Legislature:
Category:
Reset
Active:

Degree level courses

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jirriżultax li f'ċerti eżamijiet li saru fl-aħħar jiem fl-Università f'degree courses full-time (eżempju studji tat-turiżmu degree level), minflok numru, l-istudent qed jintalab jikteb l-isem? Ma taħsibx li dan jista' jagħti lok għal abbuż? X'azzjoni ħa l-Gvern fuq din il-kwistjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-eżamijiet kollha li jsiru fl-Università l-istudenti huma mitluba jiktbu isimhom u l-kodiċi ta’ student (li għal studenti Maltin huwa n-numru tal-karta tal-identita’ tagħhom). Wara l-eżami, l-amministraturi ta’ kull fakultà jagħtu numru lil kull pitazz u l-parti ta’ fuq tal-pitazz tiġi maqtugħa u miżmuma fl-uffiċċju. B’hekk meta l-pitazzi jingħataw lill-eżaminaturi, dawn ikollhom numri biss ( Office Numbers ) u l-eżaminaturi ma jkunux jafu ta’ liema studenti huma l-pitazzi. L-Università tikkonferma li dan qed isir fl-eżamijiet kollha, inkluż dawk fil-kors tat-Tourism Studies.

Regolamenti dwar iċ-Cinema u t-Teatru — draft cultural policy

Question

In vista ta' dak li qal il-Ministru f'intervista lill-ġurnal Malta Today li dehret il-ħadd 24 ta' Jannar 2010, limitatament dwar il-parti fejn wieġeb xi domandi dwar iċ-ċensura, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid: a) għalfejn il-Ministru tal-Edukazzjoni ntalbet tispjega l-pożizzjoni tagħha fil-Kabinett? b) x'inhi allura l-pożizzjoni li ħa l-Kabinett kollu dwar iċ-ċensura? ċ) x'għandu xi jgħid dwar is-suġġeriment li hemm fid-draft policy kulturali li kkummissjona l-Gvern stess fis-sens li r-Regolamenti dwar iċ-Cinema u t-Teatru jinbidlu b'mod li ċ-ċensura li fi kliem id-draft cultural policy tikser id-dritt ta' l-espressjoni titwarrab u minflok tidħol sistema ta' age classification self-regulated taħt il-kappa tal-Kunsill ta' l-Arti u l-Kultura?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ntalbet tispjega xejn. Dik kienet il-pożizzjoni tagħha u tal-Kabinett, kif jiena semmejt fl-intervista. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, diġà esprimejt x'inhi l-opinjoni tal-Gvern u anke tiegħi.

Diskussjonijiet f'laqgħat ma' Renzo Piano

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġie diskuss fl-aħħar laqgħat li l-Gvern kellu ma' Renzo Piano? X'deċiżjonijiet ittieħdu? Għalfejn il-Gvern ħass il-ħtieġa li jagħmel dawn il-laqgħat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li jsiru laqgħat regolari ma' Renzo Piano Building Workshop sabiex jiġi mmonitorjat il-progress ta' dan il-proġett.
Leg 11 PQ #14264 Sitting 186 2010-01-27 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Aġġornament fuq il-liġijiet tal-libertà tal-espressjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq l-istorja li dehret fil-ġurnal 'The Sunday Times' tal-10 ta' Jannar 2010 fejn il-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport għoġobha tħabbar li skont politika nazzjonali dwar il-kultura fi stadju draft, il-liġijiet rigward il-libertà tal-espressjoni jeħtieġ jiġu aġġornati biex jirriflettu r-realtà tas-seklu 21 u li din il-policy ġiet approvata mill-Kabinett, b'rakkmandazzjoni biex il-Ministeru tal-Kultura jaġġorna dawn il-liġijiet nostrani? X'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru f'dan l-aġġornament kollu? X'kien l-involviment tal-Ministeru f'dan l-aġġornament s'issa? Għalfejn ġie nkarigat il-Ministeru tal-Kultura u mhux il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern? Min huma l-persuni inkarigat mill-Gvern biex jagħmlu dan l-aġġornament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li ngħatat f'Mistoqsija Parlamentari numru 14263.

London Society of Music — kwalifika rikonoxxuta

Question

In vista tad-dikjarazzjoni li qed tintbagħat separatament mill-QRIC dwar il-fatt li l-London Society of Music mhijiex kwalifika rikonoxxuta, u in vista li ħadna studenti jagħmlu dan l-eżami, tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Gvern sabiex iqajjem kuxjenza dwar dan? Kemm saru eżamijiet tal-London Society of Music sena b'sena fl-aħħar ħames snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull stqarrija li toħroġ miċ-Ċentru Malti għal Rikonoxximent ta’ Kwalifiki u ta’ Informazzjoni (MQRIC) dwar il-London Society of Music qed tindika li din is-soċjetà ma taqa’ taħt l-ebda aġenzija ta’ akkreditazzjoni rikonoxxuta fir-Renju Unit. L-MQRIC tieħu kull okkażjoni pubblika biex tavża lill-individwi biex joqogħdu attenti minn kwalifiki mhux rikonoxxuti. Il-MQRIC m’għandux informazzjoni dwar kemm saru eżamijiet f’dawn l-aħħar ħames snin.
Leg 11 PQ #14350 Sitting 186 2010-01-27 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

ħidma tal-Programm Budz

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13646 u 13105 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti spjega tal-ħidma tal-Programm Budz li, skont il-budget tas-sena 2009 (paġna 71) kellha toffri ħidma lil diversi żgħażagħ li huma meqjusin li qegħdin fil-periklu? Kemm ġew allokati fondi għall-Programm Budz? Kemm intnefqu fondi għall-Programm Budz? Kemm kien in-numru ta' żgħażagħ li gawdew minn dan il-programm?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Isky Parks Development Ltd — press conference

Question

Tenut kont li l-Gvern għandu 10% tal-ishma tal-Malta International Airport (li jinkludu 5 single C-shares to protect the interest of the Republic), jista' l-Ministru jispjega x'għandu xi jgħid lill-Parlament dwar ir-riżenja tal-inġinier, li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, minn general manager tal-Isky Parks Developments Ltd. (sussidjarja tal-Malta International Airport), propju ftit jiem wara li tħabbar li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tat il-green light għall-Business Centre b'investiment ta' €16-il miljun li għandu jservi bħala l-qofol tal-Isky Parks? Għaliex l-inġinier bħala general manager lanqas biss attenda għall-press conference li saret biex jiġi spjegat dan l-investiment ta' €16-il miljun? Għaliex d-deputy general manager, li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, ma tpoġġiex ad interim bħala acting general manager u minflok tpoġġa xi ħadd, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li huwa junior deputy general manager u m'għandux x'jaqsam aml-Isky Park Development Ltd.? X'għamel il-Gvern biex jipproteġi l-interessi tar-Repubblika f'dan kollu, anke tenut kont li l-Business Centre se jinbena fuq art li l-Gvern huwa nudo proprietario tagħha u li ġiet mogħtija b'ċens temporanju lill-Malta International Airport?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

MA Financial Services — estensjoni għat-teżi finali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-policy li tiġi addottata fil-kors tal-MA Financial Services meta student jitlob estensjoni fid-data tal-preżentata tat-teżi finali? X'jiġri meta student jitlob estensjoni t-tieni darba, jiġifieri jkun ġa ħa extension u jiġi biex jitlob extension oħra? X'parametri jintużaw? Jista' jgħid jekk hemmx xi policy u jekk iva, jgħid x'inhi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-mod kif jingħataw l-estensjonijiet tal-perjodu ta’ studju huwa regolat mill-ordinamenti ta’ kull kors kif ukoll mir-Regolamenti Ġenerali għar-Rikonoxximenti Universitarji ta’ wara l-ewwel grad (irreferuti aktar 'l isfel bħala r-Regolamenti Prinċipali). L-Ordinament 10(2) tal-Ordinamenti ta’ l-2008 skond ir-Regolamenti Ġenerali ta’ l-2008 għar-Rikonoxximenti Universitarji ta’ wara l-Ewwel Grad għall-Grad ta’ Master of Arts in Financial Services taħt il-patroċinju tal-Fakultà tal-Liġi (Avviz Legali Nr 320 ta’ 2008), li japplikaw għall-korsijiet li bdew minn Ottubru 2008 ‘l quddiem jgħid hekk: “10. (2) Is-superviżuri għandhom jibgħatu lill-Bord rapporti dwar il-progress ta’ kull student taħt is-superviżjoni tagħhom fit-tmiem ta’ kull semestru ta’ studji, kemm jekk l-istudent ikun qiegħed isegwi l-Kors fuq bażi full-time u kemm jekk part-time . Dawn ir-rapporti jistgħu jinkludu rakkmandazzjoni li jew (a) jittawwal il-perjodu ta’ studju biex l-istudent ikun jista’ jtemm id-dissertazzjoni; jew (b) jintemmu l-istudji qabel il-waqt jekk is-superviżur jidhirlu li dan huwa xieraq fiċ-ċirkostanzi, sakemm li: (i) l-estensjoni tal-perjodu ta’ studju msemmija f’(a) tkun skond il-provvedimenti tar-Regolamenti Prinċipali; u (ii) il-Bord ma jistax itemm l-istudji qabel il-waqt skond (b) jekk qabel ma jkunx ta opportunità lill-istudent biex jiddefendi l-każ tiegħu.” Ir-Regolament 21 tar-Regolamenti Prinċipali jgħid hekk: “21. (1) Il-Bord [tal-Fakultà] jista’ jagħti lill-istudenti reġistrati fuq Korsijiet ta’ wara l-Ewwel Grad estensjoni ta’ sa sitt xhur biex jagħmilha possibbli li jtemmu l-istudji tagħhom, irrispettivament minn jekk humiex irreġistrati fuq bażi full-time jew part-time. (2) F’ċirkostanzi speċjali u fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, is-Senat jista’ jagħti lill-istudenti estensjoni oħra ta’ sa sentejn biex jagħmilha possibbli li jtemmu l-istudji tagħhom, irrispettivament minn jekk humiex irreġistrati fuq bażi full-time jew part-time .” Għaldaqstant, b’kollox student jista’ jingħata estensjoni tal-istudji sa massimu ta’ sentejn u nofs.

Kamra fil-Bajja San Tumas, Wied il-Għajn — provista ta' dawl

Question

Stante li l-familja, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għandhom kamra fil-Bajja San Tumas, Wied il-Għajn; Stante li din qiegħda f'idejhom b'titlu lokatizju; Stante li din il-kamra m'għandhiex provista ta' l-elettriku; Stante li b'effett mis-sena 1999 bdiet tingħata l-provista tal-elettriku lid-diversi kmamar prattikament at random Stante li llum il-kmamar li huma bla dawl huma waħdiet; Stante li qed jingħata ukoll id-dawl lill-kmamar li qed jiġu mibnija mill-ġdid; Jista' l-Ministru jara l-każ de quo u jara li din il-kamra tiġi mogħtija l-provista tad-dawl?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

UNESCO — rapporti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport sar lill-UNESCO ai termini tal-artiklu 9A tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali? Tista' tqiegħed dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont Artiklu 9A tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali, il-pajjizi li aċċedew jew irratifikaw il-Konvenzjoni għandhom jissottomettu lill-UNESCO rapport b'informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu biex jipproteġu u jippromwovu d-diversità tal-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħhom u fuq livell internazzjonali. Dan għandu jsir kull erba' snin. Madankollu, skond informazzjoni mogħtija mid-Direttur Ġenerali responsabbli għall-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fis-sbatax ta' Dicembru 2009 r-rapporti huma mistennija fuq bażi ta' tletin pajjiż f'ordni kronologiku tal-aċċessjoni jew ir-ratifikazzjoni tagħhom fuq bażi annwali, b'bidu mill-2010. Malta hija l-34 pajjiż f'din il-lista kronoloġika hekk kif ippubblikata mill-UNESCO. Għalhekk Malta se tressaq l-ewwel rapport tagħha din is-sena.

Fish farming u fish-hatchering — policy nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-policy nazzjonali dwar il-fishfarming u l-fish-hatchering?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-policy nazzjonali tal-akwakultura preżenti ġiet addottata mill-MEPA fl-2004. L-Onor Interpellant huwa mitlub jirreferi wkoll għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12305
Leg 11 PQ #14262 Sitting 185 2010-01-26 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Rapporti ta' allegati abbużi sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta' allegati abbużi sesswali minn ġenituri fuq uliedhom mill- a) ulied stess b) terżi persuni xahar b'xahar fl-aħħar 12-il xahar? Xi tkun il-pożizzjoni meta r-rapporti jew konfessjonijiet isiru meta l-ulied jilħqu l-età maġġorenni dwar allegati abbużi li jkunu saru fit-tfulija tagħhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi s-ena l-oħra l-Pulizija kellha 4 rapporti dwar allegat abbuż sesswali minn ġenituri fuq uliedhom. Żewġ rapporti saru f'Jannar, wieħed f'Mejju u l-ieħor f'Awwissu. Dawn ir-rapporti kollha saru min terzi persuni. F'każi kif imsemmija mill-Onorevoli Membru, il-Pulizija tagħmel l-investigazzjoni dwar ir-rapport u timxi skont il-provvedimenti tal-Artiklu 203 tal-Kodiċi Kriminali dwar korruzzjoni ta' tfal ta' taħt l-età.

kwestjoni dwar iċ-ċensura

Question

In vista tal-fatt li fil-ġurnal 'The Sunday Times' tal-10 ta' Jannar, 2010 il-Ministru għoġobha tħabbar li skont politika Nazzjonali dwar il-Kultura fi stadju draft, il-liġijiet rigward il-libertà tal-espressjoni jeħtieġ jiġu aġġornati, "updated" biex jirriflettu r-realtà tas-seklu 21 u li din il-policy ġiet approvata mill-Kabinett, b'rakkmandazzjoni biex il-Ministeru jaġġorna dawn il-liġijiet nostrani, tista' l-Ministru tgħid: a) Għalfejn il-Ministru ħasset li għandha tagħmel din l-istqarrija f'ġurnal lokali, u mhux fil-Parlament, tenut kont li għandna żagħżugħ li qed jiffaċċja akkużi li jikkomportaw piena ta' priġunerija fuq artiklu li deher f'ġurnal ta' l-Università? b) Liema huma dawn "il-liġijiet li jirrigwardjaw il-libertà ta' l-espressjoni" li se jiġu aġġornati (ikkwota artiklu artiklu) u kif? c) Għalfejn il-Ministru ħasset li għandha tagħmel din l-istqarrija hi meta lill-istess interpellant kienet dejjem tidderiġieh biex jistaqsi d-domandi rigward iċ-ċensura lill-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici? Jekk kien il-ġurnal 'The Sunday Times' li għamel id-domandi lill-Ministru, għaliex il-Ministru ma dderiġietx lill-ġurnalista biex jagħmel id-domandi lill-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien m’għamilt ebda stqarrija. Weġibt biss mistoqsijiet li għamilli ġurnalist ta’ ‘The Times’ kif inhi l-prattika tiegħi meta nirċievi mistoqsijiet mingħand il-media. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Abbozz tal-Politika Kulturali Nazzjonali li se titnieda fis-6 ta’ Frar, tirreferi għall-aġġornament tal-leġislazzjoni li tolqot iċ-ċensura b’mod ġenerali. Il-“kif” jiġi stabbilit wara li ssir analiżi dettaljata tal-‘feedback’ kollu li jidħol wara fażi ta’ konsultazzjoni sħiħa ma’ dawk kollha interessati. Hemm differenza kbira bejn mistoqsijiet parlamentari u dawk tal-media. Tal-ewwel huma marbuta mal-prassi stabbilità mill-iStanding Orders tal-Parlament waqt li tat-tieni m’humiex. L-Onor. Interpellant jaf sew li r-responsabbiltà għal-liġijiet li jirrigwardaw iċ-ċensura jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u li ma sar ebda tibdil f’dan ir-rigward.

Liċenzji tal-Public Broadcasting Services

Question

Jista' l-Ministrun jwieġeb mistoqsija parlamentari 11818 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sports u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'sar mill-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li ma titħallasx iktar il-liċenzja tal-Public Broadcasting Services miċ-ċittadini? X'inhu l-parir legali li rċieva l-Gvern dwar il-validità ta' tali ħlas ta' liċenzja tal-Public Broadcasting Services vis-a-vis ir-regoli komunitarji?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

kumpaniji barranin interessati li joperaw fil-qasam tat-teknoloġija nadifa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji barranin li urew interess s'issa li joperaw fil-qasam tat-teknologija nadifa, speċjalment dik solari f'pajjiżna u minn liema pajjizi ġejjin? Il-Malta Enterprise approvat xi proġetti minn dawn f'dawn l-aħħar 12-il xahar? Jekk iva, kemm u minn liema pajjiżi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Enterprise bdiet taħdem biex tattira kumpanniji involuti fis-settur ta’ l-enerġija mix-xemx u teknoloġiji oħra nodfa biex joperaw f’Malta. Is-sena l-oħra l-Malta Enterprise approvat proġett ta’ kumpannija lokali li ħa timmanifattura s-solar water heaters. Ta’ min jinnota li diġa’ kien hawn kumannija oħra Maltija tagħmel l-istess attività, u li għadha qed topera. Bħalissa hemm interess minn xi kumpanniji barranin f’dan is-settur li qed jikkunsidraw lil Malta/Għawdex bħala lokalità minn fejn joperaw, jew biex jimplementaw pilot projects biex juru l-effettività tat-teknoloġiji tagħhom fil-Mediterran, imma t-taħdidiet għadhom fi stat bikri ħafna. Dan is-settur huwa wieħed relattivament ġdid li l-Malta Enterprise bdiet biss tħares lejh riċentement, u ma kien hawn l-ebda proġett barrani ta’ dan it-tip approvat fl-aħħar 12-il xahar.
Leg 11 PQ #13949 Sitting 184 2010-01-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

ħaddiema li jaħdmu ma' kumpaniji li jimanifatturaw solar water heaters u photo voltaic systems

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu full-time ma' kumpaniji li jimpurtaw/jagħmlu assembly jew jimaniffaturaw - solar water heaters? - photo voltaic systems?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li din it-tip ta' informazzjoni ma tinġabarx. Nitlob l-Onor. Interpellant biex jagħti l-ismijiet tal-fabbriki biex tingħata l-informazzjoni mitluba.

Bord taċ-ċensura

Question

Tista' l-Ministru tgħid: a) jekk huwiex minnu li r-responsabbiltà tar-reġim taċ-ċensura issa ġie trasferit favur il-Ministeru tagħha, jiġifieri m'għadux taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, fuq deċizjoni tal-Kabinett? Jekk iva, meta u għaliex seħħ dan? b) jekk allura hijiex se tressaq abbozz ta' liġi u telimina darba għal dejjem iċ-ċensura teatrali/artistika mill-gżejjer? Jekk iva, meta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhux minnu li r-responsabbiltà taċ-ċensura ġiet trasferita mill-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern għall-Ministeru li minnu responsabbli jien. Ma kien hemm ebda deċiżjoni mill-Kabinett f’dan is-sens.
Leg 11 PQ #14069 Sitting 184 2010-01-25 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Planning regulations fil-konfront tal Belt Valletta

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 13166 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm mill-planning regulations ġew riprodotti fil-planning regulations kontemporanji u f'liema source of law?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #14070 Sitting 184 2010-01-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Korporazzjoni Telemalta — skema tal-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13187 li saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u 12966 u 12632 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u jispjega x'kienet l-iskema tal-pensjoni li wettqet il-Korporazzjoni Telemalta fl-aħħar tas-snin sebgħin u fil-bidu tas-snin tmenin? Jista' jgħid jekk saritx allowance għal dan id-dritt fil-bejgħ tal-Gvern lil terzi privati? Jista' jiddikjara kif se jagħmel biex jara li l-ħaddiema kollha tal-GO, kemm dawk li ħadu l-iskema tal-voluntary redundancy u kemm dawk li ma ħadux l-iskema jieħdu din il-pensjoni speċjali?

Response (DALLI, JOHN)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li ngħatat fil-misoqsija numru 13187.