Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tradesmen u instructors mal-gvern — permanent warrant

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-complement ta' senior tradesmen jew tradesmen mal-Gvern li għandhom il-permanent warrant? Kemm hu l- complement ta' instructors mal-Gvern li għandhom il-permanent warrant?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmat mill-Kunsill Dwar il-Professjoni tal-Għalliema f’Malta li hemm senior tradesman wieħed li għandu permanent warrant. M’hemm l-ebda instructor li għandu l- permanent warrant

Proprjetajiet tal-Gvern — ċens temporanju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern meta proprjetajiet tal-Gvern (Land jew Uffiċċju Konġunt) li jkunu ngħataw lil terzi privati bħala residenza waħdanija taħt titolu ta' ċens temporanju qabel l-1979 u għal żmien ta 'l fuq minn 30 sena jiskadi ż-żmien taċ-ċens? Isegwi l-Gvern il-liġi li tgħid li dawn għandhom jiġu konvertiti f'ċens perpetwu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li f’każi simili l-Gvern isegwi dak li hemm stipulat fl-artiklu 12 tal-Liġi dwar l-Ordinanza li tneħħi l-Kontroll tad-Djar, Kap.158.

Rapporti relatati mal-proċess ta' restawr tas-swar u fortifikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti tekniċi kollha (ossija r-rapporti li jispjegaw b'mod tekniku x'għandu jsir u kif se jsir) relatati mal-proċess ta' restawr tas-swar u fortifikazzjonijiet skont kif imħabbar fl-aħħar xhur? Min għamel dawn ir-rapporti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn id-dokumenti huma voluminużi ħafna u nitlob lil Interpellant illi jekk hu interessat nagħmillu l-arranġamenti neċessrji ħalli jkun jista jarahom

Steering Committee dwar l-użu tal-Forti Sant Iermu

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-isteering committee jew group li ġie mwaqqaf dwar l-użu tal-Forti Sant Iermu? Meta ġie appuntat dan il-kumitat? X'xogħol sar s'issa minn dan il-kumitat? Kemm-il darba ltaqa' dan il-kumitat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15258 Sitting 197 2010-03-09 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Restawr taċ-Ċittadella

Question

Tista' l-Ministru tippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti tekniċi kollha relatati dwar il-ħidma li għandha ssir għar-restawr taċ-Ċittadella? Tista' tgħid jekk il-bażi taċ-Ċittadella hijiex qed iċċedi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li, f'dak li jirrigwarda l-Masterplan għaċ-Ċittadella sar draft tad-dokument u fil-ġimgħat li ġejjin ser titkompla il-konsultazzjoni pubblika fuq dan id-draft. Id-dokument finali jkun jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta jkun lest. Fir-rigward imbagħad, tal-proġett li qed isir permezz ta' fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm ta' fondi ERDF 2007-2013, liema proġett qed isir f'kollaborazzjoni mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, ninsab infurmata li nbeda x-xogħol ta' verifika ta' l-istabilità tal-blat li fuqu hi mibnija ċ-Ċittadella. Din il-fażi ta' investigazzjoni u verifika għandha twassal biex fl-2011 jinbeda x-xogħol li jinstab li hu neċessarju għall-konsolidazzjoni ta' l-istess blat.

Grand Harbour Regeneration Consortuim

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Grand Harbour Regeneration Consortium? Liema huma r-rapporti u l-istudji li kkummissjona l-Grand Harbour Regeneration Consortium, isem b'isem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Arbitru fejn isiru Appelli tas-Sigurtà Soċjali — appell pendenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm lill-arbitru fejn isiru l-Appelli tas-Sigurtà Soċjali milli tisma' l-appell tal-individwu li dettalji tiegħu qed jintbagħat separatament li ilu pendenti għas-smiegħ sa minn Novembru 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-appell tal-persuna imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari huwa wieħed minn dawk li ser jinstemgħu lejn April - Mejju 2010.

Wied il-Għajn — Triq is-Skiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq is-Skiet, Wied il-Għajn peress li bħalissa tinsab f'qagħda diżastruża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li qed jierreferi għalih l-Onor Interpellant isir meta jkunu allokati l-fondi meħtieġa lil Transport Malta u skont il-prijorità iffissata.

Awtorità tad-Djar — ħsarat kawżati mill-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk saritx investigazzjoni għall-claim li għamlet l-koppja li dettalji tagħhom qed jinbagħtu separatament, ta' aġir tal-ħaddiema tal-Awtorità tad-Djar? Tista' tgħid jekk dawn humiex se jingħataw ir-rimedju li qed jitolbuha tal-ħsarat kawżati mill-istess ħaddiema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar din il-kwistjoni, għaddejja korrispondenza bejn l-avukat li jirrappreżenta l-koppja u l-avukat li jirrapreżenta l-Awtorità tad-Djar. L-Awtorità tad-Djar dejjem kienet disposta li ġġiegħel lill-kuntrattur imqabbad minnha jagħmel ix-xogħol rimedjali li huwa ġustifikat.

Tim li ħa jitla' għal Eurovision Song Festival

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni, isem b'isem, li se jmexxu t-tim li se jieħu ħsieb dak kollu relatat mad-diska Maltija 'My Dream' ta' Ms Thea Garrett fil-Eurovision Song Festival li ġej? Meta nħatar dan it-tim? Xi kriterji kellhom jissodisfaw dawn il-persuni biex jinħatru? Xi ħlas se jingħataw? X'inhuma t-terms of reference tagħhom? Xi pjanijiet ta' ħidma ħejjew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Orkestra Filarmonika Nazzjonali — Eurovision song contest

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern ikunx f'pożizzjoni li l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, li llum laħqet standards għoljin immens, takkumpanja lid-diska Maltija u l-kantanta Maltija fil-Eurovision Song Contest li jmiss, tenut kont li d-diska de quo hi ballata? Taħseb li xi ħaġa bħal din tkun qed toffri vetrina sabiħa għall-orkestra tagħna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-Regoli tal-European Broadcasting Union dwar il-Eurovision Song Contest jispeċifikaw li l-mużika li takkumpanja lill-kantanti trid tkun irrekordjata, għalhekk l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ma tistax tipparteċipa.

Partijiet tal-Imdina li qegħdin iċedu minħabba raġunijiet ġeoloġiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema partijiet tal-Imdina qed iċedu minħabba raġunijiet ġeoloġiċi u x'qed jagħmel il-Gvern biex jara li dawn ma jibqgħux iċedu bir-rata li qed iċedu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninstab infurmat li fl-Mdina hemm tliet postijiet li ġew identifikati fejn hemm problemi ta’ natura ġeoloġika: · iż-żona ta’ taħt il-Palazz ta’ Vilhena · il-Bastjun ta’ Despuig u · l-Magazine Curtain. Bħalissa għaddej xogħol ta’ konsolidament fis-swar ta’ taħt il-Palazz ta’ Vilhena; liema xogħol qed isir permezz ta’ ko-finanzjament mill-fondi ERDF 2007-2013. Preżentement qed isiru l-investigazzjonijiet fuq iż-żewġ żoni l-oħra biex iwasslu ghat-tfassil ta’ proġetti ta’ tisħiħ li huma pjanati li jittwettqu bejn l-2011 u l-2012. Ta’ min ifakkar ukoll li fl-2009 intemm proġett pilota ta’ konsolidament tas-swar taħt Misraħ il Kunsill liema progett sar b’ko-finanzjament mill- EEA.

Organisation chart — restawr tal-fortifikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-istruttura organizzattiva tal-entità governattiva (jew entitajiet jekk hemm iktar minn waħda) li qed tieħu ħsieb ir-restawr tal-fortifikazzjonijiet, bl-ismijiet u l-karigi ta' kull membru fl-organigram (organisation chart)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, permezz tat-Taqsima tar-Restawr, għandha parti mir-responsabbiltà tar-restawr u manutenzjoni tas-swar. Filwaqt li parti mix-xogħol isir direttament minn ħaddiema tat-Taqsima, xogħol ieħor isir wara li jinħargu sejħiet għall-offerti mill-privat. It-Taqsima hi bħalissa ukoll responsabbli mill-proġett ko-finanzjat minn fondi ERDF 2007-2013 li permezz tiegħu qed isir restawr estensiv fuq il-fortifikazzjonijiet tal-Belt, Birgu, l-Imdina u ċ-Ċittadella. Ta’ min jgħid li hemm ukoll entitajiet oħra li ma jaqgħux taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru li ukoll għandhom responsabiltajiet ta’ restawr ta’ fortifikazzjonijiet. Għaldaqstant mhux possibbli li ngħati l-organigram tal-persuni li qed jieħdu ħsieb ix-xogħol ta' restawr u manutenzjoni tas-swar.

poter ta' possession and use

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jirrilaxxa l-poter ta' possession and use fuq l-art immarkata bl-iskur fuq il-pjanta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, proprjetà ta' l-eredi li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Gvern qiegħed itemm il-proċess neċessarju biex l-art, li dettalji tagħha intbagħtu separatament, li qegħda għand il-Gvern b’titlu ta’ pussess u użu u li ma ġietx utilizzata, tiġi rilaxxata lura lis-sidien peress li m’għadhiex aktar meħtieġa.

Call for application għall-Health and Safety Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-call for applications għall-Health and Safety Officer fi ħdan id-dipartiment tal-Works Division fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali? Jaf li dawn il-call for applications ilhom biex joħorġu xhur twal? Jaf li hemm ħaddiema li anke għamlu l-korsijiet ta' Diploma in Occupational Health and Safety u li allura qed jagħmlu xogħol inferjuri għal dak li studjaw għalih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dan il-Ministeru għandu l-ħsieb li joħroġ għadd ta’ sejħiet għal diversi gradi fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, fost dawn hemm xi postijiet fil-gradi ta’ Health and Safety. Minkejja li hemm dipartiment tal-Health and Safety f’Ministeru ieħor, dan il-Ministeru dejjem ħass il-ħtieġa li jkollu Unit tiegħu. Minbarra dan, iħajjar ħaddiema biex jagħmlu taħriġ f’dan il-qasam. Dawn il-ħaddiema ikunu eliġibbli għal Qualification Allowance skont ma hu provdut fil-Public Service Management Code. Fil-fatt f’dan il-Ministeru hemm xi uffiċjali li minkejja li m'għandhomx il-grad ta’ Health and Safety Officer qegħdin jagħmlu xogħol relatat ma’ Health and Safety u qed jieħdu din l-allowance.

Kunsill tal-Għalliema — permanent warrant

Question

Peress li l-individwu li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament kien irċieva dokumentazzjoni mill-Kunsill tal-Għalliema li huwa ingħata l-permanent warrant għalkemm teknikament għadha ma saritx iċ-ċerimonja tal-għoti tal-warrant, u peress li għalliema oħra li kienu part-time instructors (bħall- persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament) ingħataw ukoll il-permanent warrant u nqalbu għal skala 9 tal-Gvern minn skala 15, u peress li l-persuna jinsab skala 14 u ntqal lilu mill-uffiċċju tal-Principal Human Resources tar-records section tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni (Principal li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament) li huwa ma kienx se jibbenefika minn titjib fl-iskala tiegħu għal skala 9 minħabba nomenklatura ta' senior tradesman u allura kien se jibqa' fi skala 14, tista' l-Ministru tidħol fil-każ u tara li ma jkunx hemm din is-sitwazzjoni mill-iktar inġusta meta huwa ovvju li l-persuna għandu jingħata l-permanent warrantu l-iskala 9?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li qed tirreferi għaliha l-Mistoqsija Parlamentari huwa Senior Tradesman li ngħata l-warrant permanenti. Il-fatt li wieħed ikollu warrant permanenti ma tfissirx li persuna għandha dritt awtomatiku għall-progression fl-iskali. Il-persuna msemmija huwa Senior Tradesman u għalhekk jaqa’ taħt il-ftehim tal-klassi teknika liema ftehim ma jagħmel l-ebda riferenza għall-progression ta’ min ikollu warrant permanenti. Il-persuna l-oħra riferuta għaliha fl-istesss Mistoqsija Parlamentari kien part-time instructor li, skont il-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT f’2007 kien eliġibbli biex isir għalliem fuq bazi personali dejjem jekk jissodisfa l-ktierji stipulati fl-istess ftehim.

Università ta' Malta — eżamijiet bil-lingwa maltija

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern in vista tad-deċiżjoni inspjegabbli meħuda mill-Università ta' Malta fejn b'seħħ minn Ġunju 2010 l-istudenti bħala prinċipju mhux se jkunu jistgħu jwieġbu l-eżamijiet bil-lingwa Maltija? Taħseb li din hi pożizzjoni redikola u tal-biki? Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Università, bl-istess argument, hiex tissuġġerixxi li l-Malti jitneħħa minn lingwa uffiċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Talba biex jitmexxa każ quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se jdum l-Uffiċċju tal-Arbitru ma jibgħat għall-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex jisma' l-appell tagħha? Taħseb il-Ministru li d-dewmien f'dawn il-każijiet hu ta' dannu kbir għall-familja u għat-tifel involut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-appell tal-persuna indikata huwa wieħed minn dawk li ser jinstemgħu lejn l-aħħar ta’ Marzu 2010. L-Uffiċċju tal-Arbitru qed jagħmel dak kollu possibli biex il-każijiet kollha jinstemgħu fl-inqas żmien possibli. Infatti bħalissa hemm tliet Arbitri li qed jisimgħu l-każijiet tal-appell.