdex? Minn liema fakultajiet, entitajiet edukattivi jew istituzzjonijiet, sew jekk huma privati u sew jekk huma pubbliċi? Kemm hemm studenti li qed isewgu xi wieħed minn dawn il-korsijiet, kors b'kors f'Għawdex u f'liema sena tal-kors jinsabu? Kemm mill-istudenti huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid:
a) Kemm kien l-ammont ta' studenti li spiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja (jiġifieri Form 5) qabel is-sajf tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009?
b) Kemm kien l-ammont globali ta' studenti li bdew xi kors fi kwalunkwe istituzzjoni post-sekondarja, sew jekk hi privata, tal-Knisja jew pubblika għas-snin skolastiċi li bdew f'Settembru/Ottubru 2004, Settembru/Ottubru 2005, Settembru/Ottubru 2006, Settembru/Ottubru 2007, Settembru/Ottubru 2008 u Settembru/Ottubru 2009?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Petizzjoni ffirmata mill-istudenti dwar xogħlijiet fil-Junior College
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'se jagħmel il-Gvern in vista tal-petizzjoni li ġiet iffirmata minn madwar elf student tal-Junior College u li ngħatat lill-Amministrazzjoni tal-Kulleġġ biex tieħu azzjoni fuq diversi punti dwar kif qed jinżamm dan il-kulleġġ. B'mod konkret, kif se jagħmel il-Gvern biex:
a) ikompli s-servizz ta' Wi-Fi internet li beda għal xi xahar biss u li twaqqaf ftit wara?
b) ikabbar l-attivitajiet li jistgħu jsiru mill-għaqdiet ta' l-istudenti?
c) jissokta l-programm ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni bħala parti mill-estensjoni tal-Kulleġġ? Meta hu ppjanat li jitlestew dawn ix-xogħlijiet? Kemm kienet in-nefqa ppjanata? Kemm jidher li se tkun in-nefqa finali?
d) jitranġaw is-soqfa tal-kulleġġ li fihom jidhru wkoll ix-xorok?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Stante li fil-ġurnal The Malta Independent on Sunday f'paġna 4 tal-ħarga tat-22 ta' Novembru 2009, il-Ministru ġie rapportat li qal li saru promenade upgrades f'Wied il-Għajn, jista' l-Ministru jgħid eżattament x'upgrade sar fil-promenade ? Kemm intnefqu flus f'dan l-allegat upgrade?
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-policy tal-Gvern dwar it-twaħħil ta' kurċifissi fl-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi f'pajjiżna? F'liema skejjel/istituzzjonijiet edukattivi jitwaħħlu dawn il-kurċifissi? F'liema skejjel/istituzzjonijiet edukattivi ma jitwaħħlux? Hemm obbligu fuq l-iskejjel privati li jwaħħlu l-kurċifissi jew din titħalla f'idejn min imexxi l-iskejjel privati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Direttorati tal-Edukazzjoni
It-tieni artiklu (Artiklu 2) tal-Konstitutzzjoni ta’ Malta jiddikkjara li r-Reliġjon tal-Istat ta’ Malta hija r-Reliġjoni Kattolika, Appostolika, Rumana.
Fl-iskejjel/istituzzjonijiet edukattivi kollha, il-kurċifiss jitwaħħal bħala parti ntegrali mill-klassi.
Skejjel tal-Knisja
Fl-iskejjel tal-Knisja, il-kurċifiss isir premura speċjali.
Skejjel Indipendenti
Fil-każ tal-iskejjel indipendenti hija l-għażla ta’ min imexxi l-iskola jekk jitwaħħlux kurċifissi jew le.
Universita’ ta’ Malta
Ma kien hemm l-ebda bdil fil-pożizzjoni tal-Università fir-rigward ta’ kurċifissi fil-lecture rooms tal-Università. La tneħħew kurċifissi u anqas ma tpoġġew oħrajn fil-lecture rooms.
Istitut tal-Istudji Turistiċi
Fl-Istitut tal-Istudji Turistici hemm kurċifissi mwaħħlin fil-klassijiet fejn isiru lezzjonijiet tat-teorija, kif ukoll fl-uffiċini.
Malta College of Arts, Science and Technology
Hi konswetudini li f’istituzzjonijiet edukattivi ikun espost il-kurċifiss prominenti bħal ma huma klassijiet u swali ta’ formazzjoni u edukazzjoni kif wkoll f’uffiċċji iżda mhux neċessarjament f’kull klassi, sala jew uffiċċju. Din il-konswetudini qed titkompla fl-MCAST.
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar fl-aħħar sentejn kemm ġew ċelebrati żweġijiet reliġjużi klassifikati skont ir-riti reliġjużi differenti (nisrani, hindu, musulman eċċ.)? Fl-istess perjodu kemm kien hemm mixed marriages, jiġifieri fejn parti jkollha twemmin partikolari u parti oħra jkollha twemmin differenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid x'qed jistenna biex jabolixxi ċ-ċensura fuq l-arti darba għal dejjem minn pajjiżna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-liġi li tirregola ċ-ċensura mhix responsabbilità ta’ dan il-Ministeru u għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se jkunu trasferiti suldati Ghawdxin lejn Għawdex meta l-Forzi Armati tiftaħ bażi marittima fil-Port ta' l-Imġarr? Kemm-il suldat Għawdxi wera interess s'issa biex jiġi trasferit lejn il-Port ta' l-Imgarr? Meta hi mistennija tinfetaħ din il-bażi marittima?
Kummissjoni li tipproteġi l-ugwaljanza — investigazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ġie investigat fl-aħħar sentejn mill-Kummissjoni li xogħolha hi li tipproteġi l-ugwaljanza u tiġġieled id-diskriminazzjoni? Kif kien l-eżitu ta' kull każ b'mod ġenerali?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw garanziji mill-Qrati tal-Maġistrati f'Malta xahar b'xahar fl-aħħar sentejn biex persuni ma jkellmux persuni oħrajn? Jista' jinkludi f'din l-istatistika kull forma ta' garanzija li ngħatat, sew jekk tkun sempliċement in atti, kemm jekk bl-applikazzjoni ta' l-artiklu 383 tal-Kodiċi Kriminali u kemm jekk jinħareġ Ordni ta' Protezzjoni u kull xorta ta' strumenti legali oħra li joffru protezzjoni biex persuna ma tkellimx persuna oħra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kienu ngħataw 596 ordni ta’ garanzija u 5 ordnijiet ta’ protezzjoni, filwaqt li matul din is-sena, s’issa, ngħataw 204 ordni ta’ garanzija u 9 ordnijiet ta’ protezzjoni mill-Qrati tal-Maġistrati. Infurmat ukoll illi dan it-tagħrif xahar b'xahar mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Jista' mbagħad jissubklassifika kemm twieldu trabi (a) minn ġenituri Maltin (b) minn ġenituri fejn it-tnejn mhux Maltin (c) minn missirijiet mhux magħrufa (d) bl-etajiet tal-ommijiet bejn 12-17, 18-21, 22-25, 26-35, 36-45 u minn 45 sena 'il fuq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku jżomm arkivji ta' dawk it-trabi li jkunu reġistrati iktar milli ta' dawk li jitwieldu.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta' trabi li ġew reġistrati fir-Reġistru Pubbliku bejn l-1997 u l-2008. L-istess tabella turi wkoll kemm minn dawn kellhom missier mhux magħruf fil-mument tar-reġistrazzjoni. Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija jien infurmat li l-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.
B'referenza għaċ-chart li qed tintbagħat separatament, jista' l-Ministru jikkonferma li kull darba li jkun hemm konċentrazzjoni ta' trab iswed ikun hemm zieda fis-SO2 li ġej direttament mill-power station? Inoltre jista' jiddikjara x'kien l-istat tal-power station load u t-turbines load dwar dawn il-peaks tas-SO2 f'kull power station? Jista jiddikjara x'kienu r-records tal:
a)
load demand
u
supply
b) liema turbini kienu qed jitħaddmu u jintużaw fil-ħinijiet u l-ġranet imsemmija fil-paragrafu, li huwa indikat separatament, f'kull power station?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li miċ-chart li pprovda l-Onorevoli Interpellant jidher ċar li m’hemmx relazzjoni diretta bejn l-emissions tat-trab u SO2. Ma kienx hemm peaks fl-emissions tal-SO2 mill-power stations fid-dati/ħinijiet indikati mill-Onor Interpellant.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi id-domanda fuq il-
power stations
u t-turbini li kienu qed jaħdmu fid-data u l-ħinijiet indikati mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12631, li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u jiddikjara kemm hawn kumpaniji parastatali u ex-parastatali li joffru skema ta' pensjonijiet vantaggjuza għall-ħaddiema tagħhom apparti l-pensjoni tal-Gvern? Liema huma dawn l-iskemi? Kemm hawn nies li jibbenefikaw minn dawn l-iskemi skont kull parastatali jew ex-parastatali?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċara xi jrid ifisser b’skema ta’ pensjonijiet vantaġġjużi biex inkun nista’ ngħaddilu l-informazzjoni korretta.