Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #13008 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati trasferiti lejn Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se jkunu trasferiti suldati Ghawdxin lejn Għawdex meta l-Forzi Armati tiftaħ bażi marittima fil-Port ta' l-Imġarr? Kemm-il suldat Għawdxi wera interess s'issa biex jiġi trasferit lejn il-Port ta' l-Imgarr? Meta hi mistennija tinfetaħ din il-bażi marittima?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qiegħed jistudja l-possibilità li jsaħħaħ is-sorveljanza marittima fiż-żona ta’ tramuntana tal-Gżejjer Maltin. Bil-wasla tal-laneċ il-ġodda, il-Forzi Armati fil-futur qrib ser ikunu f’pożizzjoni biex waħda mill-laneċ eżistenti ta’ l-Iskwadra Marittima tista’ tkun iddedikata għal rondi marittimi fl-ibħra madwar Għawdex. F’dan l-istadju l-Gvern qiegħed jikkunsidra kif dan jista’ jiġi implimentat.
Leg 11 PQ #13109 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

pjan ta' azzjoni għall-promozzjoni ta' Għawdex għall-investiment u l-ħolqien ta' l-impiegi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni mħabbar fil-budget għas-sena 2009 f'paġna 81 fejn il-Malta Enterprise u l-Ministeru għal Għawdex kellhom joħolqu pjan ta' azzjoni flimkien għall-promozzjoni ta' Għawdex għall-investiment u l-ħolqien ta' l-impiegi? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema Għawdxin li kienu jaħdmu f'Għawdex xahar b'xahar matul is-sena 2009?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Heritage Malta — Diparitment tat-Taxxi Interni - Repayment programme

Question

Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena kemm huma l-flus li Heritage Malta għandha tagħti lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'bolol u kontribuzzjonijiet oħra tal-ħaddiema li, minkejja li diġà tħallsu mill-ħaddiema lil Heritage Malta, Heritage Malta m'għaddiethomx lid-dipartiment tat-taxxi interni minħabba l-kriżi finanzjarja akuta li hija għandha? Taħseb li dan il-fatt hu inaċċettabbli meta l-Gvern għandu jkun hu l-model employer? Ħadet parir legali l-Ministru dwar il-fatt li b'dan l-aġir Heritage Malta kisret diversi dispożizzjonijiet penali tal-liġijiet tagħna, partikolarment dawk naxxenti mill-att li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħna? Peress li l-Ministru qalet li sar repayment programme, tista' tindika d-dettallji ta' dan ir-repayment programme? Jekk il-Heritage Malta m'għandhiex flus biex tħares id-drittijiet tal-ħaddiema tagħha stess, kif qed tippretendi l-Ministru li Heritage Malta jkollha biżżejjed fondi biex tħares il-patrimonju kulturali tagħna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-flus li Heritage Malta baqalha tagħti lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’bolol u kontribuzzjonijiet huma biss għal tliet pagamenti ta’ Novembru u Diċembru 2008. Dawn jammontaw għal €238,370 u ser ikunu qed jitħallsu gradatament kull xahar tul l-2010. Ammonti li kienu dovuti għax-xhur Ġunju sa Ottubru tas-sena 2008 ġew koperti bi ħlas dirett mill-Ministeru tal-Finanzi. Heritage Malta m'għandha ebda kriżi finanzjarja akuta, tant hu hekk li l-ħlasijiet kollha dovuti għal bolol u kontribuzzjonijiet, kif ukoll spejjeż rikorrenti dovuti lil suppliers għas-sena 2009 dejjem tħallsu b’mod sħiħ, regolarment u f’waqthom. Nassigura lill-Onor. Interpellant illi d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħna u dawk tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema huma xorta waħda salvagwardjati permezz ta’ garanziji li l-Gvern stess dejjem jassumi fuq il-ħlasijet dovuti. Filwaqt illi nirrikonoxxi li t-tħaris tal-patrimonju kulturali tagħna dejjem jibqa’ jirrikjedi ammonti kbar ta’ fondi, ninforma lill-Onor. Interpellant illi minbarra l-ammont ta’ €500,000 kapitali li reġgħu ġew ivvotati għas-sena 2010, ġew ukoll ivvotati €1,500,000 għall-Forti Sant Anġlu. Dan minbarra fondi oħra li ġew allokati permezz ta’ progammi tal-Unjoni Ewropea, illi globalment jammontaw għal €10,577,911.

Fondazzjoni Patrimonju Malti — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ma ntnefaq lanqas ċenteżmu wieħed mis-somma allokata għal din is-sena ta' €116,000 fil-line item imsejħa Fondazzjoni Patrimonju Malti meta hawn tant bżonn ta' użu ta' fondi fil-qasam tal-protezzjoni tal-wirt storiku tagħna? X'xogħol għamlet il-Fondazzjoni Patrimonju Malti matul din is-sena u x'inhi l-ħidma (action plan) li din il-Fondazzjoni se tagħmel matul is-sena li ġejja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni Patrimonju Malti m’hijiex entità governattiva.

Orkestra Filarmonika Nazzjonali — investiment

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex se tintuża ż-żieda ta' €400,000 fl-allokazzjoni għall-Orkestra Filarmonika Nazzjonali? Din se tintnefaq f'investiment kapitali, f'investiment fuq strumenti, jew f'pagi tal-mużiċisti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iż-żieda ta' Euros 400,000 li ngħatat lill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ser jintużaw sabiex l-orkestra tkun tista’ ttejjeb l-operat tagħha. Dawn ser jinqasmu fuq is-segwenti: Investiment Kapitali - Titjieb tal-akwistika fil-post il-ġdid li ngħatat l-Orkestra. Investiment fl-Istrumenti - xiri ta' numru ta' instrumenti neċessarji. Impjiegi Ġodda - Żieda ta’ numru ta’ mużiċisti u żieda ta' numru ta’ impjegati oħra sabiex tissaħħaħ l-ammistrazzjoni u l-istruttura maniġerjali. Investiment fi Programmi Edukattivi - Żieda fi programmi edukattivi għall-istudenti u l-kumplament tal-poplu in ġenerali sabiex jiżdied l-apprezzament lejn l-orkestra, il-mużika klassika u lejn il-kultura mużikali.

Aġenzija taż-Żgħażagħ — ħaddiema assenjati

Question

Tista' l-Ministru tispjega x'se jkunu l-għanijiet tal-Aġenzija taż-Żgħażagħ? Min se jkun qed imexxi din l-Aġenzija? Kemm se jkun hemm ħaddiema assenjati ma' din l-Aġenzija? Din l-Aġenzija se tkun imwaqqfa b'liġi? Jekk iva, b'liema strument (Avviż Legali jew Att formali fil-Parlament)? Se jkun hemm rappreżentant ta' l-Oppożizzjoni fuq din l-Aġenzija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għan ewlieni ta’ din l-aġenzija ser ikun il-mainstreaming tal-interess u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-politika tal-gvern, hekk kif rifless fil-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ. L-aġenzija ser tkun qed tieħu ħsieb ukoll Ċentru ta’ Informazjzoni għaż-Żgħażagħ, kif ukoll tmexxi programmi ta’ Youth Empowerment filwaqt li tipprovdi servizzi oħra. Għadu prematur biex wieħed jirrispondi l-mistoqsijiet relatati ma’ strutturi legali u r-riżorsi umani.

Wirt Kulturali Intanġibbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistix elenku tal-wirt kulturali intanġibbli ta' pajjiżna bħal għana, djaletti eċċ.?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent ma jeżistix elenku tal-wirt kulturali intanġibbli, madanakollu l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti se joħroġ lista f’dan ir-rigward.

nefqa fuq xogħlijiet ta' arti jew oqsma kreattivi

Question

Tista' l-Ministru, in vista ta' l-istqarrija msemmija f'paġna 49 tal-Budget għas-sena 2008 fejn fiha kien intqal li 0.25% ta' l-ispiża ta' kull proġett kapitali jew infrastrutturali kellhom jintnefqu fuq xogħlijiet ta' arti jew oqsma kreattivi, tagħti lista ta' kemm flus ġew allokati permezz ta' dan il-mekkaniżmu tal-0.25% xahar b'xahar mill-2008 sal-lum? Min ibbenefika minn dawn il-fondi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kunsill Nazzjonali taz-Żgħażagħ — fondi marbuta mal-iskema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu sena b'sena mill-1998 sal-lum fondi marbuta mal-iskema tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ biex isiru inizjattivi mal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ f'numru ta' lokalitajiet? Kemm għandna Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ f'pajjiżna? Kemm ipparteċipaw b'kollox żgħażagħ sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proġett tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ qiegħed jiġi organizzat flimkien mal-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ għall-ewwel darba. Għal dan il-proġett il-Gvern qed jalloka s-somma ta’ €70,000. Din is-sena applikaw 29 Kunsill Lokali u fil-preżent hemm miftuħa l-applikazzjonijiet għall-partecipazzjoni taż-żgħażagħ.

ħidma tal-Programm Budz

Question

Tista' l-Ministru tagħti spjega tal-ħidma tal-Programm Budz li, skont il-budget tas-sena 2009 (paġna 71) kellha toffri ħidma lil diversi żgħażagħ li huma meqjusin li qegħdin fil-periklu? Kemm ġew allokati fondi għall-Programm Budz? Kemm intnefqu fondi għall-Programm Budz? Kemm kien in-numru ta' żgħażagħ li gawdew minn dan il-programm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #13106 Sitting 176 2009-12-09 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

pjan ta' azzjoni għall-promozzjoni ta' Għawdex għall-investiment u l-ħolqien ta' l-impiegi

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni mħabbar fil-budget għas-sena 2009 f'paġna 81 fejn il-Malta Enterprise u l-Ministeru għal Għawdex kellhom joħolqu pjan ta' azzjoni flimkien għall-promozzjoni ta' Għawdex għall-investiment u l-ħolqien ta' l-impiegi? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema Għawdxin li kienu jaħdmu f'Għawdex xahar b'xahar matul is-sena 2009?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena infurmata li matul is-sena li għaddiet il-Malta Enterprise kellha diskussjonijiet fuq diversi livelli mal-Ministeru għal Għawdex f'dak li għandu x'jaqsam mat-tfassil tal-istrateġija t'Għawdex bħala gżira ekoloġika. Is-suġġerimenti u l-proposti ġew integrati fid-dokument li ġie ppublikat. In-numru ta' ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Għawdex huwa kif ġej: Jannar 8,995 Frar 8,977 Marzu 8,992 April 8,982 Mejju 8,986 Ġunju 9,042.

pjan ta' azzjoni għall-promozzjoni ta' Għawdex għall-investiment u l-ħolqien ta' l-impiegi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni mħabbar fil-budget għas-sena 2009 f'paġna 81 fejn il-Malta Enterprise u l-Ministeru għal Għawdex kellhom joħolqu pjan ta' azzjoni flimkien għall-promozzjoni ta' Għawdex għall-investiment u l-ħolqien ta' l-impiegi? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema Għawdxin li kienu jaħdmu f'Għawdex xahar b'xahar matul is-sena 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13106.

Skola tal-Arti — għalliema u kwalifiki

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-istudenti li attendew l-Iskola ta' l-Arti sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minn liema lokalitajiet kienu ġejjin? Kemm intnefqu fondi għall-Iskola ta' l-Arti sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Kemm kien hemm għalliema jgħallmu fl-Iskola ta' l-Arti sena b'sena fl-aħħar ħames snin? X'tip ta' kwalifiki għandha poter li tagħti l-Iskola tal-Arti? Jeżisti pjan biex l-Iskola ta' l-Arti taġġorna għaż-żmenijiet tal-lum u ssir istitut veru u proprju bil-poter li jagħti diplomas jew anke degrees? Jikkonsidra l-Gvern li istitut bħal dan ikun miftuħ ukoll għal żgħażagħ minn 14-il sena 'l fuq bħalma jiġri f'pajjizi bħall-Ingilterra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Scholarships — kumpaniji li bbenefikaw mill-fakultà

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' kumpaniji li bbenefikaw mill-fakultà li jnaqqsu kull għotja jew scholarships li dawn setgħu taw lil artisti Maltin mid-dħul taxxabbli sa massimu ta' €18,600?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhuwiex f’pożżizjoni li jgħid kemm kienu l-ammont ta’ kumpaniji li bbenefikaw mill-fakultà li jnaqqsu kull għotja jew scholarships li dawn setgħu taw lil artisti Maltin mid-dħul taxxabbli sa massimu ta' €18,600. Dan huwa minħabba l-fatt li ħafna mill-formoli tal-kumpanniji għas-sena ta’ stima 2009 ma daħlux, peress li d-data tas-sottomissjoni ġiet estiża għal Jannar 2010.

Film Fund

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif ġie użat il-Film Fund li ġie varat fid-diskors tal-budget tas-sena 2008 f'paġna 48? Liema entitajiet ibbenefikaw minn dan il-fond mis-sena 2008 sal-lum? Kemm ġew assenjati fondi b'kollox tramite dan il-Film Fund mis-sena 2008 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fit-2008 il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport nieda il-Film Fund bl-iskop li tkun inkoraġġuta l-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ xogħlijiet awdjo-viżivi u b’mod partikolari l-films qosra u dokumentarji. Dawn huma il-proġetti li bbenefikaw minn dan il-fond sal-lum: Hamlet of Strait Street - film qasir ta’ Lighthouse Communications. Dear Dom – dokumentarju ta’ Falkun Film Productions. The Simshar Tragedy – dokumentarju ta’ WE Productions. Dawn huma l-fondi li ġew assenjati: Hamlet of Strait Street – Lighthouse Communications - €23,722. Dear Dom – Falkun Film Productions- €53,464 The Simshar Tragedy – WE Productions - €63,016.80 Il-kumpaniji ngħataw l-ewwel 50% malli ġie ffirmat il-kuntratt u se jingaħtaw il-bqija tal-50% meta jispiċċaw il-proġett.

Youth National Programme

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn ma ntnefaq proprju xejn din is-sena fil-Youths National Programme meta kien hemm €70,000 ivvotati għal dan il-programm? X'inhu l-għan ta' dan il-programm? Għaliex ma twettaqx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-vot tal-Youth National Programme huwa l-vot li bih qed jitwettaq il-programm ta’ empowerment, tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ, proġett li tnieda f’Settembru li għadda. 29 Kunsill Lokali qed jieħdu sehem f’dan il-programm u huwa mistenni li l-vot ikun intuża sa l-aħħar ta’ Diċembru.

Ħlas lil RAI għall-Christmas Concert

Question

Tista' l-Ministru tispjega fiex se jintnefqu €250,000 allokati għas-sena d-dieħla taħt l-item RAI Christmas Concert? Għalfejn il-Gvern ħass li għandu jħallas lir-Rai €250,000?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull sena, lejlet il-Milied, l-istazzjon nazzjonali televiżiv Taljan ir-RAI ixandar Kunċert tal-Milied bis-sehem ta’ numru kbir ta’ artisti magħrufa u korijiet. Għal ħafna snin dan il-kunċert kien ikun rekordjat mill-Vatikan iżda għal dawn l-aħħar tliet snin beda jkun rekordjat barra mill-Vatikan u fl-ewwel sena kien rekordjat f’Monte Carlo u din is-sena minn Catania. Dan il-kunċert ikun trasmess madwar id-dinja (mondovisione) u l-udjenzi li jarawh jilħqu għal għexieren ta’ miljuni, tliet miljuni biss minnhom fl-Italja. Dan il-kunċert idum sagħtejn u nofs bejn it-8.30 p.m. u l-11.00p.m. – ħin meqjus bħala prime time. Kieku wieħed kellu jħallas għal dan l-ispazju, għal dak it-tul ta’ ħin, f’dak il-jum u f’dawk il-ħinijiet, jiswih aktar minn €2 miljun. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport daħal f’negozjati mal-Kongregazzjoni tas-Salesjani ta’ Ruma li tieħu ħsieb torganizza dan il-kunċert permezz tal-kumpannija Prime Time , biex jara l-possibbilta’ li l-kunċert ikun rekordjat f’Malta. Dawn in-negozjati taw riżultati pożittivi. Dan il-kunċert għandu jservi ta’ riklam kbir għal pajjiżna filwaqt li jagħtu spazju lill-mużiċisti tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali biex jidhru fuq ir-ribalta internazzjonali. Il-ħlas mhux se jsir lir-Rai direttament iżda hu parti mill-ispiża għall-organizazzjoni ta’ dan il-kunċert, inkluż l-ingaġġ tal-artisti barranin li jieħdu sehem fih. Il-Ministeru jħoss li din hi okkażżjoni mhux ta’ min jitlifha li għandha tagħmel ġid kbir lil pajjiżna kemm mil-lat turistiku kif ukoll minn dak kulturali.

Akkademja tal-Mużika — item imneħħi mill-budget

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn ġiet abolita kompletament l-item ta' €200,000 (eżistenti s-sena l-oħra, imma assenti kompletament għall-budget tas-sena 2010) għall-Akkademja tal-Mużika? Dan ifisser li l-Gvern abbanduna għal kollox l-idea li jagħmel Akkademja tal-Muzika wara l-bruttafigura tal-proġett ta' Akkademja ta' Riccardo Muti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-aħħar leġislatura, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Kultura issottomessa applikazzjoni għall-Fondi Strutturali Ewropej sabiex titwaqqaf l-Akkademija tal-Mużika fl-ex-Sptar Navali ta’ Bighi, il-Kalkara. Dan il-proġett ma kienx ġie magħżul miIl-Kumitat tal-Għażla tal-Proġetti u b’hekk ma setax ikompli kif kien ippjanat originalment. Dan il-vot ġie abolit għax in-nefqa marbuta ma’ dan il-vot m’għadx hemm il-ħtieġa tiegħu fl-infiq għas-sena rikurrenti li ġejja. Il-Gvern qed iħares lejn iniżjattivi varji kif jista’ jsaħħaħ aħjar it-tagħlim tal-mużika fl-Universita ta’ Malta, l-iskola tal-Mużika u l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.

Spezzjonijiet fuq tankers

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi spezzjonijiet saru, jekk saru, biex ikun assigurat li t-tankers li jsorġu ftit 'l barra minn Hurd's Bank ma jkunx fihom skart tossiku ġenerat mill-proċess magħruf bħala gasoline blending? Kemm saru spezzjonijiet fuq tankers minħabba suspett ta' traffikar ta' skart tossiku mill-2006 sal-lum? Kemm kien hemm każijiet fejn fil-fatt instab skart tossiku fuq it-tankers?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.