Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentru tal-Kreattività l-Kavallier ta' San Ġakbu — kumpaniji teatrali jew artistiċi li tellgħu produzzjoni

Question

Tista' l-Ministru tindika fl-aħħar sena liema kienu l-kumpaniji teatrali jew artistiċi jew ta' xorta oħra (inkluż żfin eċċ.) li tellgħu xi tip ta' produzzjoni fiċ-Ċentru tal-Kreattività tal-Kavallier ta' San Ġakbu? F'kull każ, f'liema ġranet dawn għamlu r-rehearsals tagħhom matul l-aħħar sena? F'kull każ kemm ħallsu dawn il-kumpaniji teatrali/artistiċi jew ta' xorta oħra (a) għas-servizz kollu offrut mill-Kavallier ta' San Ġakbu (b) għar-rehearsals biss matul l-aħħar sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Gvern — studenti li wettqu vjolenza jew offiżi ta' natura sesswali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet ta' studenti li jattendu kwalunkwe skola tal-Gvern fis-sistema ta' skola obbligatorja (sa 16-il sena) li fil-bini tal-istess skola fil-konfront ta' studenti oħra wettqu: a) vjolenza grevious bodily harm ? b) offiżi ta' natura sesswali fl-aħħar sena? X'kien l-eżitu tal-proċess ġudizzjarju f'kull każ? Kemm kienet l-età tan-nies involuti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn Jannar 2009 sal-4 ta’ Diċembru 2009, is-settur tal-Anti-Bullying fi ħdan is-Safe School Prgrammes ma rċieva l-ebda referral b’ċertifikat mediku li jgħid li kien hemm vjolenza grevious bodily harm. Minn Jannar 2009 sal-4 ta’ Diċembru 2009 iċ- Child Safety Services irċieva numru ta’ referrals fuq 12 il-student illi allegatament wettqu offiżi ta natura sesswali fuq 14 il-student ieħor, fil-bini tal-iskola. Peress li mhux ix-xogħol taċ-‘ Child Safety Services ’ li jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet, il- Unit m’għandux informazzjoni fuq kemm minn dawn l-allegazzjonijiet kienu fundati jew le, jekk ittieħdux passi legali u x’kien l-eżitu tal-proċess ġudizzjarju. Dawn huma l-etajiet tal- istudenti illi allegatament wettqu offiża ta' natura sesswali fil-bini tal-iskola kif ukoll tal-allegati vittmi. Perpetrators Vittmi Età Numru Età Numru 15 yrs 3 14 yrs 6 14 yrs 1 13 yrs 3 13 yrs 2 12 yrs 1 12 yrs 1 11 yrs 1 10 yrs 2 8 yrs 1 9 yrs 1 7 yrs 1 7 yrs 2 4 yrs 1

Djar tal-pubblikazzjonijiet tal-kotba bil-Malta — benefiċċji

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-inċentivi, jekk hemm, li l-Gvern sal-lum qiegħed joffri lid-djar tal-pubblikazzjonijiet tal-kotba bil-Malti biex is-settur jiġi inċentivat? Kemm kienu l-pubblikazzjonijiet li gawdew minn dawn il-benefiċċji, jekk kien hemm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Diġa kien hemm inċentiv zgħir lid-djar tal-pubblikazzjonijiet ta’ kotba bil-Malti fis-sens li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jingħata €20,500 mill-Gvern għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb kien jiddedika madwar 25% ta’ dawn il-flus f’xiri ta’ kotba ta’ pubblikaturi Maltin jew ta’ awturi/pubblikaturi Maltin. Fil-baġit ta’ din is-sena tħabbru żewġ inizjattivi oħra li għandhom jgħinu l-pubblikaturi Maltin. L-ewwel inċentiv hu dak f’forma ta’ benefiċċju fiskali għal spejjeż kwalifikanti biex kittieba Maltin li jkunu eliġibbli (skont regoli li se jitfasslu) isibuha aktar faċli li jippubblikaw ix-xogħolijiet letterarji tagħhom. Fil-baġit tħabbar ukoll li l-Gvern se jalloka s-somma ta’ €100,000 għax-xiri ta’ kotba ġodda għal-Librerija Pubblika u l-Minsteru ta direzzjoni li fix-xiri ta’ dawn il-kotba għandha tingħata preferenza għal pubblikazzjonijiet Maltin. Barra minn dan, iċ-Ċentru tal-Kreattività Kavallier San Ġakbu kull meta jkun se jitnieda xi ktieb ta’ awtur Malti, joffri s-swali tiegħu bi prezz sussidjat. Barra minn dan, l-istess Ċentru bħalissa qed jorganizza sensiela ta’ intervisti pubbliċi, mingħajr ħlas, ma’ awturi Maltin.

Wi-Fi b'xejn fuq il-vapuri tal-Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10754, li oriġinarjmanet saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu, u jiddikjara jekk il-Gvern huwiex se jistalla sistema ta' wi-fi b'xejn fuq il-vapuri tal-Gozo Channel biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jinqdew mis-servizz tal -internet waqt it-traġitt u possibbilment anke fit- terminals rispettivi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-mument mhuwiex teknikament u loġistikament possibbli għall-kumpanija Gozo Channel li tali servizz jkun aċċessibbli għall-pubbliku in ġenerali.

restawr ta' faċċata ta' dar qadima — għajnuna mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11905, li oriġinarjmanet saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x'ġara mill-proposta li kienet tressqet fil-budget tas-sena l-oħra u li l-NGOs kienu laqgħu pożitittivament – dik ta' €2500 għajnuna mill-Gvern lil min jirrestawra l-faċċata ta’ dar qadima?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Università ta' Malta — residenzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha residenzi l-Università ta' Malta (University Residence) u fejn qegħdin? Kemm akkomodat studenti fl-aħħar ħames snin sena b'sena l-Università ta' Malta fid-diversi residenzi? Minn liema pajjiż? Kemm iħallsu dawn l-istudenti għal din l-akkomodazzjoni? Ikun hemm residenti Għawdxin f'dawn ir-residenzi? Jekk iva, kemm sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Jekk le, meta l-aħħar kien hemm Għawdxin jirrisjedu f'dawn ir-residenzi? Huwa veru li oriġinarjament dawn ir-residenzi kienu twaqqfu għall-istudenti Għawdxin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università għandha residenza waħda u tinstab Ħal Lija. In-numru ta’ studenti li akkomodat il-University Residence kull sena, f’dawn l-aħħar 5 snin akkademiċi, huma dawn li ġejjin: 2005 ma teżistix informazzjoni 2006 87 2007 207 2008 211 2009 225 Dawn ġew minn dawn il-pajjiżi: Ingilterra Franza Italja Amerika Turkija Bulgarija Polonja Repubblika Ċeka Danimarka Svezja Irlanda Belġju Ġermanja Olanda Indja Ġappun Ċina Il-ħlas mill-istudenti għal din l-akkomodazzjoni huwa hekk: Sena akkademika 2009-10 l Simestru 2 Simestru Akkomodazzjoni Standard Sharing €1,302.50 €1,273.00 Single €1,858.00 €1,816.00 Post Grad Sharing €1,541.00 €1,506.50 Single €2,315.50 €2,264.00 F’dawn l-aħħar ħames snin ma allogjawx studenti Għawdxin; ma teżistix informazzjoni għas-snin ta’ qabel. M'għandna ebda informazzjoni li tindika li r-residenza kienet twaqqfet għall-istudenti Għawdxin.

Università ta' Malta — studenti barranin

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kellha studenti barranin l-Università ta' Malta sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minn liema pajjiżi ġew? Kemm ħallsu flus b'kollox dawn l-istudenti sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #13326 Sitting 179 2010-01-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Kummissjoni li tipproteġi l-ugwaljanza — investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13009 u jgħid kemm-il każ ġie investigat fl-aħħar sentejn mill-Kummissjoni li xogħolha hi li tipproteġi l-ugwaljanza u tiġġieled id-diskriminazzjoni? Kif kien l-eżitu ta' kull każ b'mod ġenerali?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #13327 Sitting 179 2010-01-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati trasferiti lejn Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13008 u jgħid kemm se jkunu trasferiti suldati Għawdxin lejn Għawdex meta l-Forzi Armati tiftaħ bażi marittima fil-Port ta' l-Imġarr? Kemm-il suldat Għawdxi wera interess s'issa biex jiġi trasferit lejn il-Port ta' l-Imġarr? Meta hi mistennija tinfetaħ din il-bażi marittima?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13008.

informazzjoni dwar żweġijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13005 u jgħid xahar b'xahar fl-aħħar sentejn kemm ġew ċelebrati żweġijiet reliġjużi klassifikati skont ir-riti reliġjużi differenti (nisrani, hindu, musulman eċċ.)? Fl-istess perjodu kemm kien hemm mixed marriages, jiġifieri fejn parti jkollha twemmin partikolari u parti oħra jkollha twemmin differenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #13334 Sitting 179 2010-01-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

ċensura fuq l-arti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13007 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'qed jistenna biex jabolixxi ċ-ċensura fuq l-arti darba għal dejjem minn pajjiżna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-abolizzjoni totali taċ-ċensura li qiegħed jissuġġerixxi l-Onorevoli Membru tfisser li f'pajjiżna jkun jista' jsir użu minn materjal pornografiku li jabbuża minn tfal, persuni b'diżabilità, persuni vulnerabbli eċċ. Il-Gvern ma jaqbilx ma' din il-pożizzjoni drastika u għalhekk qiegħed jaħdem fuq mordernizzar tal-Liġijiet f'pajjiżna.
Leg 11 PQ #13044 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħatra tal-President u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Parlament x'pożizzjoni ħa fl-aħħar laqgħa msejħa informali tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Novembru, 2009 fil-proċess li eventwalment wassal għall-ħatra tal-President u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea? Kellu xi ismijiet f'moħħu? Ippropona xi ismijiet hu stess qabel ma saret l-għażla finali? Jista' jgħid min kienu l-persuni li ġew shortlisted sakemm eventwalment intgħażlu s-Sur H. Von Rumpuy u Lady Ashton? Stante li l-komunikazzjoni uffiċjali tal-Consilium tgħid li "the Heads of State reached a political agreement" mingħajr ma tintuża l-kelma unanimous, jista' jinforma lill-Parlament jekk l-għażla saritx b'xi tip ta' vot fejn kull Kap ta' Stat jiddikjara jekk jaqbilx ma' xi isem jew inkella b'consensus? Jista' jgħid x'pożizzjoni kellu l-Gvern Malti fuq l-għazla tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li mtliet mis-Sur Pierre de Boissieu? Kellu xi ismijiet alternattivi f'moħħu? Jista' jgħid liema kienu l-ismijiet ta' xi persuni oħrajn li kienu fuq quddiem nett biex jimtlew dawn il-karigi sakemm fl-aħħar imtlew mis-Sinjuri Von Rumpuy, Ashton u de Boissieu? F'dan il-proċess kollu sakemm fl-aħħar imtlew dawn it-tliet siġġijiet, issemmew xi persuni ta' ċittadinanza Maltija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fir-rigward tal-karigi tal-President tal-Kunsill Ewropew u tar-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u tal-Politikà ta’ Sigurtà, kien hemm qbil ġenerali bejn il-Kapijiet ta’ Gvern ta’ l-Unjoni Ewropea. Kien hemm qbil dwar il-fatt li waħda minn dawn il-karigi għandha tkun okkupata minn kandidat tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew u l-oħra minn kandidat tal-grupp tas-Soċjalisti. Peress illi 14-il Kap ta’ Gvern tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jagħmlu parti mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew u 7 oħra jagħmlu parti mill-grupp tas-Soċjalisti, ġie deċiż li l-President tal-Kunsill Ewropew għandu jiġi mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Ta’ min jinnota li l-Kapijiet ta’ Gvern tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew ma kellhomx kandidat formali għall-kariga ta’ President u lanqas is-Soċjalisti. Pero`, filwaqt illi l-Kapijiet ta’ Gvern tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew ma kellhomx kandidat formali għall-kariga ta’ Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u tal-Politikà ta’ Sigurta`, il-grupp tas-Soċjalisti innominaw lil Catherine Ashton għal din il-kariga. Bħal kull proċess ta’ għażla fl-UE hemm ammont ta’ consensus building fir-rigward ta’ kandidaturi aċċettabbli għall-membri kollha tal-Kunsill Ewropew. Ma kien hemm l-ebda vot formali għal dawn iż-żewġ ħatriet, iżda intlaħaq consensus dwar il-ħatra ta’ van Rompuy. Jien ninsab konvint li dawn iż-żewġ individwi jirrappreżentaw għażliet eċċellenti għal dawn il-karigi. Għaldaqstant nixtieq ninforma l-Kamra li l-President tal-Kunsill Ewropew ser iżur Malta fit-13 ta’ Jannar 2010. Fir-rigward tal-għażla tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew, din il-ħatra hija biss għal żmien stipulat ta’ tmintax-il xahar. F’dan il-kuntest, kien hemm qbil li Pierre de Boissieu, li kien ilu jokkupa l-kariga ta’ Viċi-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew mill-1999, għandu jkompli l-ħidma tiegħu fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew. Ma kien hemm l-ebda kandidat Malti għal dawn il-karigi.

Antiquities Act — żieda ġdida

Question

Tista' l-Ministru tindika meta l-aħħar li saret żieda jew entry ġdida fil-lista (inventarju) taħt l-Antiquities Act?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond l-Att dwar l-Antikatijet (Att tal-1925) kellu jsir inventarju jew lista ta’ siti u bini ta’ valur kulturali li kellhom jiġu protetti skond il-provedimenti tal-istess liġi. Dan l-inventarju ġie ippublikat fl-1932, u ġie emendat darbtejn fl-1935 u fl-1939. Minn dak iż-żmien ma saret l-ebda reviżjoni u l-anqas saru żidiet fil-Lista tal-Antikitajiet. Fl-2002 il-kunċett ta’ inventarju nazzjonali kien rivedut bil-Liġi dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445). Skond dan l-Att is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha tagħmel inventarju ġdid tal-propjetajiet kulturali li jinsabu f’Malta kemm dawk mobbli (bħal kwadri u għamara storika) kif wkoll dawk immobbli (siti, monumenti u binjiet). Fl-aħħar snin is-Sovrintendenza għamlet xogħol estensiv biex toħloq sistema ta’ IT biex tiġbor fiha l-informazzjoni kollha neċessarja għal dan l-iskop. Ix-xogħol fuq l-inventarju għadu għaddej, u huwa maħsub li l-ewwel parti ta’ dan l-inventarju ser ikun aċċessibbli għall-pubbliku kmieni fl-2010. Fir-rigward ta’ Heritage Malta kull oġġett li jiġi akkwistat, jiġi individwalment elenkat fir-Rapport Annwali ta’ Heritage Malta liema Rapport jiġi sottomess lill-Kamra kull sena . Barra minn hekk Heritage Malta ssottomettiet applikazzjoni għal fondi mill-Unjoni Ewropea għall- Collection Management System li biha l-Aġenzija sejra jkollha Data Base ta’ kull oġġett li jinsab fil-Kollezzjoni Nazzjonali.

Heritage Malta — Dipartiment tat-Taxxi Interni - Repayment programme

Question

Tista' l-Ministru tindika d-dettalji fuq ir-repayment programme li Heritage Malta daħlet fih mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni dwar bolol u kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema li ma tħallsux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 13110.

Planning regulations fil-konfront tal Belt Valletta

Question

Tista' l-Ministru tirriproduċi l-planning regulations li kien ippromulga l-Gran Mastru La Vallette fil-konfront tal-Belt Valletta? Kemm minnhom ġew riprodotti fil-planning regulations kontemporanji u f'liema source of law?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Rigward l-ewwel mistoqsija dwar planning regulations ippromulgati mill-Kavallieri fiż-żmien tat-twaqqif tal-Belt Valletta, qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bit-traskrizzjoni tar-regolamenti oriġinali għall-Belt Valletta li nħarġu taħt il-Gran Mastru Del Monte fl-1569. Rigward it-tieni mistoqsija dwar planning regulations kontemporanji, din għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #13167 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Elenku tal-propjetajiet fil-Belt Valletta

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti elenku tal-proprjetajiet fil-Belt Valletta li ġew skedati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar taħt Grade 1?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Leg 11 PQ #13168 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qrati tal-Maġistrati — disprezzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew mogħtija disprezzi mill-Qrati tal-Maġistrat sena b'sena fl-aħħar sentejn? Kemm inġabru flus b'kollox sena b'sena? Kemm inħarġu mandati lil xhieda jew imputati/akkuzati li ma jkunux dehru fis-seduta ta' qabel?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Korporazzjoni Telemalta — skema tal-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12966 u 12632 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u jispjega x'kienet l-iskema tal-pensjoni li wettqet il-Korporazzjoni Telemalta fl-aħħar tas-snin sebgħin u fil-bidu tas-snin tmenin? Jista' jgħid jekk saritx allowance għal dan id-dritt fil-bejgħ tal-Gvern lil terzi privati? Jista' jiddikjara kif se jagħmel biex jara li l-ħaddiema kollha tal-GO, kemm dawk li ħadu l-iskema tal-voluntary redundancy u kemm dawk li ma ħadux l-iskema jieħdu din il-pensjoni speċjali?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Marsa Shipbuilding u Malta Drydocks

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dik li kienet magħrufa bħala l-Marsa Shipbuilding ġiet mikrija lil terzi u jekk iva, b'liema kundizzjonijiet u min huma jew hu dan it-terz? Jista' jikkonferma wkoll jew jiċħad li partijiet mill-istess Marsa Shipbuilding, ossija t-tinda u l-baċir, ġew min-naħa tagħhom sullokati (sub-leased) minn dawn il-kerrejja lil terzi oħrajn? B'liema kondizzjonijiet? Min hu/huma dan/dawn is-sullokat/i (sub-leasees)? Jista' jispjega kif sejrin it-trattattivi ta' dik li kienet magħrufa bħala l-Malta Drydocks ta' Bormla mas-Soċjetà Taljana Palombo? Meta hu mistenni li jkunu konklużi t-trattattivi? Dawn waslu fi stadju avvanzat jew għadhom fi stadju inizjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-ebda parti mill-ex Marsa Shipbuilding ma ġiet mikrija lill-terzi persuni privati. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #12580 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Jerma Palace Hotel — żvilupp

Question

Tenut kont li l-Jerma Palace Hotel kienet inbniet fuq proprjetà tal-Gvern, liema proprjetà kienet għaddiet lil terzi b'titolu ta' ċens perpetwu taħt numru ta' kundizzjonijiet, fosthom illi l-art de quo tintuża biex fuqha tinbena lukanda, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu jirriprendi lura s-sit li fuqha nbniet il-Jerma Palace Hotel peress li l-lukanda ilha għadd kbir ta' xhur magħluqa, mitluqa u fi stat ta' abbandun? Huwa aċċettabbli għall-Prim Ministru li l-post li qabel kien jokkupa lukanda ewlenija fin-Nofsinhar ta' Malta issa huwa żdingat u mitluq? Tenut kont li fil-ġurnali tal-Partit Nazzjonalista kien tħabbar li minflok il-Lukanda Jerma kienu se jinbnew appartamenti lussużi u anke lukanda żgħira u issa jidher ċar li l-iżviluppatur għal raġunijiet tiegħu mhux se jagħmel dan, x'pożizzjoni qed jieħu l-Gvern dwar dan? X'laqgħat kellu l-Prim Ministru, jekk kellu, mal-emfitewta l-ġodda tal-lok li fuqu kienet inbniet il-Jerma Palace Hotel? X'ġie diskuss? Kien hemm Ministri oħra li attendew għal dawn il-laqgħat? Jekk iva, min kienu? Għaliex saru dawn il-laqgħat, jekk saru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-art msemmija hija parti minn art akbar li kienet ingħatat b’titolu ta’ ċensu perpetwu permezz ta’ kuntratt magħmul quddiem in-Nutar John Micallef Trigona fil-21 ta’ Ottubru 1965. F’dan il-kuntratt ma hemm ebda kundizzjoni li l-art trid tintuża biex fuqha tinbena lukanda. Jiena ma ltqajtx mal-emfitetwa l-ġodda tal-lok.